X’inhu ż-żmien skont Santu Wistin?

X’inhu ż-żmien? Din hija domanda li fi ċkuniti u f’żgħożiti min jaf kemm drabi staqsejtha, mhux biss lili nnifsi imma lil tant oħrjan; għalliema li kelli l-Liċeo u filosfi mill-Università. Qrajt dwarha kitbiet ta’ personaġġi magħrufa. Ħadd minnhom qatt ma tani tweġiba li ssodisfatni. Kont nistħajilhom, kif ngħidu bil-Malti, qed iduruli mal-lewża.

Iż-Żmien skont Santu Wistin

X’inhu ż-żmien?

Din domanda tant staqsewha oħrajn qabli. Naħseb li lanqas huma, qatt ma sabu tweġiba li kkuntentathom. Forsi lanqas l-akbar fost l-għorrief ma kellu tweġiba għaliha. Saħansitra l-kbir Wistin ta’ Ippona – Santu Wistin

Kien jgħid li jekk ħadd ma jistaqsih x’inhu ż-żmien, allura huwa kien ikun jaf; imma jekk huwa kellu jiġi biex jispjegah lil xi ħadd ieħor, allura ma kienx ikun jaf. Ma kienx ikollu tweġiba.

Dan ifisser li għalkemm iż-żmien jista’ jidher ċar fl-esperjenza tagħna, imma hu diffiċli ħafna biex jiġi definit b’mod filosofiku. Forsi nista’ nibda biex nifhmu aħjar meta nħares lejh b’dan il-mod.

Aktar ma jkollok minnu, inqas jifdallek

Illum li kbirt, nemmen li ż-żmien huwa dak li aktar ma jkollok minnu, anqas ikun fadallek. Per eżempju, meta kont għadni tifel u kelli biss ftit snin, dakinhar kien fadalli ħafna minnu x’interraq. Sintendi, dakinhar jiena dan ma kontx nafu, imma meta għall-grazzja ta’ Alla tant għandi żmien x’inġorr fuq spallejja, illum ninsab ċert aktar minn qatt qabel, li ma tantx jista’ jkun fadalli. Tal-inqas żgur li mhux daqs kemm kelli sa issa.

Il-problema għal Wistin kienet il-fatt li l-passat spiċċa u m’għadux hemm aktar, filwaqt li l-futur għadu ma rah ħadd. Ma jeżistix. Jistaqsi, “imma forsi nistgħu ngħidu li ż-żmien jeżisti biss fil-preżent, fil-waqt ta’ issa?” Imma imbagħad jirrimarka li lanqas hawn ma nkunu korretti, għaliex sakemm ktibt il-kelma “issa”, sakemm lissintha jew saħansitra sakemm ħsibtha, l-issa kienet diġà saret passat. Kienet diġà spiċċat teżisti.

U għalhekk Wistin ikompli jistaqsi, “kif jista’ qatt jeżisti ż-żmien jekk la għadu hemm dak li kien fil-passat u lanqas dak li mument ilu biss kien preżent? Kif jista’ qatt jeżisti ż-żmien jekk dak tal-futur għadu ma wasalx, u ħadd ma jaf fiċ-ċert jekk hux ser jasal?”

Ta’ filosfu kbir li kien, Wistin ħareġ bil-kunċett taż-żmien li jeżisti biss f’moħħ il-bniedem. Jgħid illi fil-ħsieb tal-bniedem jeżistu tliet modi tal-preżent;

  • il-preżent tal-passat, dak li għalina huwa l-memorja,
  • il-preżent tal-preżent, li huwa biss il-perċezzjoni diretta tagħna,
  • u l-preżent tal-futur, li għalina huwa x-xewqat u t-tamiet tagħna.

Skont din it-tifsira, iż-żmien jeżisti biss fil-konxju tagħna aktar milli bħala realtà indipendenti ‘l barra minna.

Ħsieb importanti ieħor tiegħu hu li r-ruħ tal-bniedem hija “mifruxa” jew estiża fiż-żmien. Huwa b’dan il-mod li moħħna kapaċi;

  • jiftakar il-passat,
  • jagħraf il-preżent,
  • u jistenna l-futur

Din l-estensjoni tal-moħħ hija dik li tagħmilna nħossu l-mogħdija taż-żmien.

Alla ‘l barra miż-Żmien

Imbagħad dwar Alla nnifsu, Santu Wistin jgħid li Dan Hu ‘l barra miż-żmien għaliex Hu etern, bla bidu u bla tmiem. Għal Alla kollox hu preżent. Issa. Mhux il-preżent li jgħaddi bħal tiegħi u tiegħek, imma l-Preżent Etern. L-issa li ma jmut qatt.

Tgħid forsi kien għalhekk li meta maġenb l-għollieq jaqbad, Mosè staqsieh min Hu, Alla wieġbu, “Jien Dak li Jien”. Mhux dak li kien. Lanqas dak li għad ikun, imma, “Jien Dak Li Jien”.


Aktar dwar Santu Wistin …

Email: … tsrp@agostinjani.org

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading