Ġublew tal-Fidwa 2033: Sejħa biex nibdew il-mixja minn issa stess

Il-Ġublew tal-Fidwa tal-2033 se jkun wieħed mill-aktar avvenimenti spiritwali importanti tas-seklu tagħna għaliex ifakkarna fl-elfejn sena mill-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu, ġrajja li hija l-qalba tal-fidi nisranija. Sa minn San Ġwanni Pawlu II, li miet fit-2 ta’ April 2005, kien diġà tefa l-ħarsa tagħna lejn dan ix-xefaq importanti. Warajh, kien b’mod speċjali il-Papa Franġisku li diversi drabi sejjaħ lill-Knisja biex tħares lejn l-2033 bħala pass naturali wara l-Ġublew tas-Sena Mqaddsa 2025. Fil-Bolla tiegħu, Spes non confundit, li biha ħabbar it-tema tal-Ġublew tal-2025, huwa kiteb li l-Ġublew tal-2033 jrid iwassalna lejn ċelebrazzjoni oħra li hija fundamentali għall-insara kollha, meta nfakkru l-elfejn sena mill-Fidwa mwettqa permezz tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej.

Il-Papa Ljun XIV kompla fuq din il-viżjoni u stieden lill-insara ta’ kull denominazzjoni biex jimxu flimkien lejn din il-kommemorazzjoni bħala pellegrinaġġ ta’ fidi u ta’ għaqda, b’enfasi qawwija fuq id-dimensjoni ekumenika.

X’inhu l-Ġublew tal-Fidwa?

Il-Ġublew tal-2033 mhux sempliċement anniversarju storiku. Huwa sejħa biex il-Knisja kollha terġa’ tikkontempla l-qalba tal-Evanġelju, il-fidwa li Kristu kiseb għalina permezz tas-salib u l-qawmien tiegħu.

Hija fidwa, għaliex biha Kristu fdiena mill-jasar mid-dnub u mill-mewt u fetaħ għalina t-triq għall-ħajja ġdida. Aħna li bid-dnub tagħna konna sirna lsiera tax-xitan,ġejna mifdija lura għal Alla permezz tad-demm imxerred għalina minn Ibnu nnifsu. Għalhekk, dan il-Ġublew għandu jkun żmien …

  • ta’ tiġdid personali,
  • ta’ konverżjoni,
  • ta’ rikonċiljazzjoni ma’ Alla nnifsu, bejnietna u mal-Ħolqien kollu,
  • ta’ missjoni evanġelika,
  • u ta’ tama li titwieled mill-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt.

Il-Ġublew mhux biss ifakkarna fi ġrajja tal-imgħoddi, iżda jistedinna ngħixu l-qawwa tagħha fil-preżent. Bħal tant sinjali oħra li nircievu, anke dan huwa sinjal moghti lilna minn Alla permezz tal-Knisja, biex jurina t-Triq li hija Kristu stess. “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. ” (Ġw:14:6)

Hemm bżonn nibdew issa?

Illum, li għadna fl-2026, xi wħud jistgħu jgħidu li fadal seba’ snin oħra; għad hemm ħin, u għalhekk mhemmx bżonn nibdew minn issa. Fil-verità, irridu nfakkru li din il-mixja tal-fidwa tagħna lanqas mhu qed tibda illum, iżda kienet bdiet dakinhar stess tal-Qawmien. Għahekk il-missjoni tagħna m’ghandiex tkun li nibdew il-mixja, imma li nkompluha fiha b’impenn akbar.

Mill-esperjenza ta’ dak li l-Knisja għexet f’ġublej kollha ta’ qabel, aħna nafu li l-preparazzjoni għal Ġublew ma ssirx fi ftit xhur għaliex hija proċess ta’ maturazzjoni spiritwali. Fil-fatt, l-aħħar Ġublew, dak tal-2025, kien tħabbar diversi snin qabel sabiex il-komunitajiet ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom tajjeb. Bl-istess mod, il-mixja lejn l-2033 tista’ ssir opportunità biex il-parroċċi, il-komunitajiet reliġjużi u l-familji jiskopru mill-ġdid il-qawwa tal-misteru tal-Għid.

Barra minn, minħabba d-dimensjoni ekumenika li dan il-Ġublew huwa mistenni li jkollu, allura l-preparazzjonijiet teħtieġ żmien itwal ta’ riflessjoni u talb, ta’ formazzjoni fil-komunitajiet rispettivi u għall-programmar. Dan kollu, mhux biss fuq dimensjoni internazzjonali tad-denominazzjonijiet rispettivi, imma wkoll fil-Knejjes lokali kollha.

Ċertament li m’aħniex kmieni. Forsi wkoll qegħdin tard u jmissna ilna li bdejna.

Mill-banda l-oħra, il-preparazzjonijiet għandhom ikunu sempliċi iżda kostanti. Fuq kollox l-għan tagħhom m’għandux ikun iffukat fuq kalendarju ta’ laqgħat u attivitajiet, imma fuq il-laqgħa tagħna lkoll ma’ Kristu. Hija din il-laqgħa tagħna miegħu li tghaqqadna bejnietna u tagħmilna lkoll ħaġa waħda. Mhux din forsi kienet it-talba li huwa stess għamel lil Missieru fi tmiem l-Aħħar Ċena. “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.” (Ġw:17:21)

Xi suġġeriment …

1. Mixja kateketika fuq il-Misteru tal-Għid. Matul is-snin li ġejjin, ma r ridux norganizzaw aktar laqgħat minn dawk li qed nagħmlu, imma fil-laqgħat li diġà għandna, niffukaw aktar fuq il-Passjoni ta’ Kristu, il-Qawmien tiegħu mill-Imwiet, il-Misteru tal-Fidwa, it-Tama Nisranija, u l-Ħajja ġdida tagħna fil-Magħmudija.

2. Lectio Divina fuq siltiet mill-Evanġelji dwar il-Passjoni ta’ Ġesù. Kull sena jista’ jintgħażel wieħed mill-erba’ Evanġelji biex il-komunità taqrah bil-mod, timmeditah, titlob fuqu u tikkontempla.

3. Pellegrinaġġi. Mhux biss lejn Ruma jew l-Art Imqaddsa, iżda wkoll lejn santwarji lokali, b’enfasi li dawn kollha jridu jfakkruna li l-ħajja nisranija hija pellegrinaġġ kontinwu. Tkun tassew ħasra, jekk kif spiss ġara fl-imgħoddi, il-pellegrinaġġ fiżiku jieħu post dak spiritwali u jispiċċa aktar li jkun ġita bħal tant oħrajn.

4. Temi differenti. Minn issa sal-2033, kull sena tista’ tingħata tema partikolari, bħal per eżempju …

  • 2027 – Is-Sejħa għat-Tama
  • 2028 – Il-Konverżjoni
  • 2029 – Il-Kelma ta’ Alla
  • 2030 – Il-Karità
  • 2031 – Ir-Rikonċiljazzjoni
  • 2032 – Il-Missjoni
  • 2033 – Il-Fidwa minn Kristu

5. Inizjattivi ta’ ħniena. Kull djoċesi, parroċċa, u komunità tista’ tagħżel impenn konkret favur il-foqra, il-morda, il-priġunieri, il-migranti jew dawk li jinsabu waħedhom. Il-fidwa li niċċelebraw trid tidher ukoll fl-Opri tal-Ħniena.

6. Formazzjoni liturġika. Il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Vġili tal-Għid huma l-qalba tas-sena liturġika. Preparazzjoni serja tista’ twassal biex dawn iċ-ċelebrazzjonijiet isiru dejjem aktar esperjenza profonda ta’ fidi.

7. Mixja ekumenika. Peress li l-2033 għandu dimensjoni universali għall-insara kollha, jistgħu jiġu organizzati wkoll laqgħat ta’ talb u riflessjoni flimkien ma’ nsara ta’ tradizzjonijiet oħra, kif qed jinkoraġġixxi s-Santa Sede.

Opportunità pastorali. Il-Ġublew tal-Fidwa jista’ jsir opportunità biex il-komunitajiet jistaqsu lilhom infushom …

  • Kemm hu magħruf tassew Ġesù fil-parroċċa tagħna?
  • Kif qed ngħixu l-ferħ tal-Qawmien?
  • Il-fidi tagħna twassalna biex inkunu xhieda tat-tama?
  • Kif nistgħu nilħqu lil dawk li tbiegħdu mill-Knisja?

Dawn il-mistoqsijiet jistgħu jagħtu direzzjoni lill-pjan pastorali għas-snin li ġejjin.

Konklużjoni

Il-Ġublew tal-Fidwa tal-2033 m’għandux jitqies biss bħala avveniment li se jsir f’Ruma. Għandu jkun qabel kollox avveniment tal-qalb. Jekk nibdew nippreparaw minn issa, sal-2033 inkunu mxejna l-pellegrinaġġ tal-fidi, mhux waħedna, mhux biss mal-Knisja Kattolika, imma mal-Knejjes insara kollha. Hekk biss jista’ dan il-Ġublew tal-Fidwa jkun tassew laqgħa profonda ma’ Kristu Rxoxt.

Jekk għadna ma bdejnix, allura rridu nibdew minn issa stess. Mhux għada!

2 ta’ Awwissu 2026

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading