Messaġġ tal-Papa Ljun XIV fl-Angelus tat-18-il Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 2 ta’ Awwissu, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Meta nisimgħu l-Evanġelju spiss nisimgħu rakkonti tas-sinjali li jagħmel Ġesù: huma għemejjel li juru d-dedikazzjoni speċjali tiegħu lejna, jiġifieri s-salvazzjoni li Hu jġib fid-dinja.  Il-Mulej jitfakkar bħala dak li jagħti sens lill-ħajja, jeħlisha mill-ħażen u mid-dnub.

Hu u jrodd lura d-dawl lill-għomja u s-smigħ lit-torox, Kristu ma jwettaqx biss għemejjel straordinarji, iżda jkun iħabbar lil kulħadd li s-Saltna t’Alla hi qrib.  Għaldaqstant, l-Evanġelu tal-lum (Mt 14,13-21) hu prova li Ġesù mhux biss irodd lura s-sensi lil dawk li huma neqsin minnhom, iżda jagħti wkoll togħma lis-sensi tagħna.  Lit-trux, li jerġa’ jibda jisma’, il-Mulej iroddlu l-Bxara t-Tajba biex jimsagħha; lill-għama, li jerġa’ jibda jara, jurih l-opra meravljuża tal-fidwa li sseħħ għalih. Bl-istess mod lil min bil-ġuħ Ġesù jtih x’jiekol: l-episodju tat-tkattir tal-ħobż ifisser li l-laqgħa mal-Mulej hi esperjenza li tmantni.  Fid-deżert, jiġifieri fil-bżonnijiet tagħna, Kristu hu l-ħobż tal-ħajja.  Miegħu, l-essenzjali jsir sovrabbundanti: “Kulħadd kiel u xaba’” u baqa’ “tnax-il qoffa” (v. 20).   Dan-numru juri li d-don li jagħti l-Mulej hu universali, u li l-providenza tiegħu għalina qatt ma tonqos.

Għeżież. Kristu jxabba’ verament il-ġuħ tal-umanità, il-ġuħ tagħna għall-verità u għall-ħajja.  Fl-istess ħin, l-għemil tiegħu jgħallimna li xejn ma’ jinħala meta jinqasam ma’ ħaddieħor.  Min-naħa l-oħra, it-tgeddis u r-rimi huma żewġ uċuħ tal-istess ħażen: ir-regħba.  Hi marda tar-ruħ li titilfek minn sensik għax issakkrek bil-ġid sal-punt li tinsa li min hu mbikki għax bil-ġuħ u qed jokrob bil-għatx.  Hekk, quddiem l-għana ta’ dak li jitnawwar hemm jittalbu l-idejn ta’ min m’għandux mejda, id-djar maħruqa ta’ min m’għandux paċi.

Fid-deżert tal-gwerra u tal-arroganza, naraw b’liema kumpassjoni l-Mulej “refa’ għajnejh lejn is-sema”.  “bierek”, “qasam il-ħobż u tah” (cfr v. 19) lid-dixxipli tiegħu biex iqassmuh lill-folla (cfr v. 19).  F’dal-miraklu tal-karità nagħrfu l-għemejjel tipiċi ta’ Ġesù li fl-Aħħar Ikla jaslu għall-milja sħiħa tagħhom.  Infatti, dakinhar, Iben Alla tana ħajtu bħal ħuna fl-umanità.  Aħna u nduqu l-benna tal-Ewkaristija, ejjew nimpenjaw ruħna biex inkunu xhieda tas-sbuħija tagħha fil-ħajja ta’ kuljum, ibda mit-tberik tal-mejda, aħna u naqsmu l-ikel mal-familja u mal-ħbieb  Fil-kumpanija ta’ Ġesù, il-vaganzi wkoll isiru żmien ta’ serenità fraterna li fiha ninvolvu lil dawk ta’ madwarna li jeħtieġu l-għajnuna.


Għalhekk, ejjew nitolbu lill-Verġni Marija, Omm mimlija ħniena, biex tgħinna nisseddqu fil-karità, ħalli ħadd ma jibqa’ nieqes mill-ħobż ta’ kuljum.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

qed insegwi bi preokkupazzjoni s-sitwazzjoni allarmanti f’Ceuta, u nitlob lil Alla, bl-interċessjoni tas-Sinjura Tagħna tal-Afrika, li jinstabu soluzzjonijiet ta’ paċi, stabbiltà u ġustizzja.

Inkomplu nitolbu għall-paċi sabiex fid-dinja jieqfu l-gwerer u jinstabu soluzzjonijiet diplomatiċi tal-kunflitti.  Niftakru fil-vittmi kollha tal-ostilità, speċjalment l-aktar dagħjfa u bla difiża: it-tfal, l-anzjani, il-morda.  Il-Mulej ifarraġ lil min qed isofri u jbierek il-ħidma ta’ min qed jagħti l-għajnuna u l-faraġ.

Dal-ġranet huma jiem dedikati lill-“Maħfra ta’ Assisi”.  San Franġisk kien kiseb din l-indulġenza mingħand il-Papa Onorju III, fl-1216, imnebbaħ, waqt li kien jitlob fil-Porzjunkola, minn viżjoni ta’ Ġesù u Marija mdawrin bl-anġli.  Niżżu ħajr lill-Mulej għal dan id-don kbir u ngħożżuh bħal teżor, speċjalment fit-tmien ċentinarju “tat-Transtu” tal-Fqajjar ta’ Assisi, li propju fil-Porzjunkola ħalla din id-dinja nhar it-3 ta’ Ottubru, 1226.

Insellem ilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji: partikolarment lit-tfal mill-parroċċi ta’ Saccolongo u Creola (Padova), liż-żgħażagħ li jikkollaboraw fil-pastorali minn Castelfranco Veneto, akkumpanjati mis-saċerdoti tagħhom u l-animanturi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading