Kumment ta’ Daniel Borg dwar il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt Angelus tar-Raba’ Ħadd tar-Randan
Dan huwa l-messaġġ li jwasslilna l-Papa fl-Angelus illum. Infatti l-vanġelu tal-lum jitkellem mill-fejqan tar-raġel agħma (Ġw 9:1-41), li Ġesu jfejqu b’ġest verament simboliku: jobżoq fl-art, jagħmel it-tajn, u jidliklu għajnejh bih. Wara jitolbu jinħasel fil-menqgħa ta’ Silwan fejn hemm jiġi jara. Imma dan il-fejqan iwassal ukoll biex inissel fih fidi f’Ġesu’, għalkemm ikun mistmerr mill-Fariżej, li ma jemmnuhx, u mill-ġenituri tiegħu, li ma jkunux irid ikollhom x’jaqsmu miegħu minħabba li beżgħu. U dan l-agħma ma jiġix jara biss mill-għajnejn ta’ ġismu imma wkoll mill-għajnejn tar-ruħ għax jagħraf li Ġesu ġej minn Alla!
Aħna ħafna drabi ngħidu li l-fidi għamja, imma fil-fatt mhix hekk! Il-Papa jgħidilna li aħna wkoll mistednin ngħixu l-fidi tagħna b’għajnejn miftuħa. Il-fidi vera tgħinna naraw id-dinja mil-lenti ta’ Ġesu’, fejn niftħu għajnejna għas-sofferenzi tal-oħrajn u għall-feriti tad-dinja. Illum quddiem is-sitwazzjonijiet drammatiċi li qed naffrontaw ta’ vjolenzi u inġustizzja, għandna bżonn ta’ fidi attenta u profetika, li tiftaħ għajnejha fuq l-oskurita tad-dinja, u twassal id-dawl tal-Vanġelu permezz ta’impenn ta’ paċi, ġustizzja, u solidarjeta’.
Tista’ tara wkoll dan il-ħsieb fuq din il-ħolqa ta’ facebook: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid02ytKDqKDxdq9dsPXtDB5xsANftX3B1WJJEQemJnxGbKjF19e4upWPmZzGx7MyvGuZl