Ħsieb mill-Anzjani

Miġjub għall-Malti mis-sit Curiosando si Impara minn Joe Galea

LI TMUR IL-KNISJA (1)

Li tmur il-knisja ma tassigurax il-ġenna. Naf li tidher frażi iebsa, imma hemm persuni li qatt ma jitilfu l-Quddiesa tal-Ħadd, jaslu fil-ħin, ikantaw l-innijiet, jitolbu u jafu l-versi bl-amment. Imma kif joħorġu minn dak il-bieb, jiġġudikaw, jitkellmu bi tmaqdir dwar l-oħrajn, iweġġgħu bi kliemhom u jinsew dak kollu li għadhom kif stqarrew.

U allura tigi mistoqsija skomda. “X’jiswa li toqgħod bilqiegħda fuq il-bank fil-knisja kull nhar ta’ Ħadd jekk il-qalb ma tinbidilx?”

Ħafna jaħsbu li s-salvazzjoni hi speċi ta’ abbonament kemm tmur il-knisja, tagħmel il-ġesti tal-Quddiesa, li tieħu sehem, u l-ġenna hi assigurata. Imma Ġesù qatt ma qal dan. Ġesù qal: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom”, mhux mill-ilbies li jilbsu u minn kemm-il darba jikkwotaw il-Bibbja. Mhux minn kemm jieħdu ritratti fil-knisja, imma minn kif jgħixu kuljum u kif jittrattaw lill-persuni, minn kemm jafu jaħfru, minn kemm iwasslu mħabba fid-dinja.

Għax il-verità hi din: hemm persuni li qatt ma rifsu l-għatba ta’ knisja, imma jgħixu b’imħabba, ġustizzja u mogħdrija: u hemm oħrajn li jkunu dejjem fl-ewwel fillieri imma barra jiżirgħu l-firda, is-suppervja u huma ta’ qalb iebsa.

Alla ma jħarisx lejn il-preżenza tiegħek fil-knisja. Alla jħares lejn qalbek, iħares lejn l-umiltà tiegħek, lejn il-ħila tiegħek biex tħobb meta jkun diffiċli, lejn l-għażla tiegħek biex tagħmel it-tajjeb anke meta ħadd mhu jarak. Għax il-fidi mhix spettaklu tal-Ħadd, imma hi ħajja mgħixa kuljum.

Mela nħallik b’mistoqsija sempliċi u onesta: “Int qiegħed/qieghda biss titkellem dwar l-imħabba, jew qed tgħixha tassew?”

(Ħsieb minn anzjana Taljana, mis-sit Curiosando si Impara)


MIN JAĦBI L-VERITÀ (2)

Hemm realtà ta’ swied il-qalb: ħafna drabi min hu onest jiġi mweġġa’, filwaqt li min jinganna jintlaqa’ biċ-ċapċip; min jigdeb ikun mismugħ. U taf liema hi l-parti l-aktar iebsa? Li dan kollu jiġri proprju taħt għajnejna kuljum, fil-ħbiberiji, fix-xogħol, fir-relazzjoni, fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-persuna sinċiera tħallas il-prezz tal-verità tagħha, għax li tkun onest mhux dejjem jaqbel, mhux dejjem iġib l-applawsi. Xi drabi jġib silenzju, ma jifhmukx, u saħansitra solitudni. It-traditur, imma, isib kunsens għax jaf imur tajjeb bi kliemu, jaf jgħid preċiżament dak li l-oħrajn iridu jisimgħu. Iridu min iżiegħel b’widnejhom u dan jiġi faċilment applawdit. Min jigdeb spiss, jitkellem b’mod aktar qawwi minn kulħadd, jgħolli leħnu u jimla l-arja bil-kliem. Minnufih kulħadd jisimgħu.

Imbagħad jasal ieħor differenti, xi ħadd li m’għandux bżonn maskri, li ma jilgħabx bil-kliem u li ma joħloqx illużjonijiet. Xi ħadd li sempliciment jgħid il-verità. L-ebda spettaklu. L-ebda manipulazzjoni. Il-verità. U proprju għal dan spiss jiġi mwarrab u mqiegħed fil-ġenb. Għax il- verità mhix dejjem komda, xi draba tfixkel, tneħħi l-maskri u ġġiegħel lill-persuni jharsu lejn il-mera.

Imma hemm xi ħaġa li m’għandna qatt ninsew: il-verità tista’ tkun injorata, micħuda, tiġi attakkata imma ma tisparixxix; tibqa’ hemm fis-silenzju, tistenna li llum jew għada titla’ fil-wiċċ. U meta dan jiġri, tqiegħed lil kulħadd quddiem dak li għażlu li ma jarawx, quddiem il-gideb li kienu preferew li jemmnu, quddiem ir-realtà li ppruvaw jaħbu.

Għax tista’ taħbi l-verità għal ftit, imma ma tistax taħbiha għal dejjem.

(Ħsieb minn anzjana Taljana, mis-sit Curiosando si Impara)


META TITKELLEM ŻEJJED (3)

Meta titkellem żejjed qed tirregala parti minnek lil min ma jimmeritahx. Kull kelma li tgħid tista’ tkun arma f’idejn żbaljati. Il-pjanijiet tiegħek mhumiex għal kulħadd, lanqas il-qligħ tiegħek, għax mhux kulħadd ikun ifittex li inti tħossok aħjar, anke jekk jitbissmulek meta titkellem.

Hemm min jisimgħek mhux biex jifhem, imma biex juża dak li qed tgħid. Hemm min biss jistenna l-waqt tajjeb biex ibiddel kontrik dak li għedt.  U għalhekk, din hi verità: hemm min ħsiebu biex jagħmel ħsara.

Is-silenzju jagħmel ġid iktar minn elf wegħda. Inqas ma tispjega, inqas ma tiftaħ dwarek, inqas ma tirrakkonta, inti tkun iktar b’saħħtek. Din mhix indifferenza imma luċidità.

Xi drabi, li nibqgħu siekta hu mod intelliġenti ta’ kif inġibu ruħna.

(Ħsieb minn anzjana Taljana, mis-sit Curiosando si Impara)


L-IPOKRIZIJA (4)

l-ipokrIzija hekk hi: xi drabi ma tidhirx mill-ewwel, tinħeba wara tbissima, wara ċajta, wara kelma ġentili. Illum jidħqu mieghek, jaqsmu mumenti miegħek, jiċċajtaw miegħek, iġibuk tħossok parti mill-grupp, u kollox jidher sinċier.

Imbagħad jgħaddi ftit żmien u tiġri xi ħaga stramba, Għax l-istess persuni li daħqu mieghek, jibdew jidħqu bik. Forsi meta m’intix hemm, forsi minn warajk. Issa jitkellmu sew miegħek, jagħmlulek kumplimenti, jgħidulek li inti tiswa, li inti persuna brava, u mbagħad tinduna li l-istess kliem, meta jingħad lil haddieħor, jinbidel ghal kollox.

Isir kritika, ġudizzji, stejjer rakkuntati b’mod differenti. Din hi l-ipokrizija, mhijiex biss gidba, hi maskra li tinbidel skont min hemm qudiemna.

Imma maż-żmien titgħallem ħaġa importanti: mhux dawk kollha li jitbissmulek huma tassew fuq in-naħa tiegħek, u mhux il-persuni kollha li jibqgħu siekta huma kontra tiegħek. Għax min hu veru ma jbiddilx wiċċu meta inti toħroġ mill-kamra.

(Ħsieb minn anzjana Taljana, mis-sit Curiosando si Impara)


Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading