Ħsieb ta’ D. Edward Vella
Il-poplu t’Alla tat-Testment il-Qadim kien meħud fl-eżilju tal-Babilonja fis-sena 587 Q.K.. Dan kien għalih żmien iebes ħafna u anke żmien ta’ purifikazzjoni. Għall-bidu ħassewhom abbandunati minn Alla; Alla li jgħammar fit-tempju fejn jinsab issa li t-tempju huwa meqrud? Bil-mod u bl-għajnuna tal-profeti fehemu li Alla ma abbandunahomx iżda qed jinqeda b’din l-esperjenza iebsa biex jibdilhom, jeqred minn ġo fihom id-dnub u jagħmilhom aktar bnedmin skont il-qalb tiegħu. Meta wara madwar 49 sena, Ċiru s-sultan tal-Persjani rebaħ lil min kien ijassarhom u bagħthom lura pajjiżhom, huma sabu l-ħerba li kienu ħallew warajhom, anżi issa kien kollox agħar. Il-Lhud għall-bidu bdew jaqtgħu qalbhom, l-aktar għaliex it-tempju kien imfarrak u ma setgħux joffru s-sagrifiċċi li tant kienu parti mill-kult tagħhom.
Hawn jidħol l-ewwel qari tal-lum u l-kliem li l-profeta Isaija qal lil dan il-poplu: ‘Mhux dan is-sawm li jiena rrid, li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Mhux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?’ Il-profeta, ispirat minn Alla, jgħallem lill-poplu li l-aqwa kult li jogħġob lil Mulej mhux is-sagrifiċċji tal-annimali u s-sawm, iżda fuq kollox il-ħniena u l-imħabba lejn kulħadd u b’mod partikulari lejn min hu batut. Aħna wkoll jekk il-fidi tagħna, u li mmorru l-knisja u nitolbu, ma jwassluniex biex inħobbu aktar, inkunu biss insara tal-isem u l-ġudizzju tagħna jkun aktar iebes.
‘Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.’ Aħna l-insara ma nistgħux inkunu il-melħ tal-art bil-paroli u kliem biss iżda bil-ħajja tagħna, bil-mod kif ngħixu; jekk il-fidi u l-prattika tal-fidi ma jwassluniex biex inħobbu bil-verità lil xulxin u lil kulħadd allura nkunu melħ li qata’ u li ma huwa tajjeb għal xejn aktar ħlief biex jintrema.
Ġesù jkompli jgħidilna, ‘Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar.’ Ġesù mhux jgħidilna biex dak li nagħmlu nagħmluh għal għajnejn in-nies; huwa jgħidilna li f’moħħna jrid ikun ċar li dak li qed nagħmlu nagħmluh għal Alla u għal Alla biss, u nkomplu nuru mħabba lejn kulħadd meta jarawna u japprezzawna u anke meta ma jarawniex u ma japprezzawniex. Hawn irid jgħidilna li jekk inkunu nsara veri, jekk ngħixu l-Kelma tiegħu verament u dan ma nagħmluhx għal għajnejn in-nies iżda għax hemm Alla biss f’qalbna, allura l-ħajja tagħna ssir bħal dawl li jdawwal lill-oħrajn. ‘Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.’ Infatti l-glorja l-bnedmin ma jagħtuhiex lilna iżda lil Alla. Riflessjoni mportanti li għandna bżonn nagħmlu llum hija: jien melħ li jagħti t-togħma ta’ Alla lill-oħrajn jew allaħares qatt melħ li qata’? Il-ħajja tiegħi ta’ nisrani hija ta’ dawl għal dawk li jafuni, jew allaħares jien aktar nxerred d-dalma tad-dinja?
Mulej Ġesù, kemm huwa faċli għalina li nħallu ruħna ninġarru mill-kurrenti ta’ din il-ħajja u flok melħ tal-art u dawl tad-dinja nsiru melħ li qata u dlam, jew dawl moħbi li ma jiswa għal xejn: nitolbuk agħtina l-qawwa tal-grazza tiegħek biex narfu tassew x’aħna u biex fik inkunu melħ veru li jagħti t-togħma u dawl li jdawwal lil min hu fid-dlam. Ammen.