Lourdes: il-post tat-talb u t-tama (5)

Michael Caruana

Il-Knisja fi Franza tipprepara biex tilqa’ lill-Papa

L-Isqfijiet Franċiżi qed jappellaw lill-Kattoliċi kollha f’pajjjiżhom biex jitolbu għas-suċċess tal-preparazzjonijiet li bdew biex jilqgħu fosthom lill-Papa Ljun XIV.

Jekk il-pjan jirnexxi, isostnu l-Isqfijiet Franċiżi, il-Papa Ljun XIV mistenni jżur Pariġi u Lourdes tard f’Settembru li ġej. Huma qed jistennew b’ħerqa t-tħabbira uffiċjali ta’ dan il-vjaġġ appostoliku mill-Vatikan biex imbagħad iħabbru l-programm imhejji.

Il-Papa Ljun kien mistieden iżur Lourdes mill-Isqof ta’ Tarbes u Lourdes Monsinjur Jean-Marc Micas u mir-Rettur tas-Santwarju ta’ Lourdes Patri Michel Daubanes waqt urdjenza privata li kellhom miegħu fil-Vatikan kmieni din is-sena.

Il-Papa Ljun żar Lourdes matul żewġ pellegrinaġġi li pparteċipa fihom meta kellu 19-il sena u 29 sena.

Miftuħa mill-ġdid il-banjijiet bl-ilma mirakoluż

Il-banjijiet bl-ilma mirakoluż reġġħu nfetħu għall-pubbliku. Il-banjijiet kienu ngħalqu bħala prevenzjoni fi żmien il-covid. Minflok l-inżul fil-banjijiet imbagħad bdiet issir ċerimonja żgħira, iżda sinifikanti, fejn il-pellegrini kienu jiddaħħlu fil-kmamar tal-banjijiet erbgħa, erbgħa, jagħmlu l-intenzjoni tagħhom, jingħataw ftit ilma mirakoluż f’idejhom u jxarbu wiċċhom u wara jerġgħu jingħataw ftit ilma ieħor biex jixorbuh. Din iċ-ċerimonja kienet tintemm b’talb lill-Madonna ta’ Lourdes.

150 sena nkurunata

Is-Santwarju ta’ Lourdes qed ifakkar il-150 sena mill-inkurunazzjoni tal-istatwa tal-Madonna li hemm fil-pjazza ta’ quddiem il-bażilka tal-Madonna tar-Rużarju. Matul dan ix-xahar is-Santwarju qed jistieden lill-pellegrini mid-dinja kollha biex jiffurmaw kuruna din id-darba mhux tad-deheb, bħalma hemm fuq ras l-istatwa, iżda ta’ fjuri. Kuruna li qed tingħaqad ftit, ftit, bi qronfla, qronfla, b’intenzjoni wara oħra. B’dan il-ġest, is-Santwarju qed jinkoraġġixxi aktar devozzjoni lejn il-Madonna u biex l-pellegrini jġeddu l-fiduċja u l-imħabba tagħhom lejn din l-omm.

Din l-istatwa nkurunata tirriafferma li l-Madonna mhix xi reġina ta’ qawwa, ta’ setgħa, imma hi r-reġina tas-sensibiltà u tal-protezzjoni.

L-istatwa kienet ġiet inkurunata fl-1876 fil-presenza ta’ għadd ta’ kardinali u isqfijiet.

L-Uffiċċju tat-Turiżmu fil-qalba tal-belt

L-Uffiċċju tat-Turiżmu reġa’ ġie trasferit. Din id-darba għall-qalba tal-belt u fejn jista’ jintlaħaq aktar minn dawk li jżuru Lourdes għax hu qrib is-Sanwarju u fiċ-ċentru tal-parti l-kbira tal-lukandi. Għall-bidu l-Uffiċċju tat-Turiżmu kien fil-pjazza ewlenija tal-belt u ftit snin ilu ġie trasferit għal fejn is-Suq.

L-iskop li jiġi issa trasferit fil-qalba ta’ Lourdes hu biex ikun viċin is-Santwarju u l-parti l-kbira tal-lukandi u ċioè fil-qalba tal-attività. B’hekk se jkun jista’ jgħin aktar u aħjar lil dawk li jżuru Lourdes.

Għinuni ngħin lil ħaddiehor

Fi tmiem ir-rubrika tiegħi tax-xahar li għadda għamilt appell lilkom biex tgħinuni ngħin omm b’żewġt itfal li għaddejjin minn trawma kbira kif ukoll single mother b’tifel bi problemi mentali. S’issa ġbart is-somma ta’ 1,045 euro. Għadni lura għax billi t-tfal għandhom aktar minn għaxar snin għandi bżonn biex ngħin l-ewwel 2,139 euro li jinkludu t-titjira għal Lourdes u lura, it-transfers mill-ajruport għal lukanda u lura u l-akkomodazzjoni full-board. Din iċ-ċifra ma tinkludix l-assigurazzjoni u l-eskurzjonijiet.

Għaldaqstant tlabt l-aġenzija li magħha se norganizza l-grupp li miegħu dawn se jitilgħu Lourdes kif ukoll lis-sid tal-lukanda fejn se noqogħdu biex jagħtuni prezz imnaqqas. Tlabt ukoll lis-saċerdot li għamilli t-talba biex ngħinom jitilgħu Lourdes biex hu wkoll jagħtini l-għajnuna tiegħu u mhux jeskludi l-possibbiltà li ssir ġabra bejn l-istudenti tal-iskola fejn jattendi wieħed mis-subien.

Sadattant jien se nkompli għaddej bl-appell tiegħi. Kull qatra tgħodd. Ċempluli fuq 79233264. Grazzi.

S’issa kkontribwew Josephine Tanti Agius, Marsaxlokk €30; Luke Grech, Tarxien €10; Alfred Attard €10; Charles Yousif, St Venera €50; Josephine Cachia, Victoria Għawdex €100; Joseph Camilleri, San Ġwann €100; Emmanuela Duers, Sliema €20; Joseph Zahra, St Venera €25; Rinaldo D’Alessandro, Ħamrun €100; Carmen Saliba, L-Isla €50; Guido Saliba, G’Manġa €20; Manuel & Doris Seguna, Gudja €50; Josette Zerafa, St Venera €30; Marisa Debono, Ħal Safi €20; Joseph Spiteri €50; Pauline Camilleri €10; Sandra Sharples, Birkirkara €10; Eugenio Sciortino, Birkirkara €20; Joseph Rapinett, Santa Venera €100; Joe M. Attard, Victoria Għawdex €20; Bernardette Azzopardi, L-Iklin €20; Daniel & Jacqueline Caruana €50; Tonio Pulis, Tal-Pjeta’, €50; May Ciantar, Ħaż-Żebbuġ €100.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading