Ġwanni Pawlu II f’Konċelebrazzjoni għall-Martri tal-Korea

KONĊELEBRAZZJONI GĦALL-MARTRI TAL-KOREA
 OMELIJA TA” ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana – Il-Ħadd, 14 ta’ Ottubru 1984

1. “Is-saltna tas-smewwiet tixbaħ lil sultan li għamel festa tat-tieġ għal ibnu” (Mt 22, 2).

Għal dan it-tieġ speċjali il-Missier etern jistieden il-popli u n-nazzjonijiet kollha tad-dinja.

Żewġ sekli ilu kien mistieden il-poplu Korejan. Fix-xahar li għadda ta’ Mejju kelli pjaċir li niċċelebra fil-Korea il-biċentinarju ta’ dak il-kristjaneżmu.

Il-poplu Korean wieġeb għall-istedina tal-festa mistika tal-Missier ċelesti billi wera f’qalbu disponibiltà straordinarja u impenn edifikanti, li llum huma ppremjati bi fjoritura splendida tal-komunità ekkleżjali  .

Fil-Korea l-fidi  twasslet – każ uniku fl-istorja – b’mod spontanju mill-istess Koreani. Il-mixja tal-Koreani lejn il-fidi infatti bdiet grazzi għall-inizjattiva indiġena ta’ numru ta’ lajċi. Tali mixja tgħinna nifhmu kemm importanza, għall-fini tas-salvazzjoni eterna, hija koperta l-aspirazzjoni naturali tar-raġuni umana għall-verità. Kienet infatti, kif nafu, riċerka lejali tal-verità li mbuttat lil dawk il-lajċi – kienu grupp ta’ letterati u “filosfi – li għamlu kuntatti, mhux mingħajr riskju gravu, ma’ Peking, fejn kienu semgħu min jitkellem dwar il-preżenza ta’ bnedmin, ftit minnhom  kattoliċi, li setgħu jilluminawhom dwar il-fidi l-ġdida mgħarrfa lilhom permezz tal-kotba l-ġodda. Dawn il-lajċi, irġiel u nisa, meqjusa ġustament bħala l-“fundaturi tal-Knisja” fil-Korea, għal 56 sena, mill-1779 sal-1835, mingħajr l-għajnuna ta’ saċerdot – għajr għall-preżenza tassew qasira ta’ żewġ saċerdoti Ċiniżi – xerrdu f’art twelidhom il-Vanġelu sal-wasla tal-missjunarji Fraċiżi fl-1836, u offrew u ssagrifikaw ħajjithom għall-fidi tagħhom fi Kristu.

U dak l-Iben ta’ Alla li, bil-miġja tiegħu fid-dinja tant sekli qabel, kien qal: “Kull min hu tal-verità, jismà leħni” (Ġw 18, 37), ma setax jiddiżappunthom fir-riċerka tagħhom, anzi, b’kelmtu divina, illuminahom ħafna iktar minn dak li huma stennew fil-bidu, illuminhom u qawwihom. Tahom dak l-Ispirtu ta’ qawwa li diġa kien iggwidahom, mingħajr ma huma kienu intebħu fil-mixjal lejn il-Verb tal-verità u lejn il-Missier.

Huwa għal dan l-Ispirtu ta’ qawwa li huma baqgħu sodi sewwa fi Kristu, lesti li jitilfu kull ġid, ukoll dak tal-ħajja, basta ma jitilfux lilu, Ġesù Salvatur.

2. Il-Knisja fl-art Koreana irrendiet, b’mod speċjali tul l-ewwel mitt sena, xhieda lill-fidi straordinarja fi Kristu, kif inhuma  prova l-ġemgħat numerużi tal-martri.

Kif inhu magħruf, matul ;-Ewkaristija ġubilari tas-6 ta’ Mejju li għadda f’Seoul, ingħatali li nikkanonizza 103 martri tal-Korea.

Dawn il-martri tal-Korea jikkostitwixxu numru żgħir, imma partikolarment sinifikattiv, fost l-eluf u eluf mfakkra mill-istorja.

Dan li jimlina b’ammirazzjoni profonda, għallinqas fix-xhidiet iktar erojċi riferiti lilna, huma s-serenità eċċezzjonali u l-ferħ misterjuż li bihom, b’don speċjali ta’ Alla, huma kienu kapaċi alavolja quddiem il-prospettiva tat-tbatijiet krudili u tal-mewt. Il-qawwa tal-martri tal-Korea tfakkarna dak li dwaru jingħad dwar l-ewwel sekli nsara. Fihom l-isplendur partikolari tax-xhieda donnu jħoss b’xi mod id-dixxiplina orjentali rigward l-awtodominju u d-distakk axxetiku mill-ġid ta’ din id-dinja, inkluża l-istess ħajja fiżika, waqt li twettaq f’ġisimhom “dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu, favur il-ġisem tiegħu li huwa l-Knisja” (Kol 1, 24).

3. Il-Vanġelu tallum ikellimna dwar il-qaddejja li l-Mulej jibgħat biex isejħu l-mistednin għat-tieġ ta’ Ibnu: “Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kulmin issibu” (Mt 22, 9).

Bosta wlied maskili u femminili ta’ Franza wettqu servizz missjunarju kbir fil-konfront tal-Knisja żagħżugħa tal-Korea.

Infatti, il-Papa Gregorju XVI, billi kien irċieva ittra tal-komunità ta’ lajċi li kien talba biex jintbagħtu saċerdoti, kien dar fl-1827 lejn is-Soċjetà tal-missjonijiet barranin ta’ Pariġi, li għarfet mument ta’espansjoni missjunarja qawwi, billi pproponiet li twieġeb għas-sejħa. Fost il-voluntarji li ppreżentaw ruħhom, kien hemm l-ewwel isqof maħtur mis-Santa Sede bħala vigarju apostoliku għall-art tal-Korea, Monsinjur Barthélemy Bruguière. Dan iżda miet qabel ma laħaq wasal fil-post tad-diżinjazzjoni tiegħu.

Imma l-martirju kien qed jistenna lill-Franċiżi qalbiena li mis-sena ta’ wara, l-1836, bdew l-attività tagħhom fil-Korea: Pierre Maubant u Jacques Chastan. Kienu mbagħad immarterizzati t-tieni vigarju apostoliku Monsinjur Laurent Imbert, li wasal fl-1837, imbagħad Monsinjur Siméon Berneux, Monsinjur Antoine Daveluy, u eroj Franċiżi oħra li tagħhom għandna isimhom miktub, kif tafu intom “fil-ktieb tal-ħajja” (Fil 4, 3; Ap 3, 5; 13, 8; 21, 27).

Dawn il-missjunarji martri ffraternizzaw mal-Koreani f’xhieda unika ta’ fidi li wriet sa liema  il-karità għandha valur li ma jagħrafx il-barrieri jew il-limiti tan-nazzjonalità jew tal-koltura. Dak li jħobb tassew l-art twelidu ma jistax iqis li bħala “barrani” lin-nisrani ta’ Pajjiż ieħor. U kull nisrani iqis bħala kompatrijoti, sa ċertu punt, lill-bnedmin ta’ Pajjiżi oħra. Bħalma l-missjunari Franċiżi għarfu jqisu bħala ħuthom lill-Koreani, hekk il-Koreani għarfu jqisu bħala ħuthom lill-Franċiżi. L-aħjar mod li tħobb lil Pajjiżek hu li tirrispetta dak tal-oħrajn huwa ġustament parti ta’ dak l-ispirtu ta’ “kattoliċità”, jiġifieri ta’ universalità awtentika, ta’ dan l-imħabba għall-bniedem mgħallem mill-Vanġelu u li hu don ta’ Alla lill-umanità kollha kemm hi.

Hawn hu għaliex il-Vanġelu huwa miftuħ għal kull forma ta’ kultura: dan jiffertilizza minn ġewwa l-kwalitajiet spiritwali u d-doni propji tal-kulturi differenti (cf. Gaudium et Spes, 53).

4. Fejn imissha twassalna, illum, din ir-riflessjoni dwar ix-xhieda erojka tal-martri, sabiex ma tibqax tifkira tagħhom sempliċement astratta?

Illum ukoll, minkejja l-affermazzjoni universali tal-prinċipju tal-libertà reliġjuża, ipproklamat mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, tant minn ħutna rġiel u nisa, mhux fi ftit reġġjonijiet tad-dinja, huma soġġetti għal nuqqas ta’ fehim, għall-emarġinazzjoni, għall-persekuzzjoni u għall-vjolenza fiżika u morali minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu. Mhux fi ftit nazzjonijiet, l-insara kif ukoll segwaċi ta’ raliġjonijiet oħra, jinsabu fil-ħabs u mċaħħda mil-libertajiet fundamentali tagħhom.

F’din iċ-ċelebrazzjoni sollenni u mportanti ad unur tal-103 martri Koreani nappella lill-awtoritajiet interessati u nitlobhom li jagħmlu mod li l-libertà reliġjuża taċ-ċittadini tagħhom tkun irrispettata f’kull livell. Il-poplu tagħhom ma jistax u lanqas m’għandu jkun iddiskriminat minħabba l-fidi tiegħu! L-insara huma, u feħsiebhom jibqgħu, ċittadini lejali u eżemplari, imma “sodi fil-fidi” (cf. 1 Pt 5, 9), lesti u xewqanin li jippromwovu u jikkontribwixxu għall-progress morali u ċivili tal-Pajjiżi tagħhom bil-ħiliet kollha tagħhom!

Din iċ-ċelebrazzjoni trid tkun ukoll eżaltazzjoni xierqa u grata, min-naħa tal-Knisja kollha, tax-xogħol instankabbli u ġeneruż imwettaq, fl-imgħoddi u fil-preżent, mill-missjunarji – saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, lajċi, irġiel u nisa – li ħallew art twelidhom, il-familja tagħhom, l l-imħabbiet u l-ideali umani tagħhom biex jagħtu tweġiba pronta lill-istedina ta’ Kristu u jxandru l-Vanġelu fid-dinja kollha! Dan id-dinamiżmu missjunarju, li huwa parti tar-realtà stess tal-Knisja, jistà jaddotta, mal-mixja taż-żmien, metodi u strumenti differenti biex jippermettu li l-messaġġ tal-Vanġelu jkollu inċidenza u effett skont iċ-ċirkostanzi varji. Imma dan id-dinamiżmu se jkun dejjem ibbażat u animat minn fidi qawwija u minn karità mmensa u sostnut u mdawwal mit-tagħlimiet tal-Knisja.

F’dan is-dens ix-xhieda tal-martri tal-Korea hija essenzjalment, illum ukoll, eżempju għal kollox validu u splendidu għall-missjunarji kollha, li lilhom inġedded il-gratitudni tiegħi u dik tal-poplu ta’ Alla kollu.

5. It-test tat-tieni qari ta’ din il-quddiesa meħud minn San Pawl, juri sewwa ħafna l-ispiritwalità tal-appostlu-missjunarju-martri.

Hemm similaritajiet sorprendenti bejn dak li naraw f’bosta martri tal-Korea u l-personalità tal-kbir appostlu tal-ġentili: dedikazzjoni totali għall-kawża ta’ Kristu; kuraġġ inflessibli u spirtu ta’ sagrifiċċju għad-difiża ta’ dik il-kawża sal-konsegwenzi estremi; xewqa inkontrollabi u inkrollabli biex taqsam il-ferħ intern tal-propja esperjenza nisranija man-numru maġġur ta’ erwieħ, mingħajr ma qatt iċċedi għan-nuqqas ta’ fehim jew għall-qtugħ il-qalb.

“Tgħallimt inkun fqir u tgħallimt inkun għani . . .” (Fil 4, 12). Pawlu kien lest għal kollox u, fl-istess ħin, kien maqtugħ minn kollox.  Ħaġa wahda kienet tinkwetah: li jkun u jibqà ma’ Kristu. Kwalunkwè ħaġ’oħra bħala sekondarja u finalizzata għal dak il-għan assolut, imqabbla ma dak il-valur suprem u irrinunċjabli. Mingħand Ġesù stess kien jirċievi l-qawwa għad-distakk komplut tiegħu. Permezz tal-grazzja, Ġesù kien iżommu qribu. Dan seħħ ukoll mal-martri tal-Korea.

6. Illum l-ulied maskili u femminili tal-Korea u dawk tal-Knisja fi Franza jgħajtu flimkien: “Jalla l-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu jillumina l-għajnejn ta’ qlubna biex nagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom” (cf. Ef 1, 17-18).

Hawn hu d-awl ta’ ħajjitkom: it-tama tas-salvazzjoni u tas-saltna ta’ Alla. Din hija l-verità li għandha tiggwida l-passi tagħkom, billi tgħinkom tissuperaw l-ostakli kollha li jopponu tali prospettiva: tħejju ruħkom biex tistennew is-saltna tal-Mulej, tħarsu dejjem ‘il hemm mill-mewt, u tirrendu ruħkom denji, b’ħajja qaddisa, tal-art il-ġdida tal-ħajjin. Il-Mulej Ġesù jkun il-gwida tagħna. Ejjew ngħidu aħna wkoll, mal-martri Koreani u Franċiżi: il-Mulej huwa r-ragħaj tiegħi!  Huwa jassigurani, jissapportjani u jiggwidani. Miegħu xejn ma jonqosni.!


Illum ninsabu hawn miġbura madwar l-altar ta’ San Pietru, simbolu tal-“istqarrija” tal-fidi vera, biex flimkien niċċelebraw l-Ewkaristija Mqaddsa ad unur tal-martri tal-Korea, ikkanonizzati f’Seoul waqt il-perijodu tal-Għid.

B’dan l-att sollenni rridu nagħtu xhieda mhux biss lill-għaqda u lill-universatilità tal-Knisja, imma wkoll lill-messaġġ tagħhom, lill-“istqarrija” tagħhom fil-martirju, tant rilevanti u attwali llum għad-dinja u għall-Knisja universali.

Irrid nindirizza tislima speċjali lill-għeżież fidili Koreani fil-lingwa tagħhom:

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu! Jiena tassew kuntent u grat li ġejtu minn hekk ‘il bogħod biex tiċċelebraw flimkien miegħi l-Ewkaristija Mqaddsa ad unur tal-qaddisin martri tal-Korea.

Nawgura li ħajjitkom ta’ nsara tassew iġġiegħel jiddi fid-dinja tallum l-eżempju erojku tagħhom!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading