Omelija fis-Solennità tat-Trinità Qaddisa. Sena A

Spread the love

Minn D. Edward Vella

Meta wieħed iħares lejn l-istorja tal-bniedem ma jistax ma jinnutax l-iżvilupp tar-reliġjonijiet. Il-bniedem intelliġenti beda jewden li mix-xejn ma jiġi xejn; allura dak kollu li hawn madwarna, u anke aħna stess, ried ikun hemm xi ħadd jew xi wħud li għamluh. Hekk beda jifforma ideat, ħafna drabi żbaljati, dwar min huma jew min hu dan ix-xi ħadd. Alla, fl-imħabba infinità tiegħu, ma riedx iħallina f’dan id-dlam, u sa mill-qedem, beda juri lilu nnifsu bil-mod il-mod lill-bniedem. Dan il-proċess insejħulu rivelazzjoni. Il-Bibbja hija r-Rivelazzjoni u twieġeb għall-akbar żewġ domandi tal-bniedem: min hu Alla u min hu l-bniedem?

Għalhekk l-bniedem għadda mir-reliġjon li hija t-tfittxija ta’ Alla minn naħa tal-bniedem, għall-Fidi li hija Alla juri lilu nnifsu lill-bniedem u jistiednu biex jidħol f’relazzjoni ta’ mħabba miegħu. Fir-reliġjonijiet antiki l-allat jidhru ħafna drabi irrabjati mal-bniedem, u għalhekk il-bniedem iħoss il-bżonn li  jagħmal ħafna riti u offerti biex jikkalmahom u jieħu dak li jixtieq minn għandhom. Kemm hu differenti l-Isem li Alla jagħti lilu nnifsu fl-ewwel qari tal-lum: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u fil-fedeltà”. Mela Alla l-veru mhuwiex bħall-allat l-oħra li trid tixtrihom billi toffrilhom xi ħaġa, iżda huwa Alla li jħobb, jagħder u jħenn.

Bla dubju l-aqwa rivelazzjoni ta’ Alla joffrihielna Ġesù stess; min jista’ jurina min hu Alla u min hu l-bniedem aktar minn Alla li ħalaqna u li għażel li jsir wieħed minna? Ma tistax ma tieqafx taħseb u anke tistagħġeb bil-kelmiet ta’ Ġesù fl-evanġelju tal-lum: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjemMela m’huwiex il-bniedem li jrid jagħti xi ħaġa lil Alla biex jakkwista l-favuri tiegħu, iżda huwa Alla li lill-bniedem mhux biss ħalqu u tah id-dinja b’kulma fiha, iżda tant iħobbu li tah lil Ibnu stess.

Allura x’għandna nagħmlu aħna? Il-fidi tagħna ma hijiex mibnija fuq liġijiet miktuba, iżda fuq il-persuna ta’ Ġesù; infatti hu stess jgħidilna, “Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”. Mela l-esperjenza tal-fidi tagħna hija relazzjoni ta’ mħabba ma’ Alla permezz ta’ Ġesù. Fit-tieni qari San Pawl jgħidilna: ‘…ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħkom.’ Dan hu li jagħmel nisrani awtentiku; li jfittex li jixbaħ lil Ġesù, billi jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jgħixha f’għaqda u l-paċi ma’ kulħadd.

Illum qed niċċelebraw l-akbar misteru tal-fidi tagħna, Alla Wieħed fi tliet Persuni, il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Alla tagħna huwa wieħed iżda mhux solitarju, għax huwa Trinità ta’ persuni fil-perfezzjoni tal-Imħabba, infatti San Ġwann jgħidilna, ‘Alla hu Mħabba’. Kemm jagħmel sens dak kollu li ngħidu dwar Alla x’ħin tiftakar li aħna u dak kollu li jeżisti huwa riżultat ta’ Dak li jħobb biss jista’.

O Alla tagħna, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, illum u kull jum ta’ ħajjitna, aħna nadurawk u nħobbuk. Imlielna qalbna bik u għax mingħajrek ma aħna xejn, ħa tkun l-imħabba infinita tiegħek li tmantnina u tmexxina fil-ħajja tagħna biex hekk ġurnata waħda nkunu nistgħu nħaddnuk u nitħaddnu Minnek għal dejjem fl-Imħabba. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading