Il-“Magnus”. Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Il-Ħadd, 21 ta’ Ġunju 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ San Ġwann Battista. Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, Xewkija.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Intom tgħidulu l-“Magnus”, il-kbir, u tagħmlu sew, għax tagħmlu dak li qalilna nagħmlu Ġesù, li hu nnifsu sejjaħlu l-kbir fost dawk li twieldu min-nisa. Anzi, Ġesù jżid id-doża u jgħid li ma kienx hemm ieħor ikbar (ara Lq 7:28) minn Ġwanni l-Battista.

Imma ngħid jien, il-kbir, l-ikbar, min m’għandux x’jilbes? Il-kbir min m’għandux x’jiekol? Il-kbir min jagħżel li ma jduqx l-inbid? Il-kbir min m’għandux saqaf fuq rasu ħlief il-kwiekeb tas-sema? Il-kbir min m’għandux dar ħlief ir-ramel tad-deżert? Il-kbir dak li kulħadd jeħodha kontra tiegħu u li jeħodha kontra kulħadd? Il-kbir dak li ma kienx makakk biżżejjed, tawwal ilsienu, u spiċċa kif spiċċa? Dan hu l-kbir… il-‘Magnus’?

Ippruvaw irriflettu ftit fuq il-figura ta’ dan il-bniedem, Ġwanni l-Battista, kemm tiskontra, kemm tagħti daqqa ta’ ponn kbira fl-istonku tagħna lkoll, għax ir-raġuni tagħna mhix bħal tiegħu. Il-kbir għalina mhux dak li bħalu jiċħad il-possibbiltà li jkollu status, ta’ saċerdot. Kellu l-grazzja l-ewwel nett li ġie fid-dinja (Alla biss jaf kif ġie fid-dinja Ġwanni l-Battista), biex imbagħad jiċħad l-istatus ta’ qassis, illi ftit kellhom iċ-ċans u l-opportunità li jieħdu f’ħajjithom. Missieru inzerta kien saċerdot, u dan jiċħad l-istatus fi żmien u f’dinja fejn li tkun importanti, li tkun popolari, hija neċessità.

Araw x’nagħmlu aħna għal uliedna: kemm nimbuttaw, kemm nippruvaw immiddu pass, kultant itwal milli jwasslu saqajna jew milli jwasslu saqajhom, biex inpoġġuhom f’pożizzjoni! Araw x’nagħmlu aħna biex ikollna dar diċenti, jew dar fejn nistgħu nkunu komdi! Araw x’nagħmlu aħna biex ikollna gwadann, biex naqilgħu! Araw il-kompromessi li nagħmlu, kultant anki mal-verità! Kultant lesti li ngħawġu l-verità; l-importanti illi ma nbatux aħna jew dawk li nħobbu, dawk ta’ madwarna; imma l-oħrajn ma jimpurtax. Imma aħna jew ta’ madwarna mhux sew li nbatu, allura akkost li ngħawġu l-verità. Araw x’nagħmlu aħna, ngħidu aħna, meta jkun hemm kelma li rridu ngħidu jew li għandna ngħidu, kemm nippruvaw infittxu l-iktar modi diplomatiċi u ma jurtawx, akkost li kultant ma ngħidux il-fatti kif inhuma, imma l-importanti li nsalvaw ġildna u rasna!

Din hija d-dinja li ngħixu fiha, illi hija f’kuntrast ma’ dak li hu Ġwanni l-Battista. Allura għaliex ngħidulu ‘Magnus’, il-kbir? U ngħiduhielu bil-qalb! Dan kollu għax fil-fond ta’ qalbna hemm il-‘magnus’. Fil-fond tal-fond ta’ qalbna nafu li għandu raġun, nafu illi t-triq tal-bniedem hija t-triq tal-verità, mhux it-triq tal-gidba. Fil-fond ta’ qalbna nafu li meta ngħidu kelma b’oħra biex naslu fejn irridu aħna, inkunu qegħdin niżbaljaw. Fil-fond ta’ qalbna nafu li l-umiltà ta’ Ġwanni hija t-triq vera tal-bniedem.

Ġwanni tant kien umli, tant kien bniedem veru, illi l-Vanġelu kontinwament jiddeskriviha din il-pożizzjoni tiegħu, li jkun lura, li jkun wara: “Ġej wieħed warajja li hu aqwa minni; ma jistħoqqlix inħollu l-qafla tas-sandli tiegħu” (Mt 3:11); “jeħtieġ niċkien jien biex jitgħolla hu” (Ġw 3:30). Id-dixxipli ta’ Ġwanni jibgħathom hu stess wara Ġesù. L-umiltà hija l-verità. Ġwanni li ma jfittixx li jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Ġwanni li huwa l-bniedem veru. Il-kelma ‘uman’ ġejja mill-kelma humus, ‘art’, ‘trab’, u Ġwanni din kien jafha u kien jgħixha.

‘Magnus’ għax jikxef il-verità

Kull meta aħna ngħollu rasna, kull meta aħna fil-ħajja tagħna nġibu ruħna b’mod differenti, kull meta rriduha tgħaddi tagħna, kull meta akkost li naslu fejn irridu naslu ngħawġu l-verità, aħna nindunaw li Ġwanni ġo fina jinkedd, il-‘magnus’ ta’ ġo fina joqmos, iniggżilna l-kuxjenza. Kollha kemm aħna għandna l-‘magnus’ ġo fina u għalhekk ngħidulu kbir, għax kapaċi joħroġ minni dak li jien, li minħabba l-biża’ u interessi personali oħrajn inżomm maqfulin ġo fija.

Ġwanni huwa l-bniedem tal-verità, u tant kien il-bniedem tal-verità li saħansitra jasal biex lil Erodi jurih bi kliem ċar, mingħajr tidwir ta’ kliem, il-fatti kif kienu: ‘Int ma tistax toqgħod mal-mara ta’ ħuk. Mhux sewwa. Alla ma jridx’. U lkoll kemm aħna din nafuha. Għalkemm imbagħad, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-ħajja, minħabba d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja, jiġrilna li b’xi mod niddefendu, ngħawġu, niġġustifikaw: ‘Għax ma tistax tagħmel mod ieħor’… U ħalli għalina mbagħad ħa nsibu r-raġunijiet l-iktar validi biex niddefendu l-pożizzjonijiet tagħna li jkunu ’l bogħod mill-‘magnus’ ta’ ġo fina, minn dak li nħossu verament ġo fina, tant li b’xorti ħażina mbagħad ħafna drabi nibqgħu ngħixu b’dan it-toqol għal ħafna snin, jekk mhux għall-ħajja kollha tagħna.

‘Magnus’ għax umli

Mela Ġwanni hu l-‘Magnus’, l-ewwel u qabel kollox, għax kapaċi jikxef u jgħid il-verità li hija l-umiltà. Kemm minna fil-ħajja ngħixu l-ansjetà u t-tensjoni tal-prestazzjoni! Fi kliem ieħor, li jien irrid nasal, li jien irrid nilħaq, li jien irrid inkun xi ħadd, li jien irrid nagħmel xi ħaġa li tibqa’ tissemma! Kemm minna b’xorti ħażina ngħixu f’dan il-jasar li jkisser u jgħaffeġ lilna, u ħafna drabi jgħaffeġ lil dawk ta’ madwarna. Ġwanni kien bniedem saqajh mal-art, kien il-bniedem li kellu stima kbira tiegħu nnifsu, li ma kellux bżonn ifittex iktar min jirrispettah u min jistmah, għax l-istima u r-rispett kienu qiegħda ġo fih, għax kien jaf li kien mibgħut u maħbub minn Alla, kien jaf li kien aċċettat minn Alla.

Għalhekk, mhux talli ma fittixx li jkun hu fiċ-ċentru, fin-nofs, talli warrab fil-ġenb u ta s-saħħa lil ħaddieħor, lill-istess Ġesù. ‘Jien ngħammidkom bl-ilma’ – u lil Ġesù jagħtih il-poter – ‘imma intom morru wara Dak għax dak jgħammidkom bl-Ispirtu u bin-nar’ (ara Mt 3:11). Araw min kien Ġwanni, x’kobor ta’ persuna kien! X’ma ngħidulux kbir lil Ġwanni? Ġo fina dawn is-sentimenti kollha kemm aħna nħossuhom, anki jekk m’aħniex kapaċi nwettquhom, anki jekk iċ-ċirkustanzi tal-ħajja jġibuna f’sitwazzjonijiet li naġixxu totalment bil-maqlub, li rriduha tgħaddi tagħna, inkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni aħna, l-importanti l-istatus tagħna.

‘Magnus’ għax għandu sens ta’ ġustizzja

Ġwanni jaqla’ minn ġo fina s-sens kbir ta’ ġustizzja li għandna. Ilkoll kemm aħna – dan jgħiduh il-psikologi – għandna sens kbir ta’ ġustizzja. Jekk xi ħadd lili jagħmilli xi ħaġa u jweġġagħni, jien se nirrabja, se nħossha, imma ma nħosshiex daqskemm meta jien nagħmel xi ħaġa lilek u nweġġgħek. Is-sens ta’ ġustizzja ta’ Ġwanni lili jġibni konxju u jgħidli: ‘Isma’, bħalma int ma tridx min iweġġgħek, oqgħod attent biex ma tweġġax lil ħaddieħor’. Dan jgħidu ċar kristall f’San Luqa.

Jekk jien meta xi ħadd jikkritikani b’mod distruttiv iweġġagħni, allura jien ma nistax nikkritika lil xi ħadd ieħor b’mod distruttiv. Jekk jien meta xi ħadd jeħodli dak li mhux tiegħu, inweġġa’, allura jien m’għandix nieħu xi ħaġa li mhix tiegħi. Jekk jien niddejjaq meta xi ħadd jippretendi xi ħaġa mingħandi bi dritt, allura jien m’għandix nippretendi xi ħaġa bi dritt mingħand ħaddieħor. Dan hu s-sens ta’ ġustizzja li qiegħed ġo fina lkoll kemm aħna, imma naqbżuh il-ħin kollu għal interessi oħra.

Ġwanni l-Battista jdur fuq is-suldati u jgħidilhom: ‘Ikkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom’ (ara Lq 3:14); idur fuq il-pubblikani u jgħidilhom: ‘Tiħdux flus iktar milli għandkom tieħdu, tikkorrompux’ (ara v. 13). Lin-nies b’mod ġenerali: ‘Aqsmu dak li għandkom, agħtuh lill-oħrajn jekk intom għandkom iż-żejjed’ (ara v. 11). Ġwanni kellu s-saħħa jgħidhom dawn l-affarijiet, mhux bħali. Jien m’għandix din is-saħħa, għax m’għandix ix-xhieda li kellu Ġwanni: ix-xhieda tal-esperjenza ta’ ħajtu, ix-xhieda ta’ bniedem fqir verament.

Imma dak li jgħid Ġwanni lin-nies, lis-suldati, lill-pubblikani, qed jgħidu għalija wkoll. Bir-raġun ngħidulu l-‘Magnus’, għax għandu raġun Ġwanni li dak li jkun, jekk il-paga hi diċenti, għandu jikkuntenta ruħu biha. Għandu raġun Ġwanni, għax jekk jien ħaqqni daqshekk, ma nistax nippretendi iktar minn daqshekk. Jien ma nistax nikkorrompi lil xi ħadd biex nasal fejn irrid. Dan inħossuh ġo fina. Għandu raġun Ġwanni, għax jien ukoll inħoss li meta jien fil-bżonn, hemm xi ħadd madwari li għandu bżonn jgħinni. Bir-raġun ngħidulu l-‘Magnus’ lil Ġwanni, anki jekk aħna naġixxu b’mod differenti. Imma m’għandniex raġun meta naġixxu b’mod differenti! Kulma nkunu nagħmlu, intaqqlu iktar lil ħajjitna.

‘Magnus’ għax bniedem ħieles

Imma Ġwanni huwa l-‘Magnus’ għax huwa bniedem liberu. Kemm nixtequha din il-libertà? Kemm aħna lsiera? Bniedem ħieles hu bniedem li jaf il-verità, jaf lilu nnifsu, lest iħalli kollox għal Ġesù Kristu li lilu li kien qiegħed jindika u kien l-iskop ta’ ħajtu. U dan jagħtih sens kbir ta’ libertà. Meta l-iskop ta’ ħajjitna huwa ċar – tkunx il-ħajja miżżewġa, tkunx il-professjoni… jalla jkun skop kif jixtiequ Alla, mhux xi skopijiet oħra – u aħna lesti niddedikaw ħajjitna kollha kemm hi għal dak l-iskop, allura jkun hemm libertà kbira.

Ara kemm kien liberu Ġwanni! Ma qagħadx ifittex l-istatus li jkun xi ħadd. Kien liberu saħansitra mill-ġenituri tiegħu. Intom immaġinaw ftit lil ommu Eliżabetta, ġejja mir-razza ta’ Aaron, l-ewwel saċerdot tat-Testment il-Qadim, u lil Żakkarija, li kien saċerdot hu nnifsu. Bħal familja ta’ tobba jew jew ta’ professjonisti, fejn kulħadd jaqbad dik il-professjoni, imbagħad ikollok wieħed jgħid: ‘Le, jien mekkanik, ma rridx nistudja’. Mhux avukat jew professur, mekkanik jew kennies. Din kienet id-daqqa li ħadu Eliżabetta u Żakkarija fil-familja tagħhom meta Ġwanni qabad u telaq lejn id-deżert. Araw x’libertà ta’ bniedem! Kien jaf min kien, fejn irid jasal, x’kellu f’moħħu, min kienu l-iktar persuni importanti f’ħajtu: Ġesù Kristu, ir-rieda tal-Missier.

Imma din il-libertà lilu tatu wkoll il-qawwa illi jgħid il-verità dejjem u jikkritika lil kulħadd. Ikkritika t-Tempju, tant illi vvinta magħmudija, ħasil ieħor differenti. Tinsewx illi dak il-ħasil li kien jagħmel fil-Ġordan, kien ilu jsir fil-banjijiet ta’ madwar it-Tempju ta’ Ġerusalemm, kien ilu jsir snin twal qabel Ġwanni l-Battista. Qabel tidħol it-Tempju int kont trid tinżel fil-banju fil-‘Mikvot’, biex tinħasel, tagħmel ir-rit tal-purifikazzjoni tiegħek, ħalli tidħol nadif fit-Tempju. Imma Ġwanni qal: Le! Mhux biżżejjed tinħasel, imma mal-ħasil hemm bżonn tal-indiema, hemm bżonn li inti tiddeċiedi li tikkonverti. Mar wisq lil hinn mis-sempliċi ritwal maġiku, fejn għax inti nżilt fil-banju u tlajt minnu, allura inti nadif b’xi mod. Trid tindaf minn ġewwa.

Araw il-libertà u l-kuraġġ u l-qawwa li kellu dan il-bniedem, li jikkritika wkoll lill-politiċi, lil Erodi. U kif ikkritikah lill-Erodi! Għax għalih l-ewwel kienet tiġi l-verità, u Ġesù jgħid fil-Vanġelu: “Il-verità teħliskom” (Ġw 8:32). Għall-verità kien kapaċi saħansitra jagħti rasu. Kien liberu anki minn rasu Ġwanni l-Battista! Tistax tkun iktar liberu milli tkun liberu minnek innifsek! X’mhux ‘Magnus’, x’mhux kbir Ġwanni l-Battista!

Bil-kobor tiegħu joħroġ il-kobor ta’ ġo fina

Imma l-kobor ta’ Ġwanni l-Battista issa ma jistax jibqa’ hemmhekk f’dik l-istatwa. Il-kobor tiegħu b’xi mod irid jgħinna naqilgħu l-kobor li hemm ġo fina, għax aħna lkoll kemm aħna għandna dan il-kobor tiegħu ġo fina. U naqilgħuh kif qalgħu hu, billi jindika u billi jimxi l-ħin kollu wara Ġesù. Dan il-kobor ġo fina nistgħu noħorġuh minna biss jekk aħna nimxu wara Kristu.

Ara taħsbu li min jimxi wara Ġesù, min imur il-knisja hu xi fidil, hu xi ħadd li m’għandux x’jagħmel, illi fil-ħin tal-ġurnata jgħid: ‘Ħa mmur inqatta’ siegħa’. U issa għax għandna ħafna affarijiet oħra x’nagħmlu, allura ma mmorrux inqattgħu siegħa! Ara naħsbu li l-fidi tagħna hekk! Il-fidi tagħna wisq iktar.

Dan hu l-kobor li hemm ġol-bniedem u li Ġwanni l-Battista kapaċi jurina bil-ħajja tiegħu, u li aħna nitniehdu għalih. Aħna ngħixu b’nostalġija għalih, aħna nixtequh, u Ġesù Kristu jixtieq joħroġhulna. Għax ilkoll kemm aħna kbar, u Ġesù Kristu jkun jista’ jgħid ukoll għalina: ‘Ma twieled ħadd fost in-nisa ikbar minnkom, intom ulied Ġwanni l-Battista’. Aħna dixxipli ta’ Ġesù.

Il-Mulej jagħtina li l-Festa ma tiġix biss biex nagħmlu storbju, imma biex nidħlu naqra fid-deżert ta’ ħajjitna. Nippruvaw nirriflettu naqra, mingħajr ma nħossuna ħatja. Dak li qegħdin nagħmlu hu totalment il-maqlub ta’ li kien jagħmel Ġwanni l-Battista, li l-parti kbira ta’ ħajtu għexha fid-deżert, jirrifletti u jaħseb fil-kwiet. Il-Battista l-parti kbira ta’ ħajtu għexha bl-essenzjal ta’ ħwejġu, ix-xagħar tal-ġemel, il-ġild ma’ qaddu, jiekol il-ġurati, ma jixrobx. Totalment il-maqlub ta’ kif aħna ngħixu l-ħajja tagħna. Imma fl-istess waqt ngħidu: kemm hu kbir! Għax forsi dak li jipprietka hu għandna bżonnu verament: il-konverżjoni, li nbiddlu l-qalb tagħna biex dejjem tixbah iktar lil ta’ Ġesù, kif ipprova jagħmel hu. Dan għax fil-fond ta’ qalbna għandna miktub lil Ġesù, u qabel ma nsibuh hemm ġew, ma nsibux kwiet.

Ejjew nitolbuh lil Ġwanni l-Battista, biex id-deżert li hu għex jibda jagħmel parti mill-ħajja tagħna. Bir-riflessjoni wasal fejn wasal Ġwanni l-Battista. Aħna ma baqgħalniex żmien nirriflettu. Kif inkun xi mkien waħdi llum, x’nagħmel? Anki fuq it-toilet, x’nagħmel? Naqbad il-mowbajl! M’għandniex mument waħidna biex naħsbu u nirriflettu. Ma tistax torqod billejl? Tixgħel it-televixin, taqbad it-tablet, tara Netflix. Flok tirrifletti! Il-maqlub ta’ dak li għamel Ġwanni l-Battista, il-maqlub tal-konverżjoni ta’ Ġwanni l-Battista, li pprietka biex jien u int ukoll inkunu nistgħu naslu għall-kobor tiegħu.

‘Magnus’ Ġwanni l-Battista, u nkunu ‘magnus’, kbar aħna jekk nippruvaw nimitaw lil dan ir-raġel kbir li ħabb lil Ġesù u ħabb lill-bnedmin.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading