VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-VENEZUELA,
ECUADOR, PERÙ, TRINIDAD-TOBAGO
QUDDIESA GĦALL-FAMILJI FL-IPPODROMU MONTERRICO TA’ LIMA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Perù – Il-Ħadd, 3 ta’ Frar 1985
1. “Jiena minħabba fihom nagħti ħajti . . .” (Ġw 17, 19).
Fil-qari tal-Vanġelu ta’ San Ġwann li għadna kemm smajna, kien ipproklamat dan il-kliem li Kristu ppronunzja fiċ-Ċenaklu, ftit qabel ma erħilha lejn il-Ġetsemani, fejn kellha tibda l-passjoni u s-sagrifiċċju tiegħu. Dan huwa kliem li bih Ġesù idur lejn il-Missier fit-“talba saċerdotali” tiegħu, Kristu jitlob għad-dixxipli tiegħu, għall-Knisja, għall-umanità. Jitlob sabiex l-imħabba tal-Missier tkun fina.
B’dan il-kliem li llum jidwi f’din il-laqgħa tal-poplu ta’ Alla, fiċ-ċentru storiku tal-imperu antik tal-Incas, jiġi għandkom, għeżież ħuti, l-Isqof ta’ Ruma. Huwa grat lill-Providenza li jistà jwettaq hawn il-ministeru tiegħu ta’ Suċċessur ta’ Pietru: iwettaq lil ħutu fil-fidi (cf. Lq 22, 32).
Il-Papa jiġi għandkom meta l-Knisja qiegħda tħejji biex tfakkar il-500 sena tal-evanġelizzazzjoni tal-Amerika, u jrid jingħaqad mal-poplu fidil f’dan il-post importanti, fil-kapitali tal-Perù, Lima, li kienet wieħed mill-punti ċentrali minn fejn idda d-dawl tal-Vanġelo fid-Dinja l-Ġdida.
2. Infatti, it-18 ta’ Jannar 1535 kienet stabbilità l-belt tagħkom, li għadha kemm iċċelebrat l- 450° anniversarju. Ftit snin wara l-Papa Pawlu III għolliha għal arċidijoċesi. U għalkemm l-abitanti tal-belt kienu ftit, l-estensjoni tal-arċidijoċesi kienet enormi, għaliex kienet tasal san-Nicaragua, saċ-Ċile u sa Rio de la Plata. Kważi l-Amerika t’Isfel kollha kienet tiddependi prattikament, għal xi żmien, minn din is-sedja metropolitana.
Ragħaj “insigne” tal-istess kien San Toribio di Mongrovejo, it-tieni arċisqof ta’ Lima, li għal kważi 25 sena anima b’żelu eżemplari l-ħajja reliġjuża ta’ din is-sedja enormi, billi ġera bi vjaġġi ammirevoli mal-estensjoni kollha tagħha. F’dak il-perijodu ċċelebra it-tielet Konċilju Limense (1582-1583), li r-regoli tiegħu baqgħu applikabbli għal sekli.
Hawn kellu l-bidu sforz missjunarju ammirevoli li llum għadu jqanqal stagħġib, jekk wieħed jaħseb kif dawk il-ħabbara qalbiena tal-bxara t-tajba setgħu jegħlbu tant diffikultajiet. Dak l-isforz u sagrifiċċju ta’ isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u fidili irrenda possibli l-fjoritura tal-ħajja nisranija, li mal-passaġġ tas-snin firex għeruqu sa ma mmatura fi frott magħżul, bħal Santa Roża ta’ Lima, Martin de Porres, Juan Macias u l-Beata l-ġdida Ana de los Angwles, unur tal-Knisja, tan-nazzjon Peruvjan, ta’din il-Belt tal-qaddisin tad-Dinja l-Ġdida.
Illum id-dijoċesi tagħkom tgħodd kważi ħames miljuni ta’ fidili. Komunità li tisperimenta t-tensjonijiet kollha tad-dinja moderna, fil-qasam ekonomiku-soċjali, politiku, idejoloġiku. F’dan il-kuntest Kristu jrid iwassal il-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni u tama lill-abitanti kollha tiegħu, lill- Perù kollu, lilkom li għandkom tilqgħu f’idejkom il-wirt tal-imgħoddi, biex tirregalawh mimli ħeġġa lill-ġenerazzjonijiet futuri.
F’din il-prospettiva, nestendi it-tislima fraterna u ta’ mħabba lis- sinjur Kardinal u r-Ragħaj ta’ din is-Sedja storika ta’ Lima, lill-isqfijiet awżiljarji, l-istess kif lil ħuti kollha fl-episkopat tal-Perù li riedu jingħaqdu mal-Papa fil-laqgħa kordjali, lill-grupp ta’ djakni li se jiġu ordnati saċerdoti. Insellem ukoll lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa, li b’dedikazzjoni ġeneruża jipprovdu s-servizz tagħhom lill-Knisja fid-diversi oqsma tal-pastorali, kif ukoll lil-lajċi tal-movimenti apostoliċi, tal-organizzazzjonijiet kattoliċi, u lill-fidili kollha preżenti.
3. B’mod partikolari nestendi t-tislima tiegħi lill-familji ta’ Lima u lill-familji kollha tal-Perù, li lilhom hija ddedikata din l-Ewkaristija. Dawn huma il-“Knejjes domestiċi” (cf. Lumen gentium, 11), kif naqraw fl-ewwel testi nsara, li jikkostitwixxu post speċifiku tal-preżenza ta’ Alla, imqaddes mill-grazzja ta’ Kristu fis-sagrament.
Is-sagrament taż-żwieġ jitnissel, bħal minn sors, mis-sagrifiċċju feddej ta’ Kristu, li bil-passjoni u l-mewt tiegħu jikkomunika l-grazzja li tqaddes. Mill-majjestà imponenti tas-salib il-Mulej donnu jdur lejn il-familji kollha, lejn il-miżżewġin kollha biex jgħidilhom: “Jiena minħabba fikom nagħti ħajti biex huma wkoll ikunu mqaddsa permezz tal-verità” (Ġw 17, 19). Għal dan il-Knisja tgħallem li fis-sagrament taż-żwieġ “il-miżżewġin huma konfermati u kkonsagrati biex iwettqu fedelment id-dmirijiet propji, quddiem id-dinja” (Pawlu VI, Humanae vitae, 25; cf. Gaudium et spes, 48).
F’dan il-kuntest se jseħħu, fl-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw, l- ordinazzjonijiet saċerdotali. Dawk li se jkunu ordnati saċerdoti huma wliedkom, għeżież familji tal-Perù: huma l-frott ta’ mħabbitkom, tal-fedeltà u l-imħabba matrimonjali. Huma raw id-dawl f’dawn il- “Knejjes domestiċi” li huma l-familji, u issa, permezz tas-sagrament tal-Ordni Sagri, se jirregalaw ruħhom u ġisimhom għas-servizz tal-Knisja. L-ewwelnett tal-Perù, imma wkoll fi kwalunkwè parti oħra tal-Knisja fejn Alla jsejħilhom.
4. Il-Vanġelu tal-liturġija tallum jeħodna b’moħħna u b’qalbna fiċ-Ċenaklu. Kristu, saċerdot u vittma tas-sagrifiċċju paskwali, iwaqqaf l-Ewkaristija u, fl-istess ħin, is-sagrament tas-Saċerdozju, tal-patt il-ġdid u etern. Hemm, għall-ewwel darba, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh u tah lid-dixxipli tiegħu sabiex huma jieklu: “Dan huwa ġismi”. U l-istess għamel bl-imbid: “Dan huwa l-kalċi ta’ demmi”. B’dan il-mod waqqaf is-sagrament tal-Ewkaristija, u kkonkluda: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.
Waqt li nobdu l-kmandament tal-Mulej, niċċekebraw is-sagrifiċċju tal-quddiesa b’tifħir lit-Trinità Qaddisa u għas-salvazzjoni tad-dinja. Fidili wkoll għal dan il-mandat aħna l-isqfijiet, suċċessuri tal-appostli, nagħtu s-sagrament tal-Ordni Sagri lil dawn ħutna li jħossu il-leħen divin u huma msejħa biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-Knisja.
5. U huma bosta l-bżonnijiet tal-Knisja llum! Quddiem is-saċerdot tinfetaħ missjoni sinifikanti, meta Ġesùjgħid fit-talba saċerdotali tiegħu lill-Missier: “Jien għarraft ismek lill-bnedmin li inti tajtni mid-dinja. Kienu tiegħek u inti tajthom lili, u huma ħarsu kelmtek” (Ġw 17, 6). Dan il-kliem m’għandux limiti: il-Missier afda lill-Iben il-bnedmin kollha sabiex “ikunu salvati u jaslu għall-għarfien tal-verità” (1 Tm 2, 4).
U f’lejlet il-passjoni tiegħu l-Mulej dar lejn il-Missier bi ħsiebu fid-dixxipli tiegħu: “Jiena tajthom kelmtek . . . kelmtek hija verità. Kif inti bgħattni fid-dinja, jiena wkoll bgħatthom fid-dinja” (Ġw 17, 14. 17. 18). Missjoni bla limiti dik li nfetħet quddiem il-Knisja, Missjoni li tinfirex fis-sekli kollha, tinkludi l-ġenerazzjonijiet kollha.
Illum, waqt li nħarsu lejn il-ġenerazzjoni attwali li qiegħda toqrob lejn tmiem it-tieni millennju, jien, is-suċċessur ta’ Pietru, flimkien ma’ ħuti l-isqfijiet, nirrepeti lilkom, saċerdoti li sejrin tirċievu s-sagrament tal-Ordni Sagri, il-kliem tal-Mulej “Kif inti bgħatt lili fid-dinja, jien ukoll bgħatthom fid-dinja” (Ġw 17, 18).
Ilqgħu l-missjoni sublimi li rċivejtu bil-qawwa tal-kelma ta’ Alla u tas-sagrament tal-Knisja. Jalla din tagħti sens sħiħ lill-ħajja tagħkom! “Ma nitolbokx illi twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin” (Ġw 17, 15).
6. Għeżież żgħażagħi! Kontu msejħin biex isservu lill-poplu ta’ Alla, li diġa minn żmien twil għandu, bl-istint tal-fidi, sens ċar sewwa tal-missjoni tas-saċerdot u tal-bżonn tiegħu fil-Knisja, Dan il-poplu għaraf tali sens fil-figura saċerdotali eżemplari ta’ Patri Francisco del Castillo, imwieled f’din il-belt. Għalhekk huwa jitlob lis-saċerdoti tiegħu li jkunu qabel kollox għalliema fil-fidi, fil-verità, fil-ħajja spiritwali, u mhux sempliċi diriġenti umani, ukoll jekk ikollha tippreokkupahom profondament il-promuzzjoni umana, kulturali u soċjali ta’ ħuthom, imdawla mill-Vanġelu. “Mhux intom għażiltu lili imma jien għażilt lilkom” (Ġw 17, 16), jgħidilkom il-Mulej illum.
Intom ġejtu kkonsagrati biex ikollkom stil ta’ ħajja li tgħaqqadkom ma’ Kristu bir-rabta ineffabbli permezz tal-karattru sagramentali. Waqt li tilqgħu l-mandat tal-Knisja, se taġixxu “in persona Christi”: billi tikkonsagraw lil ġismu u lil demmu, taħfru d-dnubiet, tippridkaw kelmtu, tamministraw is-sagramenti l-oħra. Ix-xhieda ta’ ħajjitkom trid tkun, għalhekk, ta’ mħabba u ta’ servizz; bnedmin ta’ Alla, bnedmin għall-oħrajn.
F’dan il-jum tal-ordinazzjoni tagħkom saċerdotali, nitlob li l-Ispirtu Santu jonqox dan il-kliem tal-Appostlu Pawlu fi qlubkom: “Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu, bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna” (2 Kor 5, 20). F’dan id-dmir, sostnuti minn talb perseveranti, u fidili lejn is-sagrifiċċju tagħkom permezz taċ-ċelibat, intom kollaboraturi fidili u ġenerużi tal-isqfijiet tagħkom. Huma, l-istess bħal Mosè, kif smajna fl-ewwel qari, għandhom bżonn ta’ kollaboraturi “li jaqsmu magħkom il-piż tal-poplu” (Nm 11, 17).
7. Hemm bżonn madankollu li l-komunità dijoċeżana kollha tirresponsabilizza ruħha dwar dan il-bżonn. Minn hawn ix-xewqa tiegħi li llum indur lejn il-familji nsara tal-Perù, sabiex jimpenjaw ruħhom f’dan id-dmir. Barra minn hekk, jekk djarkom ma jsirux tassew “Knejjes domestiċi”, li fihom it-tfal jirċievu sa minn l-ewwel snin il-fidi tal-ġenituri tagħhom u ma jitgħallmux permezz tal-eżempju tagħhom l-imġieba morali retta, diffiċilment jiffjorixxu l-vokazzjonijiet saċerdotali li tagħhom għandha bżonn il-Knisja tal-Perù, biex twettaq l-opra evanġeliżżatriċi tagħha.
“Bħama int bgħattni fid-dinja, jien ukoll bgħatthom fid-dinja” (Ħw 17, 18). Il-Knisja fil-Konċilju Vatikan II rat f’dan il-kliem tal-Mulej u Mgħallem tagħha mhux biss it-tagħlim perenni dwar vokazzjoni u missjoni saċerdotali, imma wkoll id-duttrina evanġelika dwar vokazzjoni u missjoni tal-lajċi, dixxipli ta’ Kristu.
Bis-saħħa ta’ din il-missjoni li titnissel mis-sagrament tal-Magħmudija u tal-Griżma, il-lajk huwa miżmum li jimpenja ruħu – bħala dmir propju – biex jibdel id-dinja minn ġewwa, skont l-ispirtu tal-Vanġelu. Hekk, l-irwol tal-familja nisranija huwa mqiegħed f’evidenza sħiħa. Din hija l-missjoni tagħkom, sfida tassew għalikom, familji nsara tal-Perù!
Naf it-tamiet u l-pieni tal-fokolari Peruvjani u minħabba dan niġi bħala pellegrin apostoliku biex inwettaqkom fix-xewqat tagħkom ta’ perfezjonament nisrani. Il-kliem ta’ Ġesù: “Dak li Alla għaqqad, ma jifirdux il-bniedem” (Mt 19, 6) għandu jkun liġi għal dawk li jqisu ruħhom insara. Ftakru għalhekk li n-nisrani għandu jirrifjuta b’saħħa d-divorzju, l-għaqda mhux imqaddsa tas-sagrament, l-isterilizzazzjoni, il-kontraċezzjoni, l-abort li jelimina esseri innoċenti. Bil-maqlub, in-nisrani għandu jiddefendi b’ruħu kollha l-imħabba indissulibli fiż-żwieġ, il-protezzjoni tal-ħajja umana, ukoll ta’ dik li għadha ma twelditx, u l-istabilità tal-familja li tiffavorixxi l-edukazzjoni ekwilibrata tal-ulied protetti mill-imħabba paterna u materna li jikkumplimentaw lil xulxin.
Biex nistgħu nkunu fidili għal dan il-program esiġenti, m’għandux jonqos fi djarkom it-talb familjari skont l-aħjar tradizzjonijiet tagħkom; id-devozzjoni tal-familja lill-Verġni Marija, hekk radikata f’nofskom, id-devozzjoni u l-konsagrazzjoni tal-familja lill-Qalb ta’ Ġesù, hekk maħbuba mill-poplu Peruvjan, Għal dan il-għan irrid ninkuraġġixxi u nbierek lil dawk il-familji kollha li qiegħdu fi djarhom ix-xbiha tal-Qalb ta’ Ġesù, bħala sinjal ta’ fedeltà lejn Kristu u bħala tħejjija għaż-żjara tal-Papa.
Għeżież irġiel u nisa miżżewġin u wlied! Ġeddu f’din l-Ewkaristija l-fedeltà tagħkom u mħabbitkom reċiproka, billi tibbażawha fuq l-imħabba sinċiera ta’ Kristu.
8. Nirrendi ħajr lil Alla wieħed u tlieta għal din il-laqgħa oranti kbira tal-poplu ta’ Alla f’Lima. Il-preżenza tagħkom hija sinjal tal-għaqda tal-familji kollha. Dawn huma l-“Knejjes domestiċi” il-post li fih jitnisslu, bħala esiġenza tal-fidi, il-vokazzjonijiet saċerdotali li llum kelli l-pjaċir li nilqà fis-sagrament tal-Ordni Sagri. Nixtieq nirrepeti hawn il-kliem mimli tqanqil li San Pawl kien indirizza lill-“anzjani tal-Knisja f’Mileto: “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja ta’ Alla li hu kiseb b’demmu stess” (At 20, 28).
“Għalhekk, iftħu għajnejkom” (At 20, 31). L-appostlu jsemmi wkoll f’dik l-okkażjoni “l-ilpup qalila” li jheddu l-merħla; u jsemmi id-‘duttrini inaċċettabli” li jbegħdu mit-triq retta. Kliem dan li jitqanqal mill-ħerqa tiegħu ta’ ragħaj u ta’ namrat tas-salib ta’ Kristu. Huwa jgħid: “U issa nitlaqkom f’idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu, dik il-kelma li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu” (At 20, 32).
Nixtieq nirripeti dan il-kliem, billi nindirizzah lilkom, meqjumin ħuti fl-episkopat; lilkom, għeżież saċerdoti, b’mod partikolari lill-ordnati ġodda; lilkom reliġjużi rġiel u nisa tal-kongregazzjonijiet differenti; lilkom miżżewġin, missirijiet u ommijiet, żgħażagħ u tfal, lill-poplu kollu ta’ Alla ta’ Lima u tal-Perù. Ilkoll nirrakkomandakom lil Alla!
Iva! Il-kelma tal-grazzja tiegħu għandha l-qawwa li tibni l-“Knisja tal-poplu ta’ Alla”; biex tiksbilkom “il-wirt mal-qaddisin kollha”, fix-xirka tal-qaddisin. Huwa tagħkom dan il-wirt! Għassuh sewwa! Intom il”Knisja ta’ Alla”, li huwa rebaħ b’demmu! Ibqgħu fiha!
Għalikom Kristu “ikkonsagra lilu nnifsu, sabiex intom ukoll tkunu kkonsagrati fil-verità. Ibqgħu fidili lejh! Ibqgħu fidili lejh! Nafdakom lil Alla!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb