VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
ŻJARA F’DAR TAL-KURA TAL-ANZJANI
TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Dar tal-kura (Saurimo)
It-Tnejn, 20 ta’ April, 2026
Sinjura Direttriċi,
Għeżież ħuti,
Paċi lil din id-dar u lil kulmin jgħix fiha!
Grazzi minn qalbi għall-merħba mimlija fidi li tajtuni u li missitli qalbi. Kienet ta’ faraġ kbir għalija fil-missjoni tiegħi. Grazzi!
Laqatni l-fatt li dal-post intom isejħulu “lar” li tfisser “dar”. Niżżi ħajr lil Alla għal dan u nittama li lkoll kemm intom jirnexxilkom tgħixu hawnhekk f’atmosfera ta’ familja bl-aħjar mod possibbi.
Ġesù kien iħobb ikun id-dar mal-ħbieb. L-Evanġelji jgħidulna li mar fid-dar ta’ Pietru f’Kafarnahum fejn ġurnata waħda fejjaq lill-kunjata ta’ Pietru. Ifakkruna fil-ħbiberija tiegħu ma’ Marija, Marta u Lazzru: fid-dar tagħhom f’Betanja kien milqugħ bħala Mgħallem u Mulej u fl-istess ħin b’familjarità.
Għalhekk, għeżież ħbieb, jien nifhem li Ġesù jgħix hawnhekk ukoll, f’din id-dar. Iva, jgħammar fostkom kull meta tippruvaw tħobbu lil xulxin u tgħinu lil xulxin bħal aħwa. Meta taħfru lil xulxin u tfittxu r-rikonċiljazzjoni meta jinqala’ xi nuqqas ta’ ftehim jew fil-kas ta’ xi offiża żgħira. Meta lkoll kemm intom jew ukoll meta xi wħud minnkom, titolbu flimkien bis-sempliċità u l-umiltà, Hu jkun fostkom.
Nesprimi apprezzament lill-awtoritajiet Angolani għal-inizjattivi li jibbenefikaw minnhom dawk li huma l-aktar fil-bżonn fost l-anzjani, kif ukoll lill-impjegati kollha u lill-volontiera. Il-kura tal-aktar dgħajfa hi sinjal importanti ħafna li turi l-kwalità tal-ħajja ta’ nazzjon. Ma ninsewx li l-anzjani mhux biss għandhom bżonn min jgħinhom iżda qabel kollox, għandhom jingħataw widen għax huma l-ħażna tad-dehen ta’ poplu.
Għżież ħuti, it-tifkira ta’ dil-laqgħa se tibqa’ f’qalbi. Jalla l-Verġni Marija, li mliet id-dar tagħha ta’ Nazaret bil-fidi u l-imħabba, tibqa’ tħares dil-komunità. Inberikkom ilkoll. Grazzi!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber