Minn D. Edward Vella
Il-progress kbira li għamel il-bniedem tal-lum hu bla dubju impressjonanti; progress fix-xjenza, teknoloġija, mediċina, eċċ… Ovvjament dan il-progress kollu jitlaq minn moħħ il-bniedem; il-bniedem huwa verament intelliġenti u kapaċi jaffronta fruntieri li forsi żmien ilu kien jaħsibhom impossibli. Iżda bħal kollox, anke f’dan hemm il-pożittiv u n-negattiv. Huwa wkoll dan l-istess bniedem li vvinta l-armi qerrieda tal-gwerra u ħoloq gwajjijiet oħra. Forsi l-akbar effett negattiv tal-progress li għamel il-bniedem tal-lum, huwa li beda jaħseb li ħadd ma jista’ għalih, li huwa alla, li Alla l-veru ma jeżistix, jew lanqas ma jimpurtaħ jekk jeżistix jew le, u allura huwa hu li jiddetermina dak li għandu jiġri fid-dinja u ħadd aktar. Dan kollu wassal għall-kaos li qegħdin ngħixu fih, wassal għal dinja fejn donnu l-egoiżmu sar saltna li taħkem fuq kollox u kulħadd. Hija l-esperjenza moderna tat-Torri ta’ Babel.
Il-vanġelu tal-lum huwa straordinarju: Ġesù, quddiem is-sitwazzjoni mudlama tad-dinja tal-lum, jgħidilna, ‘Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja’. Il-ġrajja tal-agħma, fl-Evanġelju tal-lum, hija ġrajja attwali ħafna jekk inħallu lill-Mulej ikellemna permezz tagħha. Hija interessanti ħafna l-mistoqsija li jagħmlu d-dixxipli lil Ġesù dwar l-agħma: ‘Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?’ Il-Lhud kienu jemmnu li Alla lil min hu tajjeb jagħtih it-tajjeb u lil min hu ħażin jagħtih il-ħażin, u għalhekk jekk dan hu agħma dan għaliex Alla qiegħed jikkastigah tad-dnub tiegħu jew tal-antenati tiegħu. Mentalità negattiva ħafna, li kull tant għadha teżisti; infatti kull meta ngħidu ‘għaliex jien’ quddiem it-tbatija inkunu qegħdin naqgħu f’din il-mentalità, inkunu aħna wkoll ngħidu ‘jekk jien qed inbati dan għaliex Alla qiegħed jikkastigani, u ta’ liema dnub qed jikkastigani’? Ġesù jeħodha kontra din il-mentalià bi kliemu iżda fuq kollox meta hu stess aċċetta t-tbatija u l-mewt tas-salib; żgur li Alla mhux qiegħed jikkastigah għal xi dnub.
Huwa qawwi ħafna f’dan il-Vanġelu l-konfront bejn il-Fariżej u l-agħma; l-agħma fiżikament, dak li jiġi ġġudikat kollu dnubiet għaliex Alla qed jikkastigah skont il-Fariżej, f’għajnejn Ġesù ‘ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih’. Mela fih ser tidher il-qawwa ta’ Alla aktar minn ħaddieħor u hu ser jesperjenza l-imħabba t’Alla aktar minn min kien jaħseb li jara. L-agħma veru huwa dak li ma jaċċettax lil Ġesù bħala s-salvatur, il-messija, Alla li ġie biex isalva lill-bniedem. Allura l-Fariżej li jaħsbu li huma perfetti, li huma ħfief biex jiġġudikaw, li jħossuhom aħjar minn ħaddieħor huma l-veru għomja, għaliex għalqu lilhom infushom il-barra mill-grazzja t’Alla li dehret f’Ġesù. ‘Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu: ‘Aħna naraw’, mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom’. Hija s-suppervja li tirrendi lill-bniedem għama minn ġewwa, huwa l-bniedem li jisker quddiem l-intelliġenza tiegħu u jibda jaħseb li fuqu ma hemm ħadd, lanqas Alla, li qiegħed jgħix fil-veru dlam li jibqa’ għal dejjem. Tajjeb nistaqsu lilna nfusna llum ‘jien aċċettajtu d-dawl ta’ Ġesù jew qed ngħix fid-dlam tas-suppervja tiegħi’?
Mulej Ġesù, int li għedtilna, ‘Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja’, għinna ħalli nagħrfu jekk aħniex verament inħalluk ddawwal id-dinja personali tagħna, għinna ħalli nintebħu bid-dlam li hemm fina u madwarna, u fik insiru aħna ukoll dawl biex permezz tagħna ddawwal id-dlam sfiq li tant qed jaħkem fid-dinja ta’ madwarna. Ammen.