IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Piazza della Libertà (Castel Gandolfo)
Il-Ħadd 12 ta’ Lulju, 2026
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-Ħadd it-tajjeb!
Fil-liturġija tal-lum, l-Evanġelista Mattew itina l-parabbola tal-bidwi li jiżra’ (cfr Mt 13,1-23) li tiddeskrivi l-ġenerożità u l-fiduċja li bihom Alla jħawwel kelmtu fi qlubna u l-qawwa tiegħu fina.
Ġesù nnifsu, il-Verb magħmul bniedem, li ta ħajtu għas-salvazzjoni tagħna, hu ż-żerriegħa li l-Missier ikompli jiżra’ fid-dinja biex tmut u tagħmel il-frott (cfr Ġw 12,24). Minnu li kultant tispiċċa fuq art iebsa u insensibbli, drabi oħra distratta, tixbaħ l-art imbattma tal-mogħdijiet, art imġebbla, siġar tax-xewk; iżda hemm mumenti li fihom issib art li tilqa’ u għammiela, u għalhekk jinbtu mirakli ta’ mħabba bil-ħila li jibdlu l-bqija kollu, kif żgur ġarrabna aħna wkoll tul ħajjitna. Għal dir-raġuni Alla qatt ma jehda jiżra’ għax jaf li l-qawwa ta’ mħabbtu hi aktar sfiqa mid-dgħufija tagħna (cfr 2 Kor 12,9-10).
B’riferiment “għaż-żerriegħa’” tal-Kelma t’Alla, San Ġwann Kriżostmu jafferma: “Kif jista’ jkun raġjonevoli tiżra’qalb ix-xewk, fuq art imġebbla, fit-triq? Fil-każ taż-żerriegħa u tal-art ma jkunx raġjonevoli, filwaqt li fil-każ tal-erwieħ u tat-tgħalim, dan hu ta’ min ifaħħru ħafna” (Omeliji fuq l-Evanġleju ta’ San Mattew, 44, 3), għax f’idejn Alla hu possibbli li l-art imġebbla tinbidel u ssir fertili, li t-triq ma tisfax aktar mirfusa mis-saqajn, ma tibqax aktar esposta għal kulmin min jgħaddi minnha, imma tkun art grassa li fiha x-xewk jgħib u fejn iż-żrieragħ igawdu minn sitwazzjoni ta’ sigurtà kbira” (ibid.).
Il-ġenerożità ta’ Alla magħna tagħna mhix bluha, iżda għerf, u taf tagħraf fina l-possibiltà ta’ ġid li xi drabi lanqas aħna stess ma nkunu konxji minnu. Għaldaqstant, il-Mulej, li jaf tajjeb l-art ta’ qlubna, aħjar milli nafuha aħna stess, qatt ma jehda jemmen fina, f’dak li aħna u f’dak li nistgħu nkunu, jum wara jum, jekk nafdaw lilna nfusna għalkollox f’idejh bil-fidi!
Allura, ejjew nimpenjaw ruħna, speċjalment f’dawn il-jiem ta’ btala, u nagħmlu wisa’ għas-smigħ, għall-qari u l-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla, billi flimkien mal-mistrieħ u d-divertiment sân, inżidu wkoll mumenti importanti ta’ silenzju u talb. Nerġgħu lura lejn ir-rutina tas-soltu mġeddin fil-ġisem u fir-ruħ, lesti biex inħabbru l-Bxara t-Tajba tal-Evanġelju u b’ħila dejjem akbar li nikkoperaw fit-tisħiħ tas-Saltna t’Alla.
Tgħinna f’dan il-Verġni Marija, Sultana tal-Appostli u Kewkba tal-evanġelizzazzjoni.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
insellem lill-abitanti ta’ dan il-villaġġ, Castel Gandolfo, fejn qed inqatta’ xi jiem ta’ mistrieħ u nilqa’ bil-ferħ lilkom ilkoll, pellegrini minn kull naħa tad-dinja!
Sfortunatement qed jerġħu iqumu l-irwiefen ta’ gwerra fil-Lvant Nofsani, fl-Ukrajna u f’bosta nħawi oħra tad-dinja, li qed jiżirgħu l-vjolenza, terrur u mwiet u mill-ġdid jolqtu lil tant innoċenti. Ma nħallux li dawn l-irwiefen jitfu x-xrara tat-tama tal-paċi, minkejja li tidher dgħajfa u tnemnem.
Inġedded it-tama tiegħi li bil-paċenzja titfittex it-triq tad-djalogu, tal-laqgħa u tad-diplomazija, l-unika triq li twassal għal paċi ġusta u dejjiema, li fiha l-popli kollha jkunu jistgħu jgħixu flimkien rikonċiljati, fis-sigurtà reċiproka u bir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna.
Illum hu “l-Ħadd tal-Baħar”. Ħsiebi jmur lejn il-baħħara kollha, is-sajjieda u l-ħaddiema tal-portijiet tad-dinja li mbegħdin mill-għeżież tagħhom u kultant mimlijin biża’ minħabba l-kunfitti li hemm fir-rotot ta’ fuq il-baħar, bil-ħidma paċenzjuża tagħhom u fis-skiet iżommu għaddej il-kummerċ u l-ħajja ta’ bosta popli.
Fl-aħħar ningħaqad bit-talb mal-għadd kbir ta’ fidili Pollakki, miġburin flimkien għall-pellegrinaġġ annwali quddiem ix-xbieha ta’ Jasna Góra, sabiex, bħala”dixxipli missjunarji”, ikunu xhieda ferrieħa tal-Evanġelju. Il-Ħadd it-tajjeb lil kuħadd!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber