Il-kelma ta’Alla tmexxina fin-nawfraġji tal-ħajja. Omelija tal-Isqof Anton Teuma

It-Tlieta, 10 ta’ Frar 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl. Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, Munxar.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Tagħmel differenza l-ħajja tal-fidi fil-bniedem?

Inġbarna flimkien dalgħodu biex niċċelebraw din is-Solennità kbira ta’ Pawlu li ġie fi gżiritna, f’Malta tagħna. Il-mistoqsija li għamilt u li nixtieq li flimkien nippruvaw inwieġbu għaliha dalgħodu hija: ‘Bil-fidi u mingħajrha xorta?’. Forsi t-tweġiba tiġina spontanja: ‘Le, mhux xorta’. Imma jien nerġa’ nagħmel mistoqsija oħra: ‘Għaliex mhux xorta? Tagħmel jew ma tagħmilx differenza l-ħajja tal-fidi fil-bniedem?’. Għax jekk ma tagħmilx, allura qegħdin hawn ngħaddu ż-żmien. Imma jekk tagħmel differenza, allura hemm bżonn neħduha bis-serjetà; hemm bżonn li l-kliem ta’ Ġesù, l-Ewkaristija u s-Sagramenti neħduhom b’aktar serjetà. Il-fidi li Pawlu ħabbrilna u rregalalna meta ġie fostna, hemm bżonn neħduha bis-serjetà.

Il-ħajja tagħna bħal dan il-ġifen fuq baħar imqalleb

Għadna kif smajna din il-ġrajja sabiħa (Atti 27:16–28:10) li qatt ma tixba’ tismagħha, u kull darba li tismagħha dejjem tinnota fiha xi ħaġa ġdida, tqanqal fina sentimenti ġodda skont minn xiex inkunu għaddejjin. Il-ħajja tagħna hi bħal dan il-ġifen fuq il-baħar. Naħseb li lkoll kemm aħna jkollna mumenti diffiċli u iebsa li nistgħu nxebbhuhom ma’ dan il-ġifen jitqalleb, tiela’ u nieżel mal-mewġ. Naħseb li fil-ħajja tagħna aħna wkoll inġarrbu l-istess sentimenti li ġarrbu dawn il-276 ruħ fuq dan il-ġifen: qtugħ ta’ qalb, biża’, ansjetà, il-biża’ minn dak li ma nafux x’ser jiġri ’l quddiem. Dan nesperjenzawh billi ngħixuh fid-diversi ġrajjiet ta’ ħajjitna: il-mard, il-problemi ta’ relazzjonijiet, il-biża’ fuq il-futur tagħna jew ta’ wliedna, id-diffikultajiet li jinqalgħu fuq il-postijiet tax-xogħol… u nistgħu nibqgħu sejrin.

Nistieden lil kull wieħed u waħda minna, inkluż jien, biex nistaqsu: ‘Liema maltemp għaddej minnu bħalissa? X’jismu dan il-maltemp?’. Pawlu ma jaħrabx mill-maltemp, imma jgħaddi minnu, mhux biss hu, imma jgħin lill-oħrajn jgħaddu minnu. Dalgħodu Pawlu jixtieq lilna wkoll li ngħaddu mill-maltempata tagħna, hi liema hi.

Kif jgħaddi Pawlu minn din il-maltempata kbira flimkien ma’ dawk in-nies kollha? Huwa kien bniedem ta’ Alla, u għalhekk il-kliem u l-għemil tiegħu kienu ta’ bniedem ta’ Alla. Għalhekk nistedinkom biex nisimgħu dawn il-kelmiet ta’ Pawlu u nirriflettu fuq l-għemil ta’ dan il-bniedem ta’ Alla, għaliex dawn jgħoddu għalina li għaddejjin mill-maltempata tagħna.

Kelma ta’ direzzjoni (27:10)

L-ewwel kelma ta’ Pawlu hija kelma ta’ direzzjoni. Pawlu kien priġunier, wieħed minn dawk tal-aħħar fost il-276 ruħ, wieħed mill-inqas li jgħodd u li kellu valur. Meta kienu Kreta, dan il-priġunier imur quddiem iċ-ċenturjun, il-kaptan u s-sid tal-ġifen u jgħidililhom: “Ħbieb, qiegħed nara li s-safra se tkun ta’ ħsara u telf kbir, mhux biss għat-tagħbija u l-ġifen, imma għal ħajjitna wkoll” (27:10)… Dan il-port hu port ta’ kenn, jekk ser nitilqu ħa nirriskjaw il-ġifen, imma mhux biss, il-ħajja ta’ dawk kollha li ser ikunu fuqu. Hawnhekk toħroġ xi ħaġa sabiħa minn Pawlu. Huwa jinteressah mill-inkolumità, mis-saħħa, mill-ħelsien, mis-salvazzjoni ta’ dawk il-276 ruħ, jinteressah mill-bniedem.

Mhux hekk il-kaptan, iċ-ċenturjun jew is-sid tal-ġifen. Iċ-ċenturjun kellu għan f’moħħu, li jwettaq il-biċċa xogħol li ġie mqabbad minn ta’ fuqu, li jwassal il-priġunieri – Pawlu wieħed minnhom – sa Ruma. Dak kien il-ħsieb taċ-ċenturjun; ma tantx kien jimpurtah mis-saħħa, mill-ġid veru ta’ kull bniedem li kien hemm fuq il-ġifen.

Is-sid tal-ġifen kellu f’moħħu l-flus. Ara xi qligħ kellu bi vjaġġ bħal dan li jrid jaqsam il-Mediterran għal Ruma b’267 ruħ fuqu! Ara x’interess! X’jiġi jaqa’ u jqum minn dak li jista’ jiġrilhom dawk li kienu fuq il-ġifen, in-nies, il-bnedmin!

U l-kaptan żgur li kellu pressjoni kbira minn parti kbira minn dawk in-nies illi riedu jaslu xi mkien. Żgur li l-approvazzjoni jew id-diżapprovazzjoni tal-oħrajn kienet importanti għalih. Kien hemm il-qligħ u ried juri wkoll kemm kien kapaċi.

Li kieku ma kienx hemm dawn il-motivazzjonijiet, kieku la ċ-ċenturjun, la s-sid u lanqas il-kaptan ma kienu jħallu l-ġifen jitlaq minn Kreta. Xi jfisser dan? Liema huma l-motivazzjonijiet tagħna fil-maltempata? Xi jkun hemm wara, xi nkunu rridu nakkwistaw fil-maltempata tagħna? Ħafna drabi jista’ jiġrilna li jekk ma jkollniex bħala skop ċar il-bniedem, hu min hu, u l-ewwel importanza nagħtuha lill-umanità, allura mbagħad il-qligħ, l-interessi u l-popolarità personali ser jiġu qabel, u nidħol ġol-maltemp u ħafna drabi nispiċċa biex nitlef kollox. Hekk irriskjaw li jitilfu kollox: sid il-ġifen li jitlef il-ġifen; il-kaptan li l-baħar, l-irjieħ, il-maltemp ħadlu l-kontroll għalkollox minn idejh, kemm tal-ġifen u kemm tas-sengħa illi biha pprova jidderieġi l-ġifen; u ċ-ċenturjun għal ftit ma rriskjax li jitlef lill-priġunieri kollha, li jmutlu kulħadd u ma jwassal lil ħadd Ruma.

Bħall-kelma ta’ Pawlu, il-Kelma ta’ Alla hija qabel kollox kelma ta’ direzzjoni. Ħafna drabi aħna ma nagħtux kasha qabel il-maltemp, bħalma ma tawx kasha ċ-ċenturjun, il-kaptan u s-sid tal-ġifen. Ħafna drabi aħna nibbażaw fuq il-kapaċitajiet tagħna, fuq il-ħsibijiet ta’ moħħna u dak li jidhrilna aħna, u mhux fuq dak li jixtieq Alla minna, li jixtieq il-bniedem ta’ Alla minna, li jixtieq il-Vanġelu minna.

Kelma ta’ fiduċja (27:21-26)

U telqu u spiċċaw fi traġedja u fi problema kbira, għaliex il-ġifen spiċċa jitqalleb mal-mewġ u jittieħed minn kull kurrent ’l hawn u ’l hemm. Hawn jerġa’ joħroġ Pawlu, il-bniedem ta’ Alla, u jerġa’ jagħti kelma, din id-darba waħda ta’ fiduċja, ta’ konsolazzjoni, ta’ tama. Il-Kelma ta’ Alla hija kelma ta’ tama għalina fil-maltemp u fid-diffikultajiet li ngħaddu minnhom. Dan l-aħħar wieħed fost il-276 ruħ, priġunier, jispiċċa jieħu r-riedni f’idejh, għax dan hu bniedem ta’ Alla, mimli bl-Ispirtu tiegħu. Il-bniedem mimli bl-Ispirtu ta’ Alla ma jaħrabx mill-maltemp kif kienu ser jagħmlu l-baħrin, dawk li suppost jibqgħu fuq il-ġifen sakemm dan jasal fil-port. Il-bniedem ta’ Alla jibqa’ hemm fil-maltemp jagħmel il-kuraġġ, jagħti t-tama.

Insibuha ħames darbiet il-kelma li Pawlu jagħmlilhom il-qalb. Din hija l-aktar kelma bil-Malti repetuta f’din is-silta. Hija traduzzjoni ta’ kliem differenti fil-verżjoni bil-Grieg. Pawlu jagħmel il-qalb lil dawk li kienu fuq il-ġifen. U Pawlu jagħmlilna l-qalb fil-maltemp tagħna. Il-Kelma ta’ Alla tagħmlilna l-qalb meta nisimgħuha bis-serjetà. Meta nkunu fil-maltemp, la l-kapaċitajiet tal-kaptan, la l-interessi u l-flus tas-sid, u lanqas ir-rieda, l-intenzjoni u d-determinazzjoni taċ-ċenturjun ma jibqgħu biżżejjed għalina. Hija l-Kelma ta’ Alla li tagħtina tama, li lilna tmexxina ’l quddiem qalb l-iebes tal-ħajja.

Kelma ta’ twissija (27:31)

Imbagħad Pawlu, minbarra l-kelma ta’ tama, jagħti kelma ta’ twissija. Il-Kelma ta’ Alla, barra li tidderiġina u tagħtina t-tama, twissina. Meta jwissi Pawlu? Huwa jwissi lil dawk li riedu jaħarbu mill-ġifen, lil dawk li riedu jsalvaw waħedhom, li jfittxu l-interessi personali, li jfendu għal rashom biex isalvaw ġildhom. Pawlu fi ftit kliem jgħidilhom: ‘Hawn jew ser insalvaw kollha kemm aħna billi jibqa’ kulħadd fuq il-ġifen, jew ser jintilef kulħadd. Jekk il-baħrin ma jibqgħux fuq il-ġifen, aħna sejrin nintilfu’.

Hija kelma ta’ twissija, b’mod speċjali għalina fi żmienna, fejn l-individwaliżmu, l-egoċentriżmu, fejn dak li jidhirli jien, kif niddeċiedi jien, kif naħsibha jien hu l-aktar importanti, ħafna drabi mingħajr ma nagħti kas ta’ dawk li hemm madwari, mingħajr ma nħares f’għajnejn il-persuni li jgħixu miegħi, li huma qribi jew li huma ’l bogħod minni. L-ewwel jien, imbagħad jien, u jekk jibqa’, jien. Pawlu, il-bniedem ta’ Alla, jgħidilna li ħadd ma jista’ jsalva waħdu, li lkoll kemm aħna marbutin wieħed mal-ieħor, li fil-ħajja rridu nagħtu kas tal-bżonnijiet ta’ xulxin, li ma nistgħux nagħmlu bħal dawk il-baħrin, naħsbu għal rasna… sewwa jien, sewwa kulħadd! Fil-ħajja rridu nagħtu kas ta’ dawk ta’ madwarna, b’mod speċjali ta’ dawk li jkunu qegħdin ibatu.

Kelma ta’ radd il-ħajr li ssir Ewkaristija (27:35-36)

Pawlu jgħid kelma oħra, l-aħħar waħda fuq il-ġifen: il-kelma li ssir Ewkaristija. Il-bniedem ta’ Alla jrodd ħajr lil Alla fuq il-ħobż u jqassam il-ħobż lil dawk li kienu fuq il-ġifen. Dan ifisser il-Kelma ta’ Alla li tiġi ċċelebrata, mgħixa, esperjenzata. Din l-imħabba li Alla għandu għalina permezz tal-Kelma tiegħu, tat-twissijiet tiegħu, tad-direzzjoni li jagħtina, tal-kuraġġ li jagħmlilna, din il-Kelma tiegħu ssir vera, ħajja, u ma tibqax biss kelma imma ssir ħobż, issir preżenza ta’ Alla, ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Ma nistgħux ngħidu bl-eżatt jekk kinitx quddiesa jew le dik li għamel Pawlu fuq il-ġifen. Imma li nistgħu ngħidu b’mod preċiż hu l-fatt li l-kelma li tintuża biex jgħidilna li huwa radd ħajr lil Alla hija l-kelma Ewkaristija, li lilna tfakkarna li għandna nroddu ħajr lil Alla fil-ħajja tagħna għall-ġid kollu li għamel magħna. Nimmaġinaw kif qalb dik it-traġedja, qalb dak l-inkwiet, it-tensjoni u l-ansjetà kollha, Pawlu jsib fih is-saħħa, il-qawwa u l-enerġija, għax mimli bl-Ispirtu ta’ Alla, biex jgħidlu: ‘Grazzi, Mulej. Irroddlok ħajr. Nirringrazzjak’.

L-Ewkaristija l-għajn li tagħtina l-qawwa naffaċċjaw il-problemi

Kemm hi dimensjoni importanti tal-ħajja tagħna! Kemm hu importanti li niskopru l-pożittiv, is-sabiħ fil-ħajja tagħna anki qalb il-maltemp biex inkunu kapaċi mhux biss induru lejn Alla u ngħidulu grazzi, imma nsibu s-saħħa u l-enerġija li jitfa’ fina l-Ispirtu ta’ Alla permezz tad-doni tiegħu ħalli naffaċċjaw mhux biss spiritwalment u bil-fidi, imma anki psikoloġikament u moralment, il-problemi tal-ħajja.

Imma dan kollu jista’ jsir realtà jekk niltaqgħu ma’ Ġesù li huwa l-għajn ta’ din il-qawwa fl-Ewkaristija. Din is-saħħa ma tibqax teorija, dawn il-pariri ta’ Pawlu ma jibqgħux biss ideat u kliem meta aħna niċċelebraw l-Ewkaristija. Dak il-kliem isir verità. Hija l-Ewkaristija li tagħtina direzzjoni, li tagħmlilna kuraġġ, li twissina, hija s-sinjal ta’ kif għandha tkun il-ħajja tagħna ta’ kuljum: għotja sħiħa.

Jekk intom tħarsu ftit mill-bogħod lejn din l-istorja li għadna kif smajna, taraw lil Pawlu bħala bniedem ħsiebu fl-oħrajn, li l-oħrajn ikunu sewwa, ħsiebu fil-ġid tal-bnedmin. Huwa l-bniedem ta’ Alla li mhux biss jipprietka imma li fil-verità jgħix dak li jipprietka. Allura tagħmel differenza kbira li jkollok il-fidi jew ma jkollokx.

L-umanità naturali ta’ missirijietna

Jaħbtu ma’ gżira u jidħlu f’pajjiżna, f’Malta, u jsibu nies qalbhom tajba li jilqgħuhom bi ħlewwa liema bħalha, b’umanità rara. Allura dawn in-nies kienu diġà jħobbu, twajbin, mimlijin bil-valuri li suppost għandhom l-Insara. Għax il-Kristjaneżmu x’inhu jekk mhux il-perfezzjoni tal-umanità? Il-fidi tagħna x’inhi jekk mhux li twassal fil-milja tagħha dak li aħna diġà aħna bis-serjetà fil-qalb tagħna, kif għamilna Alla? Ma ninsewx li aħna ħolqien ta’ Alla.

Hawn hu l-gwaj, meta aħna ma nibqgħux umani, ma nibqgħux naturali, spontanji bħalma kienu missirijietna. Allura hemmhekk il-fidi nibdew narawha żejda. Meta nibdew insiru artifiċjali, meta l-flus, l-apparenza, il-ġid, dak li jgħidu l-oħrajn, jiġi qabel l-ispontanjetà tal-qalb, allura l-fidi tidher xi ħaġa superfiċjali, li ma tmissx magħna. Imma mhux il-fidi superfiċjali, iżda jien. Mhux il-fidi m’għandix bżonnha, ma tgħoddx għalija, imma jien li m’iniex jien tassew.

Dan hu r-riskju li qegħdin inġarrbu llum f’pajjiżna, fl-Ewropa tagħna, fid-dinja li qed ngħixu fiha. Qegħdin nitilfu n-naturalità u l-umanità naturali tagħna. Jekk aħna nitilfu din, il-fidi nħossuha ’l bogħod minna, għax il-fidi, biex aħna nilqgħuha, titlob l-umanità, l-ispontanjetà, is-sempliċità li kellhom missirijietna. Kellhom sempliċità tant kbira li l-ewwel jilqgħuh lil Pawlu, u din l-ispontanjetà hi tant evidenti li ftit wara ħasbuh ikkundannat minn Alla, ħasbuh qattiel, kriminali, għax lifgħa weħlet ma’ idu.

Hemmhekk kien hemm il-qabża. Meta ndunaw li l-lifgħa m’għamlitlu xejn, li l-ħsara ma saritx, allura bl-istess spontanjetà, marru fuq in-naħa l-oħra. Imma din kienet biżżejjed għall-antenati tagħna biex jibdew jiddubitaw, jirriflettu u jaħsbu: ‘Imma dan min hu. Dan x’inhu? Dan mhux bniedem bħalna preċiż. L-umanità tiegħu hija ’l fuq mill-umanità tagħna. X’ġara fih dan il-bniedem?’. U bil-mod il-mod, b’dawn id-dubji, dawn il-mistoqsijiet, in-nies tagħna fetħu qalbhom biex jilqgħu l-Ispirtu ta’ Alla, il-Kelma ta’ Alla.

Alla jrid li aħna nkunu sew illum qalb il-maltemp

L-ewwel hu Publiju, il-gvernatur tal-gżira, li jilqa’ lil Pawlu. Hu l-ewwel wieħed li għamel il-qabża, forsi għax kien intelliġenti aktar minn ħaddieħor, forsi għax għaraf xi ħaġa kbira f’Pawlu aktar minn ħaddieħor, u jilqagħhom tlett ijiem għandu. L-ewwel Publiju, il-mexxej tal-gżira, li jilqa’ l-fidi, l-Ispirtu ta’ Alla, il-kelma tal-bniedem ta’ Alla. Hawn jiġri dak li qatt ma stenna: ifiq missieru, u jiġu persuni oħra morda u jfiqu. Isseħħ is-salvazzjoni tal-bniedem, għax Alla għandu biss ħaġa waħda f’moħħu, li jien u int inkunu sew.

L-iskop tar-reliġjon tagħna hu wieħed: li jien u int inkunu sew, mhux wara li mmutu imma llum qalb il-maltemp, it-tempesti, fuq il-ġifen imkisser tiegħi, li hija ħajti tielgħa u nieżla mal-mewġ, mal-maltemp, mar-riħ qawwi.

Ma naħlux opportunità li nisimgħu l-Kelma li ssalvana

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex nilqgħu l-fidi bħal missirijietna, biex inħallu l-bniedem ta’ Alla, il-Kelma ta’ Alla, il-Vanġelu jmissilna qalbna u ħajjitna. Ejjew nitolbu lill-Mulej biex ma nittraskurawx, ma naħlux l-opportunitajiet biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, fil-parroċċa tagħna stess. Ejjew ma naħlux din il-Kelma, għax din hija li trid tagħtina s-saħħa, il-qawwa, id-dawl biex qalb il-maltemp, il-biża’, it-tensjonijiet tal-ħajja, aħna naslu fil-port anki jekk il-ġifen jitkisser u jinqered, anki jekk il-ġisem tagħna jitkisser u jinqered… imma naslu qawwijin u sħaħ. Naslu mimlijin b’fiduċja, hemm fejn aħna msejħin biex inkunu u magħqudin ilkoll flimkien u mal-Mulej. Ejjew ma naħlux opportunità waħda milli nisimgħu l-Kelma li ssalvana.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading