Wara li fil-jiem li għaddew, bosta Kattoliċi kkumentaw dwar l-ittra li d-Dikasteru għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti kiteb lill-Isqfijiet Ġermaniżi u li fiha għamilha ċara li taħt l-ebda ċirkustanzi ma setgħu l-lajċi jagħmlu huma l-omelija fil-quddiesa, xtaqna li nfakkru ftit f’dak li kien kiteb il-Papa Franġisku dwar l-omelija sa mill-ewwel sena stess tal-pontifikat tiegħu.
Minn dak li qal dakinhar il-Papa Franġisku jidher ċar ħafna li għal omelija vera u tajba, mhux biżżejjed moħħ intelliġenti ta’ bniedem bravu u studjuż kbir. F’din it-taqsima tal-Eżortazzjoni tiegħu, l-Papa semma ferm aktar minn hekk.
Il-Papa Franġisku fuq l-Omelija u s-Saċerdot
Fit-tielet kapitlu tal-ewwel Eżortazzjoni Appostoliku tiegħu, Evangelii Gaudium – Il-Ferħ tal-Evanġelju, li kienet ippublikata fl-24 ta’ Novembru 2013, il-Papa Franġisku tkellem fit-tul dwar it-Tħabbir tal-Evanġelju. Kien propju f’dan il-kapitlu tal-Eżortazzjoni li huwa ddedika taqsima sħiħa għall-omelija, li fi kliemu stess għandha valur speċjali, li ġej mill-kuntest Ewkaristiku tagħha. (par. 137) Hawn, huwa kien qed jirreferi direttament għall-omelija, u allura dik li ssir fil-kuntest tal-quddiesa u mhux dwar priedki u eżortazzjonijiet li jsiru f’kuntesti oħra. Huwa kiteb li omelija tajba tista’ ġġedded il-fidi tal-poplu u ssaħħaħ il-laqgħa tiegħu mal-Kelma ta’ Alla.
B’mod ġenerali, din l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku hija magħrufa l-aktar għas-sejħa tagħha għal Knisja missjunarja, iżda fiha nsibu wkoll riflessjoni sabiħa u prattika dwar l-omelija. Il-Papa jqis l-omelija mhux bħala sempliċi tagħlim, iżda bħala laqgħa ħajja bejn Alla u l-poplu tiegħu. Kliem il-Papa kien wieħed ċar u qawwi, “L-omelija hija l-kejl li bih ir-Ragħaj jista’ jqis kemm hu qrib u kemm għandu ħila jidħol f’laqgħa mal-poplu tiegħu.” (par. 135)
L-Omelija hija parti mil-Liturġija
Mhijiex biss priedka, diskors jew lezzjoni. Hija parti integrali miċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fiha Kristu jkompli jkellem lill-poplu tiegħu permezz tal-ministeru tas-saċerdot. Hawn il-Papa jitkellem dwar il-bżonn li nħarsu lejha fil-qafas liturġiku. (par. 135)
- Huwa jgħid b’mod realistiku li ħafna drabi kemm il-fidili kif ukoll is-saċerdoti jbatu minħabba omeliji mhux imħejjija tajjeb jew omeliji twal iżżejjed. Għalhekk l-omelija teħtieġ impenn serju u preparazzjoni bir-reqqa.
- Barra minn hekk, fil-ħajja ta’ kuljum, is-saċerdot għandu jkun qrib il-poplu għaliex omelija tajba titwieled minn ragħaj li jaf il-ħajja tan-nies tiegħu; il-ferħ, it-tbatijiet, il-mistoqsijiet u t-tamiet tagħhom. Min jipprietka għandu jitkellem bħala missier u ħabib, mhux bħala għalliem imbiegħed.
- Fuq kollox il-preparazzjoni għall-omelija hija att ta’ mħabba. Il-Papa jsejjaħ il-preparazzjoni tal-omelija “eżerċizzju ta’ dixxerniment”. Is-saċerdot għandu jqatta’ ħin fit-talb, fl-istudju tal-Iskrittura u fis-smigħ tal-Ispirtu s-Santu. Omelija tajba qatt ma tkun improvizzata.
- Qabel ma jwassalha lill-oħrajn, is-saċerdot għandu jħalli l-Kelma ta’ Alla tkellem lilu stess. Il-Kelma trid l-ewwel tikkonverti l-qalb tiegħu.
- L-omelija għandha twassal messaġġ wieħed ewlieni. Il-Papa Franġisku jwissi kontra omeliji mimlijin ideat, tagħrif jew osservazzjonijiet sekondarji. Is-saċerdot għandu jgħin lill-poplu jifhem il-qalba tal-Evanġelju u mhux jintilef fid-dettalji. Il-lingwa għandha tkun faċli biex tinftiehem. Mhux meħtieġ kliem diffiċli jew argumenti kumplessi. Ġesù nnifsu kien juża xbihat u parabboli li kulħadd seta’ jifhem.
- Il-Papa jħeġġeġ ukoll lis-saċerdot biex juża eżempji u xbihat konkreti li jgħinu lill-fidili jiftakru l-messaġġ. Kultant immaġni waħda tajba tħalli aktar frott minn ħafna spjegazzjonijiet twal.
- Fuq kollox, l-omelija għandha tqanqal il-qalb. L-għan mhuwiex biss li l-fidili jitgħallmu xi ħaġa ġdida, iżda li jiltaqgħu ma’ Kristu u jkunu mqanqlin biex ibiddlu ħajjithom.
- Għalhekk, it-ton tas-saċerdot għandu jkun wieħed pożittiv. Anki meta jikkoreġi jew isejjaħ għall-konverżjoni, huwa għandu juri t-tama u l-ħniena ta’ Alla aktar milli jikkundanna.
Fl-aħħar tal-omelija, in-nisrani għandu jkun jista’ jistaqsi lilu nnifsu; “X’qed jitlob minni Alla llum?” L-omelija għandha twassal għal pass konkret fil-ħajja Nisranija.
Is-saċerdot huwa biss strument f’idejn Alla. Il-Papa jfakkar li fil-ħin tal-omelija qed iseħħ djalogu bejn Alla u l-poplu tiegħu. Fl-omelija, is-saċerdot ma jipprietkax lilu nnifsu, iżda jservi bħala strument biex il-Kelma ta’ Alla tasal fil-qlub tan-nies.
Minn dan li kiteb il-Papa Franġisku fl-Evangelii Gaudium jidher ċar ħafna li għall-omelija mhux biżżejjed li din tkun studjata u mwassla b’mod professjonali, imma …
a) trid tkun imwassla wkoll “minn ragħaj li jaf il-ħajja tan-nies tiegħu”,
b) trid tkun “att ta’ mħabba”,
ċ) fuq kollox trid tkun “eżerċizzju ta’ dixxerniment li matulu s-saċerdot għandu jqatta’ ħin fit-talb, fl-istudju tal-Iskrittura u fis-smigħ tal-Ispirtu s-Santu”.
Dan huwa l-ewwel u qabel kollox il-ministeru li jista’ jettqubiss is-saċerdot.
Hawn taħt hawn xi referenzi għall-Eżortazzjoni nfisha, li jistgħu jgħinnu fir-riflessjoni dwar dak li kiteb il-Papa Franġisku.
| Silta | Referenza |
| L-omelija hija parti mil-Liturġija | nn. 135, 137–138 |
| Il-poplu għandu dritt għal omelija tajba | nn. 135–136 |
| Is-saċerdot għandu jkun qrib il-poplu | nn. 137, 154 |
| Il-preparazzjoni hija att ta’ mħabba | nn. 145–146 |
| Is-smigħ tal-Kelma jiġi qabel il-kliem | nn. 149–151 |
| L-omelija għandha twassal il-messaġġ ewlieni | nn. 146–148 |
| Lingwaġġ ċar u sempliċi | nn. 158 |
| Immaġni tajba tibqa’ fil-qalb | nn. 157 |
| L-omelija għandha tqanqal il-qalb | nn. 142–144 |
| It-ton għandu jkun pożittiv | nn. 159 |
| Il-messaġġ għandu jwassal għall-azzjoni | nn. 151–153 |
| Is-saċerdot huwa strument ta’ Alla | nn. 136, 145 |
L-Eżortazzjoni, Evangelii Gaudium, kollha bil-Malti tista’ ssibha minn din il-link … https://www.laikos.org/EG.htm
28 ta’ Ġunju 2026
