Il-Papa Ljun XIV isellem lill-Ġurnalisti fit-titjira lejn Luanda

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
LILL-ĠURNALISTI WAQT IT-TITJIRA LEJN LUANDA

Is-Sibt, 18 ta’ April, 2026

Leo XIV

Buongiorno. Bonjour. Good morning everyone.  Nistgħu ngħidu il-waranofsinhar it-tajjeb.  Nittama li fil-Cameroon għaddejtuha tajjeb.  Kif tafu, naturalment, ninsabu fi triqtna lejn Angola.

Min-naħa, iż-żjara fil-Cameroon  kienet ta’ tifsir kbir għax  minn ħafna aspetti dal-pajjiż jirrappreżenta l-qalb tal-Afrika, kemm lil dawk li jitkellmu l-Ingliż u wkoll dawk li jitkellmu l-Franċiż, madwar 250 lingwa, etniji.

Fl-istess ħin hu għani ħafna, opportunità kbira, iżda wkoll hemm id-diffikultà li tant drabi nsibu madwar l-Afrika kollha: id-distribuzzjoni inegwali tal-ġid.  Inħossni ferm kuntent: kif tafu bdejna l-vjaġġ fl-Alġerija bit-tema ta’ Santu Wistin, u lbieraħ fl-Università Kattolika, it-tberik tal-monument sabiħ li ħejjew bil-mappa tal-Afrika b’Santu Wistin fin-nofs.  U għalhekk, f’ċertu sens, jesprimi parti ta’ dak li huwa dan il-vjaġġ.

Qabel kollox jien ġejt l-Afrika bħala ragħaj, bħala l-Kap tal-Knisja Kattolika, biex inkun preżenti, niċċelebra, ninkoraġġixxi u nakkumpanja lill-Kattoliċi kollha madwar l-Afrika.  Naturalment hemm dimensjonijiet oħra marbutin maż-żjara.  Fil-Cameroon kelli laqgħa sabiħa ħafna ma’ grupp ta’ Imam biex nippromwovu – inkomplu mmexxu ‘l quddiem kif għamel diġà f’ħafna postijiet il-Papa Franġisku tul il-pontifikat tiegħu – id-djalogu, il-promozzjoni tal-fraternità, bil-fehim reċiproku, l-aċċettazzjoni reċiproka, il-bini tal-paċi ma’ bnedmin ta’ kull twemmin.

Fl-istess ħin kien hemm narrattiva li ma kinitx eżatta fl-aspetti kollha tagħha, iżda minħabba s-sitwazzjoni politika li nħolqot fl-ewwel jum taż-żjara, il-President tal-Istati Uniti għadda xi kummenti dwari.  Ħafna minn dak li nkiteb s’issa kien aktarx kummentarju fuq il-kummentraju bl-għan li jagħti interpretazzjoni ta’ dak li ntqal.

Eżempju żgħir: id-diskors li għamilt waqt il-laqgħa għall-paċi xi jumejn ilu kien ilu mħejji ġimgħatejn, ferm qabel il-kummenti tal-President dwari u dwar il-messaġġ ta’ paċi li qed nimbotta.  Madankollu, ġara li deher qiesu jien kont qed nipprova niddibatti mal-Presidnet, ħaġa li assolutament mhix fl-interess tiegħi.  Allura nkomplu l-vjaġġ, inkomplu nxandru l-messaġġ tal-Evanġelju.  It-testi tal-Evanġelju li użajna fil-liturġiji fihom aspetti differenti, fantastiċi, ta’ xi jfisser li tkun Nisrani, xi jfisser timxi wara Kristu, xi tfisser il-promozzjoni tal-fraternità, li nkunu aħwa, tal-fiduċja fil-Mulej, imma wkoll it-tfittxija ta’ toroq li jippromwovu l-ġustizzja fid-dinja tagħna, jippromwovu l-paċi fid-dinja tagħna.

B’din l-osservazzjoni, jien ferħan ħafna li nagħtikom merħba u rroddilkom ħajr tax-xogħol li qed tagħmlu waqt li nittama li l-Mulej ikompli jberikna lkoll tul dal-vjaġġ.  Grazzi ħafna.

Ġurnalist mill-Cameroon (bil-Franċiż):

Kelmtejn bil-Franċiż?  Iva, grazzi, grazzi ħafna, Santità.  Xtaqna nisimgħu kelmtejn bil-Franċiż mingħandek, ġaladarba fil-Cameroon nitkellmu żewġ lingwi.  Jiena naħdem mal-istazzjon televiżiv nazzjonali.

Ljun XIV

Jien nixtieq biss ngħid grazzi lil kulħadd fil-Cameroon tal-merħba mimlija entużjażmu li nagħtajt, għall-poplu ferrieħi.  Kollox kien fantastiku.  L-esperjenza ta’ nies f’komunità ta’ fidi li verament skoprew, bis-saħħa tal-entużjażmu kollettiv, kemm hi sabiħa l-esperjenza li tkun segwaċi ta’ Ġesù Kristu u li tiċċelebra l-fidi tagħna flimkien.  U dak l-entużjażmu kien preżenti bil-kif fil-Cameroon.  Jien kuntent ħafna li għaddejt minn din l-esperjenza u akkumpanjajt lill-poplu tagħkom kollu tul dal-ġranet.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading