31/07/2026: Intervista mal-Arċisqof Charles J. Scicluna b’kollegament telefoniku waqt il-programm Għal Kulħadd ippreżentat minn Christine Delicata fuq RTK103.

Messaġġ tal-Arċisqof Charles Scicluna
L-Arċisqof Charles Scicluna qal dalgħodu li ma jagħmlilniex ġid meta t-toroq tal-Belt Valletta jsiru burdell. Qal li x-xeni li rajna dan l-aħħar fit-triq fejn hemm il-Knisja ta’ Ġieżu “ma jagħmlux ġieħ u mhumiex sinjal ta’ progress.”
L-Arċisqof Scicluna kien qed jagħmel kollegament telefoniku waqt il-programm Għal Kulħadd ippreżentat minn Christine Delicata fuq RTK103. Hu ġie mistoqsi dwar il-kontroversja tax-xow ‘burlesque’ li qed isir f’din it-triq, u li wassal għal kontroversja fuq il-midja soċjali.
Qal li wieħed irid jaċċetta l-fatt li s-soċjetà tevolvi, iżda d-dinjità tal-bniedem tibqa valur “dejjem u kullimkien.”
“Il-Belt jistħoqqilha ħafna aħjar u din il-ġawhra u patrimonju m’għandhiex il-vokazzjoni li filgħaxija titbiddel f’burdell għall-arja aperta. Dawn ma kinux xeni ta’ manifestazzjoni kulturali. Ma jagħmlux ġieħ u mhumiex sinjal ta progress.”
L-Arċisqof qal li t-toroq tal-Belt huma miżgħudin bil-knejjes iżda din mhix biss kwistjoni ta’ rispett għall-postijiet tal-kult imma anke għad-dinjità tal-istess persuni u tal-ambjent tagħna.
Huwa qal li l-burdell, jekk se jsir, għandu jkun bejn erba’ ħitan u aċċessibbli biss għal min irid jiddeverti b’dak il-mod. “Mhux qed nghid li naqbel…u minghajr ma nidhol fi kwistjonijiet ta’ moralità…li t-troroq isiru burdell ma tagħmlilniex ġid.”
L-Arċisqof Scicluna appella għas-sens komun u għall-koperazzjoni bejn l-entitajiet responsabbli, inkluż il-pulizija, li għandha d-dover mhux biss li tinnota u tinvestiga imma anke li tinforza l-liġi.
L-ambjent u l-ġustizzja soċjali
L-Arċisqof kien mistoqsi wkoll dwar saħħtu, fejn qal li qed jirkupra u bħalissa għaddej bil-fiżjoterapija iżda huwa proċess li jsir bil-mod. Qal li kellu bżonn intervent kirurġiku biex jissewwa tendon li ċċarrat. “Dawn huma affarijiet li jiġru ta’ malajr imma jieħdu ż-żmien biex ifiqu, u trid ħafna paċenzja,” qal l-Arċisqof, li kompla li xorta għaddej bid-dmirijiet tiegħu bl-aħjar mod li jista’.
Huwa rrefera wkoll għat-twaqqif riċenti tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem, li qed tgħaqqad l-ambjent mal-ġustizzja soċjali.
“Min irid iħares l-ambjent irid mhux biss jaħseb fil-benesseri tiegħu imma għandu wkoll dejn mal-ġenerazzonijiet futuri u responsabbiltajiet lejn dak li għamlu ta’ qabilna. Siġra li tħawwlet mijiet ta snin ilu għandna r-resppnsabbiltà nħalluha tgħix għal dawk ta’ warajna,” qal l-Arċisqof.
Qal li, apparti li tagħmel riċerka u ssegwi l-iżviluppi mhux biss fit tagħlim tal-Knisja imma anke fix-xjenza u s-soċjoloġija, il-kummissjoni se tkun qed tirrappreżenta l-vuċi tal-Knisja f’diversi oqsma, inkluż l-ekonomija, il-ġustizzja soċjali, il-housing, il-faqar u d-dinjità tal-bniedem.
Agħfas hawn biex tisma’ parti mill-intervista.
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti