Il-katekumenat kien żmien formazzjoni u preparazzjoni li bih persuna kienet titħejja biex tħaddan il-fidi Nisranija u tirċievi s-sagramenti tal-Inizjazzjoni: il-Magħmudija, il-Konfermazzjoni u l-Ewkaristija. Fil-bidu dan kien proċess twil, serju u profond. Madankollu, matul iż-żmien il-katekumenat għadda minn diversi bidliet kbar.
Il-Katekumenat fil-Knisja tal-Ewwel Sekli
Fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu, speċjalment qabel ir-raba’ seklu, persuna li riedet issir Nisranija kienet tagħmel żmien ta’ tagħlim u konverżjoni li seta’ jdum sa tliet snin jew aktar.
Dan il-proċess kien jinkludi tagħlim sistematiku tal-fidi, bidla fil-ħajja morali, parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità nisranija, kif ukoll skrutinji u ritwali ta’ indiema u purifikazzjoni.
L-Insara l-ġodda kienu jitgħamdu flimkien fil-lejl imqaddes tal-Għid il-Kbir. Dan kien ikun il-qofol tal-mixja tal-katekumenali tagħhom. Kitbiet antiki bħad-Didache juru kemm il-proċess kien ikun tassew strutturat u serju.
Wara r-Raba’ Seklu
Is-sitwazzjoni bdiet tinbidel wara s-sena 313, meta Kostantinu l-Kbir ta l-Editt ta’ Milan. Il-Kristjaneżmu kien l-ewwel aċċettat mill-Imperu Ruman u wara wkoll sar ir-reliġjon uffiċjali tiegħu. F’dan iż-żmien ħafna bdew isiru Nsara f’daqqa, forsi mhux kollha għax kienu tant konvinti, imma għaliex hekk kien jaqbel. Barra minn hekk, bosta trabi bdew jitwieldu f’familji Nsara. Għalhekk il-Magħmudija tat-trabi bdiet issir aktar komuni. B’riżultat ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-katekumenat twil u strutturat beda jonqos sakemm ftit, ftit sparixxa għal kollox.
Matul il-Medju Evu
Matul il-Medju Evu, il-katekumenat tradizzjonali ma baqgħax jeżisti bħala istituzzjoni. It-tfal kienu jitgħammdu ftit wara t-twelid u allura l-ġenituri kienu bdew jieħdu rwol ewlieni fl-edukazzjoni tal-fidi ta’ uliedhom. Biż-żmien il-formazzjoni reliġjuża bdiet issir aktar tard permezz ta’ laqgħat ta’ katekiżmu organizzat mill-parroċċi Hekk il-proċess inbidel minn minn preparazzjoni qabel il-Magħmudija għal tagħlim wara l-Magħmudija.
Aktar lejn żmienna
Fi żminijietna, speċjalment fl-artijiet tal-missjoni, il-Knisja xi drabi reġgħet introduċiet forom ġodda ta’ katekumenat biex tipprepara adulti għall-Magħmudija.
Imma r-restawr veru tal-katekumenat seħħ fis-seklu għoxrin permezz tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II (1962–1965), li ried jqajjem mill-ġdid din il-prattika antika tal-Knisja tal-ewwel sekli. B’riżultat ta’ dan kien introdott programm uffiċjali msejjaħ, Rit Nisrani ta’ Inizjazzjoni għall-Adulti (RCIA).
Dan reġa’ inkluda żmien ta’ katekeżi, ritwali differenti u integrazzjoni fil-komunità Nisranija.
Il-Katekumenat illum
Illum il-katekumenat jeżisti prinċipalment għal dawk l-adulti li jixtiequ jsiru Nsara, jew adulti li minkejja li twieldu f’familji nsara, huma ma jkunu qatt ġew mgħammda.
Fi żmienna hemm ukoll dawk li minkejja li jkunu mgħammda u jirċievu wkoll l-Ewkaristija fi ċkunithom, imma qatt ma jkunu ħadu s-Sagrament tal-Konfirmazzjoni (Griżma tal-Isqof). F’dawn l-aħħar każi, il-katekument jista’ joffri mod idejali ta’ tħejjija għal dan is-Sagrament.
Hemm imbagħad dak il-katekumenat, forsi mhux tant formali, imma xorta waħda strutturat tajjeb ħafna u serju għal persuni li minkejja li jkunu irċevew is-Sagrament tal-Inizjazzjoni fi tfulithom, imma jkunu jixtiequ jikkonfermaw mill-ġdid il-fidi tagħhom.
Bħala eżemju ta’ dan hemm il-Mixja Neokatekumenali. Din hija programm ta’ formazzjoni Kattolika mwaqqaf fl-1964 minn Kiko Argüello u Carmen Hernández f’Madrid, bil-għan li ġġedded il-fidi batteżimali permezz ta’ komunitajiet żgħar ibbażati fil-parroċċi. Dawn jenfasizzaw l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, b’familji missjunarji u seminarji madwar id-dinja. Din hija rikonoxxuta mill-Knisja bħala programm għall-formazzjoni Kattolika.
Hekk, fi żmienna, il-Knisja qed tipprova tgħaqqad mill-ġdid il-prattika antika mal-bżonnijiet tal-lum, billi tagħti mportanza kemm lill-formazzjoni spiritwali kif ukoll lill-ħajja tal-komunità.
Konklużjoni:
Minn dan jidher kif il-katekumenat oriġinali tal-Knisja tal-bidu għadda minn bidliet kbar matul l-istorja, kif dak il-proċess twil u rigoruż għall-adulti, sparixxa għal kollox meta l-Magħmudija tat-trabi saret in-norma. Madankollu, fis-seklu għoxrin, il-Knisja skopriet mill-ġdid il-valur tiegħu u ppruvat tirrestawrah bħala triq importanti kemm għall-bidu tal-ħajja Nisranija, kif ukoll għal matulha.
