Omelija tal-Papa Ljun XIV fis-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl

QUDDIESA U TBERIK TAL-PALLJI GĦALL-ARĊISQFIJIET METROPOLITI ĠODDA
FIS-SOLENNITÀ TAL-QADDISIN APPOSTLI PIETRU U PAWLU
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
It-Tnejn 29 ta’ Ġunju 2026

Għeżież ħuti,

Illum, f’Solennità waħda, niftakru fil-Qaddisin Pietru u Pawlu, Patruni tal-Belt u tad-Djoċesi ta’ Ruma: wieħed magħżul minn Ġesù bħala ragħaj tal-merħla tiegħu u l-ieħor maħtur bħala Appostlu tal-ġnus. Fihom inqimu żewġ kolonni tal-Knisja.

Pietru, ħarries tal-Poplu ta’ Alla, ħafna drabi fit-Testment il-Ġdid jidher quddiemna impenjat biex iżomm sħiħa l-komunjoni bejn l-aħwa. Huwa hu li, fuq xatt l-għadira tal-Galilija, wara lejl ta’ xogħol li deher inutli, jgħid lill-Imgħallem: “Ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5), u jerġa’ joħroġ jistad u jieħu lill-oħrajn miegħu wkoll. Huwa mill-ġdid hu li, waqt li ħafna jitbiegħdu mill-Mulej wara d-diskors tiegħu fuq il-Ħobż tal-ħajja, jgħid lill-Messija: “Għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68), u jibqa’, flimkien mal-ħdax l-oħra. Huwa dejjem hu li f’Ċesarija jagħraf f’Ġesù l-Iben ta’ Alla u jitkellem għal kulħadd fl-istqarrija tal-fidi waħda, kif smajna fil-Vanġelu (ara Mt 16:13-19). Anki wara l-Qawmien, fuq ix-xatt tal-għadira, huwa l-ewwel wieħed li jasal għand Kristu, jinxteħet fl-ilma u qabel l-oħrajn, bil-għawm, biex iġedded umilment imħabbtu u jirċievi l-konferma tal-missjoni tiegħu (ara Ġw 21:1-17).

U għal din il-missjoni Pietru jibqa’ fidil, anki meta, ngħidu aħna, f’Ġerusalemm, il-kwistjoni tal-ammissjoni tal-pagani mhux ċirkonċiżi għall-Magħmudija tirriskja li taqsam il-komunità. Hu jiġbor flimkien lill-aħwa, jismagħhom u fl-aħħar, immexxi mill-Ispirtu s-Santu, jieħu d-deċiżjoni, waqt li jżomm sħiħa l-komunjoni u jniedi staġun ġdid għall-Poplu kollu ta’ Alla: “Wara kollox”, jistqarr, “aħna nemmnu li, bħalhom, aħna nsalvaw permezz tal-grazzja tal-Mulej Ġesù” (Atti 15:11).

Dan il-kobor tal-persuna tiegħu ma jfissrx li Pietru hu perfett. Matul il-Passjoni jiċħad lill-Imgħallem, biex imbagħad ixerred dmugħ sinċier ta’ ndiema (Lq 22:54-62); u Pawlu stess, f’ċirkustanzi differenti, iċanfru fuq l-inkoerenza ta’ xi wħud mill-imġibiet tiegħu (ara Gal 2:11-14). Imma hu jaf jagħraf l-iżbalji tiegħu u jikkoreġi ruħu, mingħajr ma jaqta’ qalbu u mingħajr ma jonqos mill-missjoni tiegħu li jħabbar il-Vanġelu u jiġbor il-merħla ta’ Kristu, sal-martirju, li hu jġarrab proprju hawn, f’Ruma, mhux bogħod mill-post li fih ninsabu.

Din l-attenzjoni fidila u paċenzjuża għall-għaqda hi espressa tajjeb mis-simbolu tal-imfietaħ, li bihom spiss nidentifikawh (ara Mt 16:19). Fil-fatt, muftieħ ma jisfrondax bibien, imma jiftaħhom u jagħlaqhom, waqt li jfittex fihom il-mekkaniżmu t-tajjeb u jakkumpanja l-movimenti tagħhom, biex il-lukkett jinħall, il-boltijiet jiċċaqilqu u l-bieb idur ħieles fuq iċ-ċappetti, u hekk jingħaqdu l-ambjenti u tant kmamar iżolati jsiru dar waħda li tilqa’. Bl-istess mod il-komunjoni, fil-Knisja, ma tinbeniex billi neħlu mal-pożizzjonijiet tagħna, imma nfittxu, fil-qalb ta’ kulħadd, il-postijiet fejn nistgħu niltaqgħu fil-Verità, li għad-dawl waħdieni tagħha kull persuna ssir għall-oħra strument biex tikber u timmatura.

F’din il-perspettiva nistgħu naqraw il-missjoni fdata mill-Mulej lil Pietru u lis-Suċċessuri tiegħu, għall-ġid tal-Poplu qaddis kollu ta’ Alla: bl-għajnuna tiegħu nagħtu widen għall-ilħna ta’ kulħadd, ngħarblu t-tnebbiħ, inwasslu għal mixjiet, nikkoreġu l-iżbalji, ngħallmu, nagħmlu l-qalb, insejħu u nsieħbu lill-aħwa biex, doċli għall-azzjoni tal-istess Spirtu (ara 1 Kor 12:1-11), jikkoperaw fis-salvazzjoni ta’ xulxin u tal-umanità kollha. Imma l-eżempju ta’ Pietru huwa stedina wkoll biex kull Nisrani jsir bennej tal-għaqda, b’Alla fiċ-ċentru tal-ħajja tiegħu u qrib tal-aħwa, attent għall-ġrajjiet tagħhom u għall-bżonnijiet tagħhom (ara Franġisku, Katekeżi, 9 ta’ Ottubru 2024), biex jgħix magħhom fil-karità u hekk “il-Kelma tixxandar sal-aħħar” (ara 2 Tim 4:17).

Dan huwa wkoll it-tagħlim ta’ Pawlu, l-Appostlu kbir l-ieħor li llum qed niċċelebraw, ħabbar bla heda tal-Bxara t-Tajba. Anki hu għandu simboli li jagħżluh: il-ktieb u x-xabla, strettament marbuta bejniethom. Dan ifissru tajjeb l-awtur tal-Ittra lil-Lhud, li jikteb: “Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar”, kapaċi “tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu” u “tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (ara Lhud 4:12).

Dan hu li wettaq Alla fil-qalb taż-żagħżugħ Sawlu, rebħu għalih (ara Fil 3:12) u wasslu l-ewwel biex jikkonverti għall-Vanġelu, u hekk jieħu isem ġdid, imbagħad biex iħabbru fid-dinja kollha u fl-aħħar jagħti xhieda għalih, bħal Pietru, f’din l-istss belt, sal-għotja ta’ ħajtu. L-Appostlu tal-ġnus ħalla l-qawwa tal-Kelma ta’ Alla tibdlu, hi li ħelsitu mill-vjolenza u wasslitu għat-triq tal-imħabba.

Santu Wistin, meta jikkummenta l-konverżjoni tiegħu u l-missjoni tiegħu, jikteb: “Huwa u sejjer [Damasku] bil-qalb imriegħda bit-theddid u l-istraġi, ġie msejjaħ b’ismu u mixħut fl-art mil-leħen mis-Sema (ara Atti 9:1-7), jiġifieri mill-Verb li sejjaħlu” (Sermo 299/A augm., 6). U jżid: “Alla qabad lill-persekutur tal-Knisja u għamel minnu messaġġier tal-paċi. Ħafirlu dnubietu kollha u qiegħdu f’ministeru fejn hu seta’ jaħfer id-dnubiet ta’ ħaddieħor” (ibid.).

Għeżież, għalina importanti, illum, li nħarsu lejn dawn iż-żewġ Qaddisin – Pietru u Pawlu – biex nifhmu kif aħna wkoll għandna nkunu appostli u bennejja tal-għaqda, qaddejja ġenerużi tal-verità fl-imħabba. Huwa b’dan l-ispirtu li nersqu biex ngħixu r-rit antik u suġġestiv tal-għotja tal-pallji lill-Arċisqfijiet Metropoliti. Fil-fatt dawn il-faxex tas-suf tan-nagħaġ imżejna bis-slaleb jesprimu l-impenn ta’ kull Ragħaj – imma anki ta’ kull Nisrani – li jerfa’ fuq spallejh lil ħutu li huma fdati f’idejh, kif ukoll lil tant ħrief mill-merħla tal-Mulej, u biex jissagrifika għalihom enerġiji, ħin, taħbit, u anki l-ħajja, biex għand kulħadd jasal il-Vanġelu u d-dinja kollha ssib fih armonija u għaqda (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 38).

B’dawn is-sentimenti, bil-ferħ kollu nsellem minn qalbi lill-membri tad-Delegazzjoni tal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli, mibgħutin minn ħija l-għażiż il-Qdusija Tiegħu Bartilmew u mmexxija mill-Eminenza Tiegħu Emmanuel, Metropolita ta’ Kalċedonja.

Nitolbu lill-Qaddisin Pietru u Pawlu, biex iweżnuna fil-mixja tagħna tal-komunjoni fuq il-passi tas-Salvatur. Hija t-triq li hu poġġielna quddiemna, dik li għaliha talab lill-Missier fl-Aħħar Ċena (ara Ġw 17:21-23), id-destinazzjoni li għaliha għallimna nixxennqu b’tama fiduċjuża (ara Benedittu XVI, Omelija fil-Quddiesa tal-għoti tal-pallji lill-Metropoliti ġodda, 29 ta’ Ġunju 2012).

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading