Minn D. Edward Vella
Il-ħajja fiha bosta misteri, però bla dubju l-akbar wieħed minnhom huwa l-bniedem stess; huwa diffiċli ħafna nifhmu lil xulxin u huwa diffiċli aktar nifhmu lilna nfusna. Dan kollu jidher b’mod partikulari fil-ħafna kontradizzjonijiet ta’ żmienna; pereżempju minn naħa vvintajna kemm flaħna affarijiet biex noħonqu s-skiet għax donnu ma nissaportuħx, u minn naħa l-oħra tinnota kemm il-bniedem għandu għatx għas-skiet u jdejqu l-istorbju tal-ħajja. Tgħid minn fejn ġej dan l-għatx tal-bniedem għas-skiet?
Elija, fl-ewwel qari tal-lum, jiltaqgħa ma’ Alla fuq il-Horeb, il-muntanja l-qaddisa, iżda Alla la jkun fir-riħ qawwi li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, la jkun fit-theżiża u anqas ma jkun fin-nar. Alla rrivela lilu nnifsu f’żiffa ħelwa li Elija, malli ħassha, għatta wiċċu bil-mantel u ħareġ f’bieb il-għar għax għaraf li kien hemm il-preżenza ta’ Alla. Alla ma jirrivelax lilu nnifsu f’affarijiet spettakolari u ta’ qawwa kbira; Alla jirrivela lilu nnifsu fis-sempliċità, u huma dawk biss li kapaċi jgħożżuha li jsibuH.
Ġesù fil-vanġelu tal-lum, wara li għamel il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, ‘tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob’. Jekk il-Mulej iħoss il-bżonn tas-skiet biex jitlob kemm aktar għandna nħossu bżonnu aħna li ngħixu f’dinja ta’ ġenn u storbju? Il-bniedem li ma jfittix li jitlob fis-skiet la jiltaqa’ ma Alla u lanqas mal-bniedem jew miegħu nnifsu, għax huwa biss fis-skiet li aħna niltaqgħu magħna nfusna u ma’ Alla li jgħammar fina. Huwa preokkupanti l-fatt li llum lanqas fil-knejjes tagħna ma għadek issib is-skiet: ħafna lanqas fil-knisja ma jafu jisktu, u jkunu mhux biss itellfu lil ħaddieħor iżda jitilfu huma ukoll il-possibiltà li jidħlu f’intimità ma’ Alla fit-talb.
Il-Vanġelu jkompli; l-appostli qiegħdin waqt maltempata f’nofs ta’ baħar u Ġesù jmur jimxi lejhom fuq l-ilma. Kif rawh twerwru għax ħasbuh xi fantażma, iżda Ġesù isejħilhom, ‘Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!’ Pietru, bniedem sinċier, spontanju, u li jħobb u jafda lil Ġesù, jgħidlu ‘Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma’. X’ħin Ġesù jgħidlu ‘ejja’, huwa jibda miexi fuq l-ilma, ‘iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq’. Ninnutaw x’ġara; sakemm Pietru żamm għajnejh fuq Ġesù, il-qilla tar-riħ u l-baħar ma għamlitlu xejn, iżda x’ħin qala għajnejh minn fuq Ġesù beda jegħreq. Hekk jiġrilu l-bniedem fil-ħajja, sakemm iżomm għajnejh fuq il-Mulej l-ebda mewġ tal-ħajja ma jista’ għalih, iżda x’ħin jaqla ħarstu minn fuq il-Mulej bħal Pietru, nibdew ngħerqu. J’Alla kieku jkollna l-umiltà ta’ Pietru li meta nintebħu li qed ngħerqu, nerġgħu nduru lejn il-Mulej u ngħidulu ‘Salvani, Mulej!’. Pietru kellu fidi żgħira iżda ħafna drabi l-bniedem li tilef il-fidi, jispiċċa jkompli jgħaffeġ u jegħreq sempliċement għax tilef il-fidi f’Ġesù.
Hija importanti ħafna l-aħħar sentenza tal-Evanġelju tal-lum, ‘Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”.’ Dan huwa l-qofol tal-evanġelju tal-lum jiġifieri li Ġesù juri li hu Alla, u l-Appostli, wara din l-esperjenza, jistqarru l-fidi tagħhom fih. Ninnutaw dan il-vjaġġ fil-qari tal-lum; is-skiet ilaqqagħna ma’ Alla li tant iħobbna li jagħmel magħna l-għeġubijiet anke fil-maltemp tal-ħajja, u li din l-esperjenza tkompli tqawwina fil-fidi tagħna fiH. Ta’ min nistaqsu lilna nfusna; jien kemm infittex is-skiet f’ħajti, kemm inħalli lil Alla jkellemni fis-skiet? Meta nħossni ser ngħereq, lil min insejjaħ; għandi tal-anqas il-fidi żgħira ta’ Pietru li nsejjaħ lill-Mulej biex jgħinni?
Mulej Ġesù, fid-dinja ta’ storbju li qed ngħixu nitolbuk nissel f’qalbna x-xewqa tas-skiet biex bħalek nibnu relazzjoni intima mal-Missier; kun int Mulej li timxi magħna fit-triq tal-ħajja, u meta nħossuna ser ngħerqu għinna ħalli nsejħu lilek, fik nafdaw u nerġgħu lura għandek, għax int biss tista’ tikkalma l-maltempati tal-ħajja tagħna. Ammen.