It-Tieni Ħadd tar-Randan. Sena A

Minn D. Edward Vella

Xi żmien ilu smajt lil xi ħadd jispjega x’inhi d-differenza bejn reliġjon u fidi u tassew laqtitni; reliġjon hija xi ħaġa li aħna nagħmluha għal Alla, fil-waqt li l-Fidi hija xi ħaġa li Alla jagħmel għalina u aħna kulma rridu nagħmlu hu li nħalluh iwettaq il-ħidma tiegħu fina. Nistgħu ngħidu li xi forma ta’ reliġjon hija qadima daqs kemm hu qadim il-bniedem, għaliex il-bniedem intelliġenti ma jistax ma jaħsibx li jekk mix-xejn ma jiġi xejn ried ikun hemm xi Ħadd li ħalaq kollox. Hekk bdew il ħafna reliġjonijiet li huma l-espressjoni tal-bniedem fit-tfittxija tiegħu lejn Alla.

Alla tant ħabbu lill-bniedem, li għad li fil-bidu dineb kontrih u għax ried tbiegħed minnu, Alla xorta waħda reġa beda jfittxu. Fl-ewwel qari tal-lum, mill-ktieb tal-Ġenesi, għandna l-ewwel personaġġ li beda din l-esperjenza ta’ Alla. Abram kien pagan, u bħall-familja tiegħu u niesu kien iqim allat foloz. Il-Mulej sejjaħlu u qallu biex jitlaq minn pajjiżu biex jibda esperjenza ta’ Alla wieħed, il-Ħaj. ‘Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurikU jien nagħmlek ġens kbir, inbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka.’ Abram beda din l-esperjenza ta’ fidi, għaliex l-inizjattiva kien ħadha Alla, u hu wieġeb għas-sejħa li saritlu. Minħabba f’hekk lil Abram insejħulu missierna fil-Fidi.

Din l-esperjenza umana tal-Fidi telqet minn Abram iżda tilħaq il-qofol tagħha fi Kristu. Kien permezz ta’ Ġesù li din ir-relazzjoni Alla-bniedem laħqet il-milja tagħha. Ġesù, Alla u Bniedem, huwa l-uniku pont li jgħaqqad lil Alla mal-bniedem u lill-bniedem ma’ Alla. San Pawl fit-tieni qari qalilna, ‘Din il-grazzja tahielna qabel iż-żmien tal-eternità fi Kristu Ġesù, imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.’ Mela fi Kristu tilħaq il-milja tagħha l-esperjenza ta’ Fidi mibdija minn Abram.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jieħu miegħu biss lit-tliet appostli l-aktar qrib tiegħu, jiġifieri Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Ġesù ma riedx jagħmel xi spettaklu minnu nnifsu, u għalhekk din l-esperjenza unika ried jagħtiha biss lil dawk li kienu l-aktar qrib tiegħu biex hekk x’ħin ikollhom jaffrontaw l-esperjenza ħarxa tas-salib ma jitfixklux iżżejjed. X’kienet il-bidla li seħħet f’Ġesù fuq il-muntanja Tabor? Fil-ġisem qaddis ta’ Ġesù ddiet id-divinità tiegħu, hekk li ġustament Pietru, li ħassu qiegħed il-ġenna, qallu, ‘Mulej, kemm hu sew li aħna hawn!..’ Pietru kien għadu ma fehemx li ma hemmx ġlorja mingħajr salib.Id-dehra ta’ Mosè (dak li permezz tiegħu Alla ta l-Liġi lill-poplu tiegħu) u Elija (l-akbar profeta) trid tfisser, li huwa f’Ġesù li l-Iskrittura mqaddsa ssib il-milja tagħha u tista’ tabilħaqq tiftiehm kif irid Alla. Però l-aktar importanti hija l-vuċi tal-Missier li nstemet tgħid, “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”. Kemm hu mportanti li nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien lil min nisma (to listen u mhux to hear), lil Ġesù jew lil xi ħadd ieħor, jew forsi lili nnifsi’; liema hi dik il-vuċi li jiena nagħżel biex tmexxini fil-ħajja?

Mulej Ġesù, illum inħossuk tgħidilna mal-appostli ‘La tibżgħux’, għaliex aħna nħossuna mtaqqlin mid-dgħufijiet tagħna li jġibu fina l-biża. Nitolbuk agħtina Fidi vera, Fidi li tfisser esperjenza ta’ Alla permezz tiegħek, biex hekk int issir għalina dik it-Triq waħdanija li twassal għall-Verità tal-Ħajja ta’ dejjem. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading