Omelija tal-Papa Ljun XIV fir-Raba’ Ħadd tar-Randan. Sena A

VIŻTA PASTORALI
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Parroċċa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù f’Ponte Mammolo (Ruma)
Ir-IV Ħadd tar-Randan, 15 ta’ Marzu 2026

Għeżież ħuti,

Iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika tagħna, illum, hi aktar minn qatt qabel intonata mal-ferħ. Fil-fatt, il-ġmiel ta’ din il-laqgħa tagħna jidħol fil-kuntest tal-Ħadd imsejjaħ “lætare”, jiġifieri “ifraħ”, mill-kliem ta’ Iżaija: “Ifraħ, Ġerusalemm” (Antifona tad-Dħul, ara Iż 66:10).

Dan iġagħalna nirriflettu. Bħalissa fid-dinja ħafna minn ħutna qed ibatu minħabba kunflitti vjolenti, ipprovokati mill-pretensjoni assurda li jistgħu jsolvu l-problemi u d-diverġenzi bil-gwerra, meta hemm bżonn niddjalogaw bla waqfien għall-paċi. Xi ħadd, imbagħad, jippretendi saħansitra li jista’ jżeffen fin-nofs l-isem ta’ Alla f’dawn l-għażliet ta’ mewt, imma Alla ma jistax jagħmilha mad-dlamijiet. Hu pjuttost jiġi, dejjem, biex jagħti d-dawl, it-tama u l-paċi lill-umanità, u hija l-paċi li għandhom ifittxu dawk li jitolbuh.

Dan huwa l-messaġġ ta’ dan il-Ħadd: lil hemm minn kull abbiss li fih il-bniedem jista’ jaqa’, minħabba dnubietu, Kristu jiġi jwassal dawl aqwa, li jista’ jeħilsu mill-għama tal-ħażen, biex jibda ħajja ġdida.

Il-laqgħa bejn Ġesù u l-imwieled agħma (ara Ġw 9:1-41), fil-fatt, tista’ tiġi pparagunata max-xena ta’ ħlas mit-tqala, li grazzi għalih dan, bħal tarbija li tara d-dawl, jiskopri dinja ġdida, jara lilu nnifsu, lill-oħrajn u l-ħajja bl-għajnejn ta’ Alla (ara 1 Sam 16:9).

Mela ejjew nistaqsu: fiex tikkonsisti din il-ħarsa? X’tikxef? Xi jfisser “naraw bl-għajnejn ta’ Alla”?

Skont dak li jirrakkonta Ġwanni l-evanġelista, dan ifisser qabelxejn li negħlbu l-preġudizzji ta’ min, quddiem bniedem li qed ibati, jara biss imsejken li għandu jiġi mżeblaħ, jew problema x’jevita, u hekk jingħalaq fit-torri msakkar ta’ individwaliżmu egoista. Tant drabi nisimgħu jingħadu frażijiet bħal dawn: “Sakemm kollox kien sejjer sew, kelli ħafna ħbieb; imma mal-mument tal-prova, ħafna telqu, għebu!”. Ġesù ma jagħmilx hekk: iħares lejn l-agħma bi mħabba, mhux bħala essri inferjuri jew preżenza li tagħtih fastidju, imma bħala persuna għażiża u li teħtieġ l-għajnuna. Hekk il-laqgħa tagħhom issir okkażjoni biex f’kulħadd tidher l-opra ta’ Alla.

Fis-“sinjal”, fil-miraklu, Ġesù juri l-qawwa divina tiegħu u l-bniedem, waqt li kważi jerġa’ jgħaddi mill-ġesti tal-ħolqien – it-tajn, il-bżieq – jerġa’ jidher b’mod sħiħ fil-ġmiel u d-dinjità tiegħu ta’ ħlejqa magħmula fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla. Hekk, waqt li jirkupra l-vista, isir xhud tad-dawl.

Ċertament, dan iġib miegħu t-taħbit: irid jidra tant ħwejjeġ li qabel ma kienx jafhom, jitgħallem jagħżel bejn l-ilwien u l-forom, jagħti impostazzjoni ġdida lir-relazzjonijiet tiegħu, u dan mhux faċli. Anzi, l-ostilità li biha huwa mdawwar, tipprovokah, u lanqas il-ġenituri tiegħu ma jsibu l-kuraġġ li jiddefenduh (ara Ġw 9:18-23). B’mod assurd, jidher li kważi min jinsab l-aktar qrib tiegħu jrid iħassar dak li għadu kemm seħħ. Mhux hekk biss: fl-interrogatorju li għalih ikollu joqgħod dan l-agħma li issa beda jara, dak li qed jiġi pproċessat hu fuq kollox Ġesù, mixli li, biex ifejqu, mar kontra l-jum tas-Sibt.

U hekk, f’dawk li qed jaraw il-ġrajja sseħħ quddiemhom, jinkixef għama ieħor, differenti u iktar gravi: dak li ma humiex jaraw, proprju quddiem għajnejhom stess, il-wiċċ ta’ Alla, u għalhekk iwarrbu l-possibbiltà ta’ laqgħa salvifika biex minflok joqogħdu mkenna fis-sigurtà sterili li tagħtihom l-osservanza legalistika ta’ dixxiplina formali. Quddiem din it-truxija kollha Ġesù ma jiqafx, u juri li ma hemm ebda “Sibt” li jista’ jxekkel għemil ta’ mħabba. Wara kollox, is-sens tal-mistrieħ tas-Sibt, għall-poplu ta’ Iżrael – u għalina dak tal-Ħadd, jum il-Mulej – hu proprju dak li niċċelebraw il-misteru tal-ħajja bħala don, li quddiemu ħadd ma jista’ jinjora l-karba għall-għajnuna min-naħa tal-aħwa li qed ibatu.

Forsi, xi drabi, f’dan is-sens, l-għomja nistgħu nkunu aħna wkoll, meta nintebħu bl-oħrajn u bil-problemi tagħhom. Imma Ġesù jitlob minna li ngħixu b’mod differenti, kif fehmet tant tajjeb l-ewwel komunità Nisranija, fejn l-aħwa, perseveranti fit-talb, kienu jaqsmu kollox bejniethom bil-ferħ u s-sempliċità tal-qalb (ara Atti 2:42-47). Mhux għax kienu neqsin, imqar f’dawk iż-żminijiet, minn tribulazzjonijiet u tfixkil. Imma huma ma kinux iċedu: imqawwija bid-don tal-Magħmudija, kienu xorta waħda jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħixu bħala ħlejjaq ġodda, f’komunjoni u paċi ma’ kulħadd, u jsibu fil-komunità familja li sseħibhom u tweżinhom.

Għeżież, dan huwa l-frott li aħna msejħin nagħtu bħala wlied id-dawl (ara 1 Tess 5:4-5); u l-Parroċċa tagħkom ilha xi disgħin sena tgħix b’fedeltà din il-missjoni, b’għożża speċjali għas-sitwazzjonijiet ta’ faqar, ta’ emarġinazzjoni u ta’ emerġenza, b’attenzjoni għall-preżenza, fit-territorju tagħha, tal-Ħabs ta’ Rebibbia, u b’tant sinjali oħra ta’ sensibbiltà u ta’ solidarjetà.

Naf li intom tgħinu lil ħafna aħwa, ġejjin minn pajjiżi oħra, biex jinserixxu ruħhom hawn: biex jitgħallmu l-lingwa, isibu dar dinjituża kif ukoll xogħol onest u sigur. Ma jonqsux id-diffikultajiet, b’xorti ħażina xi drabi aċċentwati minn min, bla skrupli ta’ xejn, japprofitta mill-qagħda fqira tal-iktar dgħajfa biex ifittex l-interessi tiegħu. Imma jiena naf kemm ilkoll kemm intom tħabirku biex taffaċċjaw dawn l-isfidi, permezz tas-servizzi tal-Caritas, id-Djar-familji li jilqgħu n-nisa u ommijiet f’diffikultà, u ħafna inizjattivi oħra. L-istess kif naf bil-ħeġġa u l-ġenerożità li tinvestu fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ u tal-adolexxenti, bl-oratorju u proposti oħra ta’ formazzjoni.

Santu Wistin, meta jitkellem fuq il-wiċċ ta’ Alla, li tiegħu aħna msejħin inkunu mera fid-dinja, kien jgħid lill-Insara ta’ żmienu: “X’wiċċ għandha l-imħabba? Liema sura, liema binja, liema riġlejn, liema jdejn? […] Għandha r-riġlejn, li jwasslu għall-Knisja; għandha l-idejn, li jagħtu lill-foqra; għandha l-għajnejn, li bihom issir taf lil min hu fil-bżonn” (In Epistolam Joannis ad Parthos, 7, 10), u jżid, b’riferiment għall-karità: “Żommuha, ħaddnuha: xejn ma hu oħla minnha” (ibid.).

Għeżież ħuti, dan hu d-don tad-dawl li hu fdat f’idejkom, biex tkabbruh fikom u bejnietkom fil-ħlewwa kollha tiegħu u xxerrduh fid-dinja, bit-talb, bl-iffrekwentar tas-Sagramenti u l-karità. Komplu ħabirku b’dan il-mod fil-mixja tagħkom.

Il-Qalb ta’ Ġesù, li lilha l-Parroċċa tagħkom hi ddedikata, issawwar u tħares dejjem iżjed lil din il-komunità sabiħa, biex, bl-istess sentimenti ta’ Kristu (ara Fil 2:5), tgħix u tagħti xhieda bil-ferħ u l-ġenerożità tat-teżor tal-grazzja li rċivejtu.

________________________________

Tislima finali tal-Papa fi tmiem il-Quddiesa

Grazzi ħafna ta’ dan ir-rigal sabiħ: hawn ir-ritratt tal-parroċċa, biex tiftakru dejjem, imma hawn tidher il-ħajja tal-parroċċa, li hi tant importanti! Grazzi lilkom ilkoll!

U bħala rigal ċkejken lill-parroċċa nippreżentaw dan il-kalċi, li jirrappreżenta dak li niċċelebraw fl-Ewkaristija: il-ġisem u d-demm ta’ Kristu, il-komunjoni bejnkom kollha. Awguri lilkom u grazzi!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading