“Inħobbok ħabib, ħabiba tiegħi! Qalbi mimlija mħabba għalik. Tant inħobbok, li sagrifikajt ħajti għalik. Hija l-imħabba li żżommni hemm fit-Tabernaklu. Għal kważi għoxrin seklu jien ilni ngħammar hemmhekk, lejl u nhar; mgħotti taħt l-ispeċi tal-Ħobż u moħbi f’dik id-daqsxejn ta’ Ostja ċkejkna; mgħobbi bil-veru mħabba, bin-negliġenza, bi solitudni, d-disprezz, d-dagħa, l-għajb u sagrileġji… (3 sek pawsa)
Għall-imħabba tagħkom, waqqaft is-Sagrament tal-Qrar, biex naħfrilkom: mhux darba jew tnejn, imma kemm-il darba jkollkom bżonnu biex tirkupraw il-grazzja. U jien stess, nitmagħkom bil-Ġisem Imqaddes Tiegħi, u naqtalkom l-għatx bid-Demm Għażiż Tiegħi. (3 sek pawsa)
Jekk timirdu, jien inkun it-tabib tiegħek: Ejjew għandi u jien infejjaqkom. Fija ssibu l-mistrieħ u l-hena….. allura titbegħdux minni, għax Jiena l-Ħajja. U meta nitlobkom biex tfarrġuni, tnikktuniex bir-refjut tagħkom…”
Silenzju 3 Min
Innu:__________________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 14, 13-21
F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet.
Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom.
Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”. U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”.
“Ġibuhomli hawn”, qalilhom. Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.
U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Meta nġarrbu xi telfa kbira, nitnikktu u nkunu rridu ftit spazju għalina, ninqatgħu waħedna. Din hija parti mill-proċess sakemm naċċettaw it-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalina. U Ġesù kien għadu kemm tilef ħabib kbir, qarib tiegħu: Ġwanni l-Battista, u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies ma tantx ħallietu waħdu. (5 sek pawsa..)
Mulej, ridt tinġabar ftit għalik fit-talb, fir-riflessjoni; imma l-poplu kien iggranfat miegħek; kien bil-għatx għalik, għall-Kelma tiegħek. U kif rajt dan kollu, insejt lilek innifsek: tħassarthom u fejjaqtilhom il-morda tagħhom. O Sinjur, insejt il-gwaj tiegħek, u tgħabbejt b’tagħna; kont imnikket, u farraġt lilna; kont imweġġa’ u fejjaqtna.
Mulej, agħtina l-grazzja li qalbna tkun tixbaħ lil tiegħek: qalb li tgħadder u tħenn, qalb mimlija ħniena u kompassjoni, qalb li tħobb u taħfer. Għinna nieħdu l-eżempju tiegħek u qatt ma ngħaddu minn fejn xi ħadd b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa li ma nindunawx bil-bżonnijiet tagħhom.
Silenzju 2 min
Mulej, il-poplu baqa’ mwaħħal jisma’ l-Kelma tiegħek, li lanqas induna li kien sar ħafna ħin. Kemm hu ta’ ċanfira għalina dan il-poplu! Għax kemm-il darba naqbdu lilna nnfusna nħarsu lejn l-arloġġ; jew alaħares is-saċerdot iddum minuta iżjed li ma nibdewx ingergru. Qisna bil-ħin miegħek, bil-limitu kemm noqgħodu fil-preżenza tiegħek. Wisq imħabbtin, dejjem mgħaġġlin, u dejjem innaqqru mill-ħin tiegħek. (10 sek pawsa..)
Meta l-appostli talbuk biex tibgħathom lejn djarhom għax kien sar il-ħin, Inti dort fuqhom u għidtilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu!” U llum għadek tgħid l-istess, lil kull wieħed u waħda minna: “Agħtuhom intom x’jieklu!”. X’għandna aħna bħala dixxipli x’noffru lil tant persuni li huma bil-ġuħ għall-verità, li hija Ġesù nnifsu? (5 sek pawsa..)
Quddiem dan kollu, forsi nħossuna tant żgħar u dgħajfa bħal dawk il-ħames ħobżiet. X’kienu dawk il-ftit ħobżiet għal tant nies? Imma bihom, o Ġesù, Inti tmajt; u mhux talli kielu, imma xebgħu u baqa’ wkoll! Hekk ukoll tagħmel bina, jekk inkunu disponibbli għalik. O Sinjur, Int tista’ kollox, u tagħmel għeġubijiet kbar permezz tagħna, jekk inħalluk taħdem fina. (5 sek pawsa..)
Mulej, jien biss xrara, għamilni ħuġġieġa; jien biss korda, agħmilni arpa; jien biss qatra, agħmilni fawwara tal-imħabba tiegħek.
Silenzju 2min
Innu:
Talbiet tal-Komunitá
Kristu jisma’ lil dawk li jittamaw fih u jsalvahom. Ejjew f’dan il-ħin nerfgħu leħinna lejh u nitolbuh:
Mulej, mexxi lill-Knisja tiegħek, ħalli ma tieqaf qatt twassal il-ħobż tal-Kelma, u ma tieqaf qatt tagħmel karità ma’ kull persuna li għandha l-ġuħ għall-ġustizzja, għall-verità u għall-imħabba. Nitolbu.
Mulej, ispira lill-mexxejja tal-ġnus, biex jaġixxu b’ġustizzja, ħalli ebda ġid ma jinħela jew jiġi monopolizat, iżda jinqasam ma dawk l-aktar vulnerabbli. Nitolbu
Nitolbuk għalina lkoll bħala komunità nisranija, biex dejjem niskopru mill-ġdid is-sbuħija tal-qsim u solidarjetà ta’ kuljum, billi negħlbu l-egoiżmu u niftħu qalbna għall-bżonnijiet ta’ għajrna. Nitolbu.
Missier il-ħniena, agħti l-faraġ tal-preżenza tiegħek lill-morda, lill-foqra u lil min qed ibati; u agħtihom aħwa lesti biex jixxuttaw id-dmugħ tagħhom u jgħinnuhom fil-bżonnijiet li jeħtieġu. Nitolbu.
Sid il-Ħsad, qatt tinsa lill-poplu tiegħek, u agħtina aktar vokazzjonijiet saċerdotali, reliġjużi u monastiċi. Nitolbu.
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Kant: Dal Misteru