Tama f’Alla u tama fil-bniedem

Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ u tal-Wiċċ Imqaddes
Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd

“It-tama ma tqarraqx bina” (Rm 5, 5)

Bil-Malti ngħidu li ‘min igħix bit-tama jmut bil-piena’.

Ħafna drabi dan kliem missirijietna huwa tassew kliem tad-deheb, speċjalment meta t-tama tagħna nqiegħduha fuq bnedmin bħalna, li spiss jagħtuna kelma u bħal tfal ċkejknin tara li m’humiex kapaċi jżommu mal-kelma li huma stess ikunu taw.

Imma ALLA JŻOMM IL-KELMA LI HUWA JAGĦTINA u għalhekk San Pawl jikteb: “It-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħtu lilna” (Rm 5, 5).

Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ u tal-Wiċċ Imqaddes

Nhar l-1 ta’ Ottubru l-Knisja tiċċelebra lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ u tal-Wiċċ Imqaddes, tfajla li mietet fl-1897, u li ġiet iddikjarata Qaddisa fl-1925.

Avolja Tereża mietet ta’ eta’ tant żgħira, u li għexet 9 snin minn dawn l-24 sena f’Monasteru ta’ Klawsura (ġewwa Lisieux), b’danakollu bl-intimita’ li hija bniet mat-Tliet Persuni Divini ntrefgħet wisq ‘il fuq min fejn il-bniedem bil-ħsieb biss spekulattiv tiegħu ma jista’ qatt jasal.

Mdawla minn Alla, Tereża għamlet l-esperjenza tal-imħabba bla konfini ta’ Alla lejn il-bnedmin kollha, sija dawk li jimxu fit-triq ta’ Alla u sija ta’ dawk li jwarbu u jisħtu lil Alla li ħalaqhom.

Hi din l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla li twassal lil Tereża biex timtela kollha tama li Alla jsib min fejn igħaddi biex kull bniedem jasal għas-salvazjoni ta’ ruħu, li fl-aħħar mill-aħħar hija l-UNIKA RAĠUNI TAL-ESISTENZA TAGĦNA.

L-Eżortazjoni Apostolika tal-Papa Franġisku: C’est la confiance

Il-mibki Papa Franġisku, devot kbir ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ u tal-Wiċċ Imqaddes (tant li ma kien imur imkien, anki meta kien Papa bla ma jkollu miegħu dejjem Storja ta’ Ruħ, miktuba minn Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’) kiteb li “Tereża tgħix b’mod intens fiduċja bla limiti fil-ħniena bla tarf ta’ Alla: ‘Il-fiduċja li għandha twassalna sal-Imħabba’ (Ittra lil Swor Marija nhar is-17 ta’ Settembru 1896). Tgħix, imqar fid-dalma, il-fiduċja sħiħa ta’ tfajjel li jintelaq bla biża’ f’dirgħajn il-missier u l-omm. Fil-fatt, għal Tereżina Alla jilma qabelxejn fil-ħniena tiegħu, il-muftieħ biex nifhmu kull ħaġa oħra li tingħad dwaru” (Papa Franġisku C’est la Confiance).

Sinjali ċari tal-fiduċja għamja li Santa Tereża għandha f’Alla l-Imbierek

Tant għandha fiduċja kbira f’Alla li Tereża:

  • Tixtieq li mhux biss issalva ruħha, imma li hi ssir QADDISA KBIRA, kif fil-fatt saret, tant li l-Papa Piju X kien jiddeskrivi lil Tereża tal-Bambin Ġesu’ bħala: L-AKBAR QADDISA TAŻ-ŻMINIJIET MODERNI;
  • Fehmet li bit-talb tagħha għal kriminali Pranzini (li kien se jinqatel għax kien qatel mara), hija kienet se tasal li Alla jmiss il-qalb ta’ dan il-midneb u dan juri sinjal ta’ konverżjoni qabel ma jinqatel. Alla sema t-talba ta’ Tereża u dan il-kriminali talab li jbus il-Kurċifis qabel ma tela għal forka;
  • F’kitba mhix tant magħrufa tal-Qaddisa (il-ħarba lejn l-Eġittu), Tereża tagħti isem lil dak li aħna nsibuh bħala l-ħalliel it-tajjeb (Dimas) u lil ommu (Susanna).

Skond dan ir-rakkont tejatrali miktub minn Tereża, Dimas kien wieħed minn dawk il-lebbrużi li kien imfejjaq minn Ġesu’, imma li wara l-fejqan kien tkaxkar mill-eżempji ħżiena li kien ra minn missieru, u spiċċa nqabad u ġie kkundannat u msallab ma’ Ġesu’ fuq il-Kalvarju.

Ilkoll nafu li dan ‘Dimas’ ikkonverta qabel ma miet, u li Ġesu’ wiegħdu li se ‘jkun illejla stess fis-Saltna tiegħi’.

Tereża tara li l-konverżjoni ta’ dan il-kriminali kienet dovuta għal interċessjoni li Susanna (omm il-kriminali) kienet għamlet lil Marija (omm Ġesu’ u li wkoll kien issallab ma dan il-kriminali). Qalb ta’ omm li bit-talba tagħha lil Qalb ta’ Omm Ġesu’ twassal biex binha jikkonverti qabel ma jmut;

  • Tereża fehmet li bħala ‘għarusa’ ta’ Ġesu’ hija setgħet takkwista ‘kollox’ mil-qalb tal-Għarus tagħha Ġesu’. Għalhekk hija setgħet ‘tittama f’Ġesu’’ u kienet setgħet titlob b’fiduċja, għax it-talba tagħħa kienet it-talba ta’ għarusa ta’ Ġesu’.

Nitolbu lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ biex tkompli titfa’ fuq pajjiżna u fuq il-bnedmin kollha xita ta’ grazzji materjali u spiritwali.


Aktar dwar Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading