Il-Fiera

Kitba ta’ Joe Galea

Fil-ktieb tiegħu ‘La Bibbia, Parola d-Amore’, ‘Il-Bibbja, Kelma ta’ Mħabba’, Giovanni Barra jikkwota Rumanz tal-awtur Taljan Mazzorali, ‘Tra l’Argine ed il Bosco’, ‘Bejn il-Moll u l-Bosk’. Jirrakkonta li kien filgħaxija, wara li spiċċat il-fiera, tliet ijiem ta’ festa, mhux reliġjuża, fejn il-villaġġ jinsa kollox. Fit-toroq, nies għajjenin wara jiem ta’ storbju u divertiment. Il-knisja, wara r-Rużarju, reġgħet lura għal deżert. Baqa’ biss il-qassis, biex jitlob, imma ma rnexxilux. Intefa’ fuq bank, wiċċu bejn idejh, u l-għejja ġabitlu n-nagħas, u ħolom.

Il-fiera tal-villaġġ

Purċissjoni stramba mxiet fil-korsija min-nofs lejn l-altar maġġur. Kienu l-qaddisin tal-villaġġ, dawk li jkunu miżmumin b’għożża fid-djar, qaddisin tal-karti, tal-ġibs, tat-tafal, pitturi b’kulur li għoddu mar, mgħawġin fl-inkwatri, statwi b’xi biċċa nieqsa jew mibruxa. Folla żgħira ta’ qaddisin fit-triq tal-villaġġ fejn dan l-aħħar kienu naqsu n-nies.

Għaliex il-qaddisin se jitilqu mir-raħal? Kienu mdejqa li jibqgħu hemm. Ħassewhom ma jiswew għal xejn. Ftit jjagħtu kashom. Anzi, kien hemm min kasbarhom. Kien żmien meta dehru Karl Marx u Lenin, fil-bidu tal-komuniżmu, li b’tagħlimhom aljenaw lin-nies. In-nies ippreferew l-ideoloġija Marxista. Allura, fil-ħolma, il-qaddisin li ħadu l-wiċċ tan-nies tal-villaġġ ġew biex biex isellmu lill-Mulej fil-knisja qabel iħallu l-villaġġ. Kienu qatgħu qalbhom.

“Isimgħu, uliedi,” qal il-Mulej, “għandkom raġun.” Afdajtilkom xogħol li n-nies ma jistmawx. In-nies ta’ din il-parroċċa ħallsukom b’mod ħażin għall-protezzjoni li tajtuhom. U ma kontux ittrattati tajjeb. Imma jien m’għedtilkomx li: “Se nibgħatkom bħal ngħaġ qalb l-ilpup?,” li “d-dixxiplu mhux aqwa mill-imgħallem tiegħu? Kif ittrattaw lili, hekk jagħmlu lilkom?” Minn hawn, fejn jien imsammar mas-salib, m’inix se ninżel. Dan hu mod ta’ kif inħobb, l-uniku mod li bih nirbaħ.

Hawnhekk kulħadd baxxa rasu, u stħaw iħarsu lejn il-Mulej. U l-Mulej kompla: “Ma taħsbux, uliedi,” li esaġerajtu xi ftit? Mhux kollox hu ħażin f’dawk id-djar imsejkna li tridu tħallu warajkom. Aħsbu: hemm min ibati, ħafna nkwiet, hemm tant miżerja. Irrakkuntaw intom stess….”

Bil-mistħija, minn taħt l-ilsien, xi ħadd beda billi jsemmi xi ġentilezza, xi ħadd li kellu raġun imma ħafer. U mbagħad tant dmugħ fil-familji, tant niket, tant faqar. Indunaw li l-imħabba hi kollha paċenzja, u paċenzja fit-tul, tiġġeneraw imħabbiet kbar u opri kbar. U bdew jirrakkuntaw kif madwarhom hemm ġesti sbieħ li jimlewhom bit-tama.

U baqgħu hemm. Ma telqux mill-villaġġ. Kienet rebħet it-tama.

  • Jekk inqiegħdu riġlejna fl-art u ma nkunux qed ngħixu fis-sħab, ma nistgħux ma ngħidux li fid-dinja hawn min mhuwiex man-naħa tat-tajjeb. Iva, hawn il-ħażin. Hawn l-indifferenza mhux biss lejn dak li hu reliġjuż, imma wkoll indifferenza lejn it-tbatija tal-oħrajn, indifferenza lejn l-ambjent, indifferenza lejn il-kultura, lejn it-tradizzjonijiet li jagħtu identita’ lill-pajjiż.
  • Tħossok taqta’ qalbek. Titlaq ‘l hemm. Jonqoslok il-kuraġġ. “Mhemmx x’tagħmel!” “Ħadd ma jrid jaf! Wisq aħbarijiet ħżiena, kuljum. Qisni dejjem fuq in-naħa telliefa. Mhemmx li nifirħu ftit. Mhemmx li naraw ftit dawl.
  • Il-knisja dejjem l-istess nies. Tfal ma tarax. Dejjem l-istess kantalena. X’qed nieħu billi mmur il-knisja? Xi nies li jkunu hemm kuljum ma nħossx li jispirawni għat-tajjeb. Nista’ nibqa’ ġewwa u nitlob ‘l Alla waħdi.

Imma f’din l-istorja, il-Mulej ma jaħsibhiex hekk. Qatt ma tonqsu t-tama. U għandna għaliex inrabbu t-tama.

  • Madwarna hawn ħafna tajjeb. San Ġorġ Preca kien jirrepeti: “Il-buono non fa chiasso.” It-tajjeb ma jagħmilx storbju.” Hekk kif xitla tikber fil-kwiet, kif għasfur jaqbeż minn fergħa għall-oħra mingħajr ma jinħass.
  • Kemm isir ġid mingħajr riklami! Kemm għalliema fl-iskejjel, katekisti fil-parroċċi qed jgħinu b’ħidma u ħafna paċenzja fost it-tfal, ġejjin minn fejn ġejjin, u dan biex ikun hawn soċjeta’ aħjar.
  • Forsi ma nagħtux kas kemm saċerdoti, fosthom dawk anzjani, li joħorġu mid-dar filgħodu kmien jew minflok jigbqgħu għall-kumdita’ tad-dar filgħaxija, biex jaqduna fil-Quddiesa u jisimgħuna fil-Qrar ngħidulhom il-praspar tagħna.
  • Hemm ħafna x’tgħid f’dak li huma ħwejjeġ sbieħ, għalkemm dawn ma tarahomx fl-aħbarijiet.

Mela nagħmlu kuraġġ, filwaqt li niftakru x’qal il-Mulej lill-qaddisin li riedu jitilqu mill-villaġġ ta’ din l-istorja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading