DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FI TMIEM IR-RUŻARJU FIL-ĠONNA TAL-VATIKAN
Grotta ta’ Sidtna ta’ Lourdes fil-Ġonna tal-Vatikan
Is-Sibt 30 ta’ Mejju 2026
“Ħa nisma’ xi jgħid Alla; il-Mulej is-sliem ixandar, għall-poplu u l-ħbieb tiegħu, u għal dawk li jafdaw fih” (Salm 85:9). Kliem is-Salm isieħeb tajjeb it-talba tagħna tar-Rużarju llejla, għax jesprimi t-tama li għandna bżonn, fuq kollox quddiem id-diffikultajiet u l-vjolenzi ta’ żmienna.
Ejjew mela niftħu qalbna għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, biex hekk fit-talb nistgħu nifhmu s-sens ta’ dak li qed iseħħ fl-istorja, nagħrfu l-providenza ta’ Alla li dejjem tmexxiha u taqbeż għaliha. Il-Verġni Marija hija mudell għal min jemmen, li tiftaħ il-widnejn ta’ qalbha biex tisma’ “x’jgħid Alla”. Hi ta’ eżempju għalina bl-ubbidjenza tagħha, li tilqa’ l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla f’ġufha.
Il-kontemplazzjoni tal-misteri tar-Rużarju li nagħmlu flimkien ma’ Marija twassalna biex nagħrfu f’Ġesù Kristu l-Kelma waħdanija u defenittiva, li l-Missier lissen, Kelma ta’ sliem għal dawk kollha li jerġgħu lura għandu b’qalb niedma. Il-Mulej ma jitlaqna qatt, anki meta aħna ninsewh, anki meta nitilfu t-triq, hu jiġi jfittixna u joqrob lejna bl-imħabba ta’ dejjem. Kif ifakkar il-profeta Iżaija: “Sliem, sliem, lil kulħadd, fil-bogħod u fil-qrib, jgħid il-Mulej, infejjaqhom ilkoll” (Iż 57:19). Min għandu fiduċja f’Alla jifhem din l-aħbar ta’ sliem u jsir bennej tagħha, jibniha b’idejh stess (ara Mt 5:9).
Fil-fatt, il-paċi mhijiex teorija li tiġi vverifikata f’laboratorju, lanqas illużjoni inġenwa, lanqas affari li wieħed ifittex x’hemm għalih fiha. Meta nfittxuha b’qalb sinċiera, hija pjuttost impenn ta’ kuljum fil-ħajja tagħna: toħroġ mill-ġustizzja u mill-imħabba, bħala armonija li tgħaqqad il-persuni, il-familji, il-komunitajiet, il-popli. Imqar f’dan iż-żmien ta’ tensjonijiet u kunflitti, il-paċi ssir possibbli meta rridu nisimgħu l-karba ta’ min hu mċaħħad minnha: tfal innoċenti, ommijiet u missirijiet magħfusa, priġuniera maltrattati, rifuġjati, persuni ta’ kull età li qed ibatu. Dawn kollha għandhom fuq xufftejhom kelma waħda: paċi!
Dan aħna nafuh: il-paċi hi dejjem possibbli għax hija don ta’ Alla. Din il-paċi, il-paċi tiegħu, għandha l-wiċċ ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, li fil-ħajja tiegħu mogħtija għalina rrikonċilja s-sema u l-art. Kif jikteb l-Appostlu Pawlu: “Hu s-sliem tagħna” (Efes 2:14). Dak li jġarraf il-ħitan tal-mibegħda, li jirbaħ l-arroganza bl-umiltà u jifdi mid-dnub lill-ħolqien kollu.
Meta l-Mulej Ġesù hu magħna u nġibu ruħna ta’ veri dixxipli ta’ mħabbtu, allura l-Ispirtu s-Santu jista’ jwettaq dak li jidher umanament impossibbli. Imma meta nitbiegħdu minn Alla, nitbiegħdu anki mill-bniedem, mill-proxxmu tagħna, u nibqgħu indifferenti għat-tbatija tiegħu. Kull darba li nerġgħu lura għand il-Mulej, il-paċi tiegħu ssir l-impenn tagħna, skont il-ħidmiet u r-responsabbiltajiet ta’ kull wieħed u waħda.
Hekk it-talba tagħna ssir missjoni u profezija: ma għandux ikun hemm aktar biki tal-innoċenti fil-bliet tagħna; ħadd ma għandu jaħrab minn daru minħabba t-theddida tal-bombi; il-kilba għall-poter u l-vjolenza tal-kliem għandhom iħallu posthom għall-għatx tal-ġustizzja u tal-verità. Imma kull wieħed jista’ u għandu jagħmel il-parti tiegħu, ibda minn ħwejjeġ żgħar imma importanti, u joqgħod lura mill-vjolenza verbali jew fiżika, fil-ħajja ta’ kuljum u anki fuq il-midja soċjali.
Għeżież ħuti, il-paċi vera tibda f’qalb li tħobb; nagħtu xhieda tagħha bix-xufftejn li jlissnu kliem ta’ rikonċiljazzjoni; tidher riflessa fl-għajnejn li jħarsu lejn id-dinja bi ħlewwa umli u għerf. Din hija l-vera qawwa, il-qawwa tal-verità u tal-imħabba.
Alla qed ifittex bennejja tal-paċi! L-Omm Imqaddsa tagħna tgħinna nweġbuh ta’ kuljum bl-“hawn jien” tagħna, mhux bil-kliem imma bil-fatti.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard