Meta l-ġustizzja tkun mibnija fuq il-verità toħloq armonija – L-Arċisqof

It-Tlieta, 17 ta’ Frar 2026: Diskors tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Ftuħ tas-Sena Ġudizzjarja tat-Tribunal Metropolitan. Mużew tal-Katidral ta’ San Pawl, Imdina.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Diskors tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-verità tiżżewweġ mal-ġustizzja u meta l-ġustizzja tkun mibnija fuq il-verità toħloq armonija. Kif għidt inti, Alessandra wkoll, qegħdin f’post li jiċċelebra l-armonija. U aħna rridu nirringrazzjaw ukoll tant kollaboraturi tagħna u qed nitkellem ukoll mhux f’ismi personali, bħala l-Arċisqof ta’ Malta, imma wkoll f’isem l-Isqof t’Għawdex, Anton Teuma – aħna nixtiequ ngħidu grazzi lil tant kollaboraturi tagħna li matul is-snin ħadmu fil-qasam tal-ġustizzja fil-Knisja. Mhuwiex xogħol faċli imma xogħol importanti.

Dejjem ngħidu li huwa parti minn ħidma ta’ fejqan. Il-fejqan li jitfa’ d-dawl tal-verità fuq sitwazzjonijiet kumplessi, umani minsuġa mhux biss b’aspirazzjonijiet kbar imma wkoll kultant bi fraġilità kbira f’kull qasam mhux biss dak matrimonjali imma wkoll dak penali. Jiena nixtieq nirringrazzja wkoll lill-kelliem ewlieni tagħna llum, li b’kuraġġ imma b’attwalità kbira ser ikellimna fuq din ir-realtà ta’ żwieġ bejn persuni li ġejjin minn tradizzjonijiet differenti, li jista’ jkun għandom kostellazzjonijiet ta’ valuri differenti imma ngħaqdu jew jixtiequ jingħaqdu fiż-żwieġ u jagħmlu armonija li taf ikollha wkoll l-kumplessitajiet tagħha. Il-knisja tirrelata ma’ dak li huwa r-realtà tal-persuni u tiffaċilita fejn tista’ u kemm tista’ li jgħixu f’armonija. F’dinja fejn qiegħda ssir iżjed multi-etnika.

Anke pajjiżna – aħna għandna kwart tal-popolazzjoni li mhumiex etnikament Maltin, li ma tippretendix li jkunu kattoliċi lanqas; għandna preżenza qawwija ta’ komunitajiet Ortodossi u għandna reliġjonijiet ukoll mhux insara. Allura l-bnedmin jiltaqgħu ma’ xulxin, jinħabbu u jkunu jridu wkoll ifasslu ħajja flimkien. Aħna bħala komunità nisranija rridu nilqgħu dawn l-aspirazzjonijiet u kemm nistgħu u kif nistgħu nirrispondu u niffaċilitaw din l-armonija.

Qegħdin  f’post fejn l-armonija ssir arti. Ħerqan li magħkom nisma’ intuwizzjonijiet feliċi fuq kif f’sitwazzjonijiet komplessi aħna nistgħu niffaċilitaw l-armonija bejn il-koppja. Nixtieq ukoll inġedded l-apprezzament tiegħi għax-xogħol kollu li jsir, imma nawgura wkoll li fil-maltemp tal-ħajja intom tkunu s-sinjal tal-kalma u tal-bnazzi.

Nawguralkom u nirringrazzjakom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading