ŻJARA PASTORALI FIR-REPUBBLIKA TA’ SAN MARINO,
FIL-“LAQGĦA GĦALL-ĦBIBERIJA BEJN IL-POPLI”
U F’RIMINI
QUDDIESA MAL-FIDILI TAD-DJOĊESI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Port ta’ Rimini
Is-Sibt 22 ta’ Awwissu 2026
Għeżież ħuti,
Qed nieħu pjaċir ferm li qed nippresiedi din il-quddiesa magħkom u għalikom, il-Knisja li tinsab f’Rimini. Dan qed nagħmlu fil-qofol ta’ ġurnata intensa, fejn żort ir-Repubblika ta’ San Marino u l-“Laqgħa għall-ħbiberija bejn il-popli”. Issa, filwaqt li deħlin fil-jum tal-Mulej, dan huwa l-mument li niċċelebraw il-Misteru li jagħti sens lil kollox u hu l-quċċata u l-għajn ta’ kull azzjoni pastorali tagħna.
Fil-Vanġelu li għadna kemm smajna (ara Mt 16:13-20) Ġesù jistaqsi lid-dixxipli: “U intom, min tgħidu li jien?” (v. 15). Pietru jwieġeb, f’isem kulħadd: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (v. 16). Aħna wkoll, wara żewġ millennji, aħna msejħin inġeddu l-istess stqarrija ta’ fidi: ninsabu hawn għax nemmnu li Ġesù huwa l-Messija, l-Iben etern tal-Missier, ikkonsagrat u mibgħut fid-dinja “biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-fidwa tal-kotra” (Mt 20:28).
Iva, għeżież, fi kliem Pietru, aħna nagħrfu l-verità li timliena bil-ferħ u t-tama, u nsibu t-triq li twassal għall-ħajja: il-ħajja ta’ Alla li jaqdi lill-bniedem (ara Fil 2:5-8), tal-Imgħallem li jitbaxxa biex jaħsel ir-riġlejn tad-dixxipli (ara Ġw 13:12-15), u tar-Ragħaj li jissagrifika ruħu għall-merħla tiegħu (ara Ġw 10:11). U hu f’dan id-dawl li aħna nħarsu lejn il-ġest ta’ Ġesù li jagħti l-imfietaħ lil Pietru (ara Mt 16:19-20), għax fil-Knisja f’kull livell, l-awtorità hi servizz.
Il-Papa, l-Isqfijiet, is-saċerdoti u d-djakni huma msejħin qabel kulħadd jgħixuha b’dan il-mod, u magħhom għandu jingħaqad il-Poplu kollu ta’ Alla, kull wieħed u waħda skont is-sejħa speċifika tiegħu. Dan ta xhieda tajba ħafna tiegħu, fostkom, il-Qaddej ta’ Alla Dun Oreste Benzi, li kien jgħid: “Il-vokazzjoni tagħna tikkonsisti […] f’li nsiru ħaġa waħda ma’ Kristu fqir, Kristu qaddej, Kristu li jifdi d-dnub tad-dinja, Kristu, il-Bniedem Alla inkarnat li jgħix fostna f’għamla ta’ qsim dirett, ibda minn dawk li jinsabu fl-aħħar post” (Con questa tonaca lisa, a cura di Valerio Lessi, Bologna 1991, p. 42).
Fil-fatt, fil-Knisja l-missjoni li “jorbtu” u “jħollu”, jekk minn naħa tmiss ir-rwol ta’ dawk li, f’isem il-Mulej, huma msejħa jħaddmu l-awtorità, min-naħa l-oħra tiddeskrivi stil u ħidma li jinvolvu lil kull imgħammed: dik li jħaddan, jiġbor, jilqa’, jeħles, jaħfer, jippromovi lil kull min hu lsir tad-dnub u tal-konsegwenzi tiegħu, u hekk isir amministratur rett u għaref tal-ġid li Alla jafdalu, biex kollox ikun jaqbel, fl-imħabba, għall-ġid ta’ kulħadd.
Fl-Ewwel Qari (ara Iż 22:19-23) il-profeta Iżaija kellimna fuq Sebna, funzjonarju li lilu s-sultan Ħeżekija kien fdalu proġett kbir ta’ tiġdid reliġjuż, morali u soċjali ta’ Ġerusalemm u tas-saltna ta’ Ġuda. Imma minħabba l-ambizzjoni u r-regħba, dan il-bniedem b’saħħtu kien beda jabbuża mill-awtorità li ngħata, jiġma’ għana għalih u għaċ-ċirku ta’ ħbiebu u qraba tiegħu u jagħmilha ta’ sid fuq il-persuni. Kien nesa li l-aktar ħaġa importanti fl-avventura li fiha l-Mulej tiegħu kien daħħlu, ma kinux il-mezzi ekonomiċi u l-poter, imma l-possibbiltà li permezz tagħhom jippromovi pjan ta’ twelid mill-ġdid għall-ġid tal-komunità kollha. Għalhekk hu jiġi mneħħi u l-missjoni tiegħu tiġi fdata lil Eljakim, bniedem onest u ħieles minn kundizzjonamenti, sod fir-rettitudni tiegħu bħal musmar imwaħħal ma’ ħajt fis-sod, skont kliem il-Profeta (ara v. 23).
Il-messaġġ hu wieħed ċar: dak kollu li aħna u għandna huwa don ta’ Alla, fdat lilna biex, f’idejh, nistgħu nkunu għal xulxin, strumenti ta’ salvazzjoni fil-ġustizzja, ibda mill-postijiet u mill-persuni li magħhom ngħixu u naħdmu ta’ kuljum, biex ningħataw, b’qalb kbira u miftuħa, għad-dinja kollha.
San Pawl, fit-Tieni Qari, ikellimna dwar il-pjanijiet ta’ Alla u jgħid li ħadd ma jista’ jgħarbilhom: mhux minħabba l-kumplessità tar-raġunamenti tiegħu, imma minħabba l-immensità diżarmanti ta’ mħabbtu, li tmur lil hemm minn kull ħila u stennija tagħna, għax “kollox ġej minnu”, jgħid l-Appostlu, “kollox permezz tiegħu, kollox għalih” (Rum 11:36). Alla huwa sempliċi, għax hu mħabba safja, u jsejjaħ lilna wkoll biex inħobbu b’qalb tixbah lil tiegħu, inwaħħdu t-toroq tagħna ma’ tiegħu u ħsibijietna ma’ tiegħu (ara v. 33).
Dawn il-valuri ta’ onestà, ta’ gratwità, ta’ tjieba, huma għeżież ħafna għan-nies tar-Romagna, skjetta u ta’ spirtu żagħżugħ, ħabrieka u solidali. Xhieda ta’ dan huma l-għadd ta’ eżempji ta’ qaddisin u beati li hawn twieldu, ħaddmu l-karità u għexu l-Vanġelu, xi drabi sal-punt tal-martirju. Dan jixhed għalih ukoll l-impenn li għadu jħeġġeġ fid-diversi realtajiet ekkleżjali, fil-parroċċi, fil-familji, fl-Azzjoni Kattolika, fid-diversi movimenti u assoċjazzjonijiet, fl-opri ta’ assistenza u ta’ formazzjoni Nisranija. Ċertament hu wkoll minħabba dan l-għana, barra li għall-ġmiel naturali u artistiku tal-kosta Adrijatika u tal-art ’il ġewwa minnha, li tant persuni, minn ħafna partijiet tal-Italja u tad-dinja, jiġu hawn, kull sena, għall-btajjel tagħhom.
U, dwar dan, nixtieq inħeġġiġkom biex tkomplu bl-impenn li bih tħabirku biex dan it-territorju jkun akkoljenti, mhux biss għall-mistrieħ u d-divertiment, imma anki għall-ispirtu. San Ġwanni Pawlu II, waqt żjara hawn tant snin ilu, huwa u jitkellem fuq din il-vokazzjoni, saħaq li “tistrieħ ma jfissirx tinfired minnek innifsek. Anzi”, qal, “tistrieħ ifisser tiltaqa’ miegħek innifsek u tirrikonċilja ruħek mal-ġewwieni tiegħek” (Omelija fil-Quddiesa f’Rimini, 29 ta’ Awwissu 1982).
Id-dinja li fiha ngħixu toffri tant xejriet ta’ żvog, imma li xi wħud minnhom pjuttost iwasslu għat-tixrid u għar-rovina milli għal veru “ritorn lejn nfusna”, u jħallu l-vojt fil-qalb. Hemm min isejħilha “ħarba”, bħallikieku l-ħajja ordinarja kienet ħabs li minnu jrid jaħrab. Imma aħna nafu li l-aktar post veru li fih insibu s-serħan, li fih niltaqgħu ma’ Alla biex niltaqgħu tassew bejnietna, mhuwiex hemm barra, fil-kaos, imma ġewwa fina, fil-profond tar-ruħ. Għalhekk bħala komunità Nisranija aħna msejħa b’mod speċjali nikkultivaw din l-esperjenza u ngħadduha, fil-ftuħ u fl-ospitalità personali u tal-istrutturi, fil-kura u fil-ġabra tal-knejjes, fil-predispożizzjoni għall-għajnuna u għall-karità. U dan kemm ma’ min ifittex żmien meritat ta’ mistrieħ wara sena ta’ xogħol, kemm ma’ min, midrub fil-ġisem u fl-ispirtu, jitlob kenn, ikel u għajnuna bogħod minn artu.
L-Isqof tagħkom, f’Ittra tiegħu lid-Djoċesi, kiteb: “It-talb, l-għaqda, is-smigħ, il-kuraġġ, is-sempliċità, il-gratitudni, il-ġmiel […] iridu jindikaw atteġġjamenti dejjem preżenti f’kull parti tal-ħajja” (Mons. Nicolò Anselmi, Ittra pastorali Ħobb, kun hieni u tgawdi kull ġid, issa u għal dejjem, 14 ta’ Ottubru 2024). Għeżież ħuti, waqt li mill-ġdid nipproponi lilkom kollha din l-istedina importanti, għar-riflessjoni tagħkom u għall-impenn tagħkom, nirringrazzjakom mill-ġdid għall-akkoljenza tagħkom, għall-parteċipazzjoni tagħkom mimlija fidi u ferħ, u nafdakom fl-interċessjoni ta’ Marija Santissima, ta’ San Gawdenz u tal-Patruni tagħkom.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard