IL-PAPA LJUN XIV
REGINA CAELI
Pjazza San Pietru
Tlugħ il-Mulej fis-Sema – 7Ħadd tal-Għid,
17 ta’ Mejju, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Ħafna pajjiżi fid-dinja, illum qed jiċċelebraw is-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej.
Ix-xbieha ta’ Ġesù li – kif jgħid it-test bibliku (cfr Atti 1:1-11) – li jinqata’ mill-art u jitla’ lejn is-Sema, tista’ ġġagħalna nħarsu lejn dan il-Misteru bħala ġrajja mbiegħda. Il-fatti mhumiex hekk. Infatti, aħna marbutin ma’ Ġesù bħala membri mar-ras, f’ġisem wieħed, u t-tlugħ tiegħu fis-sema jiġbed miegħu lilna wkoll lejn il-komunjoni sħiħa mal-Missier. Dwar dan, Santu Wistin jgħid: “Il-fatt li r-ras tintrefa’ ‘l fuq ifisser tama għall-membri (l-oħra tal-ġisem)” (Sermo 265, 1.2).
Il-ħajja kollha ta’ Kristu hija moviment ‘il fuq, li bih permezz tal-umanità tiegħu jħaddan u jinvolvi x-xena kollha tad-dinja, billi jerfa’ u jifdi lill-bniedem mill-kundizzjoni tad-dnub tiegħu, iġib id-dawl, il-maħfra u t-tama fejn kien hemm id-dlam, l-inġustizzja u d-disperazzjoni, biex jasal għar-rebħa definittiva tal-Għid, li biha Iben Alla “bil-mewt tiegħu qered il-mewt u bil-qawmien tiegħu reġa’ tana l-ħajja” (Prefazju tal-Għid 1).
Allura t-Tlugħ fis-Sema, ma jkellimniex dwar wegħda mbiegħda, iżda dwar rabta ħajja li tiġbed lilna wkoll lejn il-glorja ċelesti, u hekk twessa’ u terfa’ ‘l fuq l-orizzonti tagħna diġà minn din il-ħajja u l-mod kif naħsbu, inħossu u naġixxu tressqu dejjem eqreb lejn il-wisa’ tal-qalb ta’ Alla.
U aħna nafuha t-triq ta’ dil-mixja ‘l fuq (cfr Ġw 14,1-6). Insibuha f’Ġesù, fl-għotja ta’ ħajtu, fl-eżempji u t-tagħlim tiegħu, kif narawha wkoll fil-ħajja li għexet il-Verġni Marija u li għexu l-qaddisin: dawk li toffrielna l-Knisja bħala mudell universali u dawk – kif kien iħobb isejħilhom il-Papa Franġisku – «tal-bieb ta’ ħdejna» (cfr Eż. app. Gudete et exsultate, 7) li magħhom naqsmu l-ħajja ta’ kuljum, missirijiet, ommijiet, nanniet, persuni ta’ kull età u kundizzjoni, li bil-ferħ u b’impenn jagħmlu ħilithom kollha biex jgħixu l-Evanġelju.
Magħhom u bl-għajnuna tagħhom u grazzi għat-talb tagħhom nistgħu nitgħallmu aħna wkoll kif jum wara ieħor nersqu lejn is-Sema billi ħsiebna jkun, kif jgħid San Pawl, fuq dak kollu «li hu veru (…) xieraq (…) ġust (…) jiġbed l-imħabba» (Fil 4,8) u li bl-għajnuna t’Alla nwettqu dak li nkunu smajna u rajna» (v. 9) biex fina u madwarna nseddqu l-ħajja divina li rċevejna fil-Magħmudija li bla heda tiġbidna ‘l Fuq, lejn il-Missier, biex inxerrdu fid-dinja frott prezzjuż ta’ komunjoni u paċi.
Tgħinna Marija, Sultana tas-Sema, li f’kull waqt iddawwl u tmexxi l-mixja tagħna.
Wara r-Regina Caeli
Għeżież ħuti,
F’diversi pajjiżi llum qed jitfakkar il-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali li dis-sena iddedikajtu għat-tema “Il-ħarsien tal-ilħna u l-uċuħ umani”. F’din l-epoka tal-intelliġenza artifiċjali, inħeġġeġ li kulħadd biex jimpenja ruħu fil-promozzjoni ta’ forom ġodda li jibqgħu dejjem jirrispettaw il-verità tal-bniedem li lejh għandha tkun orjentata kull innnovazzjoni teknoloġika.
Mil-lum il-Ħadd, sal-Ħadd li ġej, hija l-Ġimgħa tal-Laudato si’, iddedikata lill-ħarsien tal-ħolqien u mnebbħa mill-Enċiklika tal-Papa Franġisku. F’dis-sena tal-ġublew ta’ San Franġisk ta’ Assisi, niftakru fil-messaġġ tiegħu ta’ paċi ma’ Alla, ma’ ħutna u mal-kreaturi kollha. Sfortunatament, dawn l-aħħar snin, minħabba l-gwerer, il-progress f’dal-qasam taqqal il-pass bi kbir. Għalhekk, inħeġġeġ lill-membri tal-Moviment Laudato si’ u lil dawk kollha li jaħdmu favur ekoloġija integrali biex iġeddu l-impenn tagħhom. Il-kura tal-paċi hi l-kura tal-ħajja!
Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi pajjiżi! Nagħti merħba b’mod partikolari lil xi baned mużikali mill-Ġermanja, lill-Konfraternità “Sant’Antonu di u Monti” minn Ajaccio u lill-grupp tal-istudenti mill-Università ta’ Montana, fl-Istati Uniti tal-Amerika.
Inellem liż-żgħażagħ minn Oppido Mamertina, lill-animaturi minn Lorenzaga fid-Djoċesi ta’ Concordia-Pordenone u lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma mid-Djoċesi ta’ Genova.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber