VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
ŻJARA LILL-MONUMENT TAL-MARTRI MAQAM ECHAHID
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Minument Aqam Echahid Martyrs’ (Algiers)
It-Tnejn, 13 ta’ April, 2026
Għeżież ħuti Alġerini,
I-Paċi magħkom! As-salamu alaykum!
Niżżi ħajr lil Alla li tani l-opportunità li nżur pajjiżkom bħala Suċċessur tal-Appostlu Pietru, wara li diġà kont hawn darbtejn oħra bħala iben spiritwali ta’ Santu Wistin. Iżda jien ninsab quddiemkom, qabel kollox, bħala ħukom, hieni li b’din il-laqgħa jista’ jġedded ir-rabtiet ta’ għożża li lil qlubna jqarrbuhom aktar lejn xulxin.
Jien u nħares lejkom nara wiċċ ta’ poplu qawwi u żgħażugħ, li spiss kelli esperjenza tal-ospitalità u tal-fraternità tiegħu. Fil-qalb Alġerina, il-ħbiberija, il-fiduċja u s-solidarjetà mhumiex biss kliem iżda valuri li jiswew, iħeġġu u jqawwu l-ħajja tagħkom flimkien.
L-Alġerija hi pajjiż mill-aqwa, bi storja għanja fit-tradizzjonijiet, li tmur lura sa żmien Santu Wistin u ferm qabel. Hi wkoll storja ta’ wgigħ li għaddiet minn perjodi ta’ vjolenza. Iżda, propju grazzi għall-ispirtu nobbli karatteristiku tagħkom – li jien inħoss li għadu hawn issa wkoll – kellkom ħila tegħlbu dawn il-provi b’kuraġġ u integrità.
Il-preżenza tagħna hawn, fejn dal-monument, hi tribut lil din l-istorja tal-Alġerija u lill-ispirtu ta’ poplu li ġġieled għall-indipendenza, għad-dinjità u s-sovranità ta’ dan-nazzjon.
F’dan l-imkien, ejjew niftakru li Alla jixtieq il-paċi f’kull nazzjon: paċi li ma tkunx biss in-nuqqas ta’ kunflitt imma espressjoni ta’ ġustizzja u dinjità. Dil-paċi, li tippermettilna niffaċċjaw il-futur bi spirtu rikonċiljat, hi possibbli biss permezz tal-maħfra. Il-veru taqbida għall-ħelsien għad tkun mirbuħa biss meta nkunu ksibna l-paċi fi qlubna, Naf kemm il-maħfra hi diffiċli. Madankollu, minkejja li madwar id-dinja qed ikompli jiżdied l-għadd tal-kunflitti, ma nistgħux inkomplu nimmoltiplikaw l-għadab ġenerazzjoni wara oħra.
Il-futur hu tal-bnedmin tal-paċi. Fl-aħħar, il-ġustizzja dejjem tittrijonfa fuq l-inġustizzja, l-istess bħalma l-vjolenza, minkejja l-apparenzi kollha, qatt mhi se jkollha l-aħħar kelma.
F’din l-art fejn jiltaqgħu l-kulturi u r-reliġjonijiet, ir-rispett reċiproku hu t-triq li tippermetti lil kulħadd jimxi id f’id. Jalla l-Alġerija, soda f’għeruqha u mimlija tama għaż-żgħażagħ tagħha, tibqa’ tagħti kontribut għall-istabbiltà u d-djalogu fi ħdan il-komunità internazzjonali u max-xtut ta’ madwar il-Mediterran.
Kull poplu għandu patrimonju uniku ta’ storja, kultura u fidi. L-Alġerija wkoll hi mbierka b’għana bħal dan, għana li sostnietha fiż-żminijiet diffiċli u jkompli jmexxiha lejn il-ġejjieni. Il-fidi f’Alla għandha post ċentrali fil-wirt tagħkom. Tabilħaqq, il-fidi ddawwal il-ħajja ta’ kull persuna, twieżen il-familji u tispira sens ta’ fraternità. Nazzjon li jħobb lil Alla hu verament għani u l-poplu Alġerin jgħożż dil-ġawhra bħala waħda mit-teżori tiegħu. Id-dinja tagħna għandha bżonn nies ta’ twemmin bħal dawn – irġiel u nisa ta’ fidi bil-għatx għall-ġustizzja u l-għaqda. Għal dir-raġuni, quddiem umanità mxennqa għall-fraternità u r-rikonċiljazzjoni, ikun rigal kbir u wkoll dmir sagrosant, li aħna niddikjaraw b’konvinzjoni li aħna dejjem magħqudin bħal aħwa, ulied Alla wieħed!
Hemm dawk li jfittxu għana li jispiċċa fix-xejn, iqarraq u jiddiżappunta, u li b’għafsa ta’ qalb, spiss jispiċċa jikkorrompi l-qalb umana għax iġib l-għira, ir-rivalità u l-kunflitt. Lil dawn in-nies Ġesù jagħmlilhom il-mistoqsija li kien għamel elfejn sena ilu, “X’jiswielu l-bniedem jekk jirbaħ id-dinja kollha mbagħad jitlef ruħu?” (Mt 16,26). Hi mistoqsija kruċjali għal kulħadd. Il-mejtin li hawn qed intuhom ġieħ, diġà taw it-tweġiba tagħhom. Tilfu ħajjithom imma b’dan l-att tilfuha għall-imħabba tal-istess poplu tagħhom. Jalla l-eżempju tagħhom isostni lill-poplu tal-Alġerija u lilna lkoll fil-mixja tagħna, għax il-veru ħelsien mhux xi ħaġa li tintiret, hi għażla li trid issir ta’ kuljum.
Għalhekk, ippermettuli ntemm billi ntenn kliem Ġesù lid-dxxipli tiegħu, li aħna nsejħulhom il-Prietka tal-Muntanja jew il-Beatitudnijiet:
Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Grazzi tal-merħba li tajtuni! Alla jberikkom ilkoll!
Miġjb għall-Malti minn Joe Huber