Il‑100 anniversarju tal‑Jum Dinji Missjunarju se jiġi ċċelebrat fit‑18 t’Ottubru 2026, u jimmarka ċ‑ċentinarju mit‑twaqqif tiegħu minn Papa Piju XI fl‑1926.
It‑tema għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑2026 hija: “Ħaġa waħda fi Kristu, magħqudin f’missjoni” magħżula minn Papa Ljun XIV.
Matul ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru tista’ taqra aktar dwar dan iċ-ċentinarju fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ erba’ darbiet fis-sena, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun organizza u se jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin.
F’artiklu minnhom naqraw li f’dispenserija Kattolika f’Kangemi, il‑Kenja, hemm bżonn urġenti ta’ xiri ta’ magna ġdida tal‑loppju għas‑sala tal‑operazzjonijiet minħabba li dan l‑aħħar qed jinqalgħu diversi ħsarat lil dik eżistenti u b’hekk mhijiex aktar ta’ min jafda fuqha. Dan kollu qed jaffettwa l‑effiċjenza tas‑servizzi kirurġiċi. Filwaqt li f’artiklu ieħor naqraw dwar proġett ta’ irrigazzjoni fl‑Iskola Primarja Santa Klara t’Assisi f’Arusha t‑Tanzanija. Dan huwa metodu ta’ biedja li jiffranka l‑ilma għax jitwassal direttament fl‑għeruq tal‑pjanti qatra qatra bl‑użu ta’ netwerk ta’ pajpijiet u emittenti.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona b’xejn fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.
Missio, l-organizzazzjoni tal-karità uffiċjali tal-Papa f’idejk!

