Diskors tal-Papa Ljun XIV lill-Awtoritajiet f’Rimini

ŻJARA PASTORALI TJAL-QDUSIJA TIEĦHU LJUN XIV
FIR-REPUBBLIKA TA’ SAN MARINO,
IL “MEETING PER L’AMICIZIA TRA I POPOLI”
U F’RIMINI
DISKORS TAL-PAPA
LILL-AWTORITAJIET U LIS-SOĊJETÀ ĊIVILI
Palazzo
Pubblico tar-Repubblica ta’ San Marino
Is-Sibt, 22 ta’ Awwissu, 2026

DISKORS TAL-PAPA 
LILL-AWTORITAJIET U LIS-SOĊJETÀ ĊIVILI
Palazzo  Pubblico tar-Repubblica ta’ San Marino
Is-Sibt, 22 ta’ Awwissu, 2026

Sinjuri Kaptani Reġġenti,
illustri Awtoritajiet,

inħossni hieni li qed inżur pajjiżkom, li għandu l-primat tal-ewwel Repubblika fid-dinja, bi tradizzjoni li tmur lura lejn il-bidu tar-IV seklu.  Irrodd ħajr minn qalbi lis-Sinjuri Reġġenti għall-istedina ġentili u għall-akkoljenza li tajtuni, li xhieda tagħha hu d-diskors li indirizzajtuli f’isem iċ-ċittadini kollha.  Iż-żjara tiegħi qed issir wara dik ta’ San Ġwanni Pawlu II, fl-1982, u ta’ Benedittu XVI, fl-2011, u qed nagħmilha bl-għan li nikkonferma r-rabta profonda li tgħaqqad it-Titano mas-Sede Appostolika.  Rabta antika u twila ta’ koeżistenza storika, imma li fl-istess ħin reċenti, jekk niftakru li seklu biss ilu, f’April tal-1926, kienu formalizzati r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn is-Santa Sede u  s-Serenissima Repubblika ta’ San Marino.

Matul l-istorja twila tagħha, ir-Repubblika tagħkom żammet dejjem attwali l-kliem, imfakkar ftit tal-ħin ilu, li ​​nistgħu nqisuh bħala t-testment spiritwali tal-Fundatur tagħha: “Relinquo vos liberos ab utroque homine” (Inħallik ħielsa miż-żewġt irġiel), li l-essenza tiegħu hija mħaddna b’mod ċar fil-motto “Libertas”.  Kelma waħda, imma ta’ qawwa kbira!  Fil-kuntest tal-istorja ta’ poplu u ta’ Stat, din ċertament tesprimi l-apsirazzjoni u l-awtodeterminazjzoni li ma tkunx tiddependi minn awtoritajiet politċi oħra.  Imma, fl-istess ħin, Libertas tifsser ferm aktar, u fuq dan ik-punt nixtieq nieqaf fil-qosor flimkien magħkom.

Qabek kollox nixtieq nisħaq li mhemmx libertà ċivili vera dment li mhemmx libertà personali, jiġifieri rispett u promozzjoni tad-dinjità tal-persuna umana, li element essenzjali tagħha hi l-libertà.  Fl-aħħar mill-aħħar, din il-libertà hi għotja u garanzija ġejjin minn Alla li leħnu jidwi fil-kuxjenza ta’ kull bniedem.

Il-promozzjoni tal-libertà tfisser id-difiża tal-ispazji tal-kuxjenza.  U hawn, il-ħsieb imur lejn tant irġiel u nisa, li f’kull epoka u f’kull imkien, sfaw martri tal-libertà bix-xhieda personali tal-primat tal-kuxjenza.  Iffurmati sfiq fit-tiftix tal-verità, huma responsabbli kompletament tad-deċiżjonijiet tagħhom u għalhekk ħielsa minn kull rabta, li mhix ħlief dik propja ta’ kull kreatura, li tgħaqqadhom ma’ Alla.  Eżempju ta’ dan hu San Tumas More, patrun tal-governanti u tal-politiċi.  Illum ukoll, f’bosta nħawi tad-dinja, mhux nieqsa persuni li jibqgħu fidili lejn il-kuxjenza anki f’kuntesti ta’ avversità qawwija, xhieda tal-libertà vera, dik li tiġi mill-fatt li aħna wlied Alla.  B’ammirazzjoni  nesprimu s-solidarjetà tagħna ma’ min, f’dal-mument, qed iħallas personalment għax ma jridx jittradixxi l-kuxjenza tiegħu.

Minbarra dan, il-libertà titwettaq fl-għotja, fil-komunjoni, fil-laqgħa u fid-djalogu.  Tixbaħ pjanta li tikber u tagħmel friegħi u weraq biex toffri lil kulħadd ossiġinu, dell, fwieħa, frott u żerriegħa ġdida.  U kif jista’ jkun mod ieħor ladarba tnixxi mill-għajn li hi Imħabba Waħda u Trinitarja?  Dan l-eżempju teoloġiku jista’ jidher eċċessiv, iżda jidhrili li llum hu meħtieġ quddiem l-idoloatrija li tħerri mill-għeruq proġetti politiċi u ekonomiċi li jkunu ppreżentati f’isem il-libertà imma li, fir-realtà, huma lsiera tal-idoli u tal-poter.

Fil-viżjoni kristjana, il-libertà  u l-komunjoni jieqfu jew jaqgħu flimkien.  Ħafna qaddisin irġiel u nisa taw bidu għal esperjenzi ta’ ħajja komunitarja li fiha l-persuni jesprimu l-libertà propja tagħhom fl-ubbidjenza lejn regola mfassla fuq l-Evanġelju.  Fil-każ tagħkom hu dejjem raġuni ta’ interess partikolari l-fatt li fl-oriġini tal-komunità tagħkom hemm bnedmin bħal San Marino u San Leo, li nistgħu nagħrfuhom bħala bennejja ta’ bliet liberi u paċifiċi.  L-opra tagħhom nistgħu ninterpretawha fid-dawl tal-ikona biblika tar-rikostruzzjoni ta’ Ġerusalemm mibdija mill-profeta Neħemija.  Hi xbieha “pożittiva”, kuntrarju għal dik tat-torri ta’ Babel, u hi r-riflessjoni bażika tal-Enċiklika Magnifica humaitas (cfr nu. 8).  L-opra ta’ Neħemija hi mqanqla mit-talb, tinvolvi lill-familji u lill-poplu kollu, tibni rabtiet qabel ma’ tibni l-ġebel; l-istil hu l-komunjoni, mhux l-uniformità, “l-armonija li titnissel meta kulħadd jassumi r-responsabbiltà tiegħu u l-poplu kollu jagħraf li l-qawwa tiegħu ġejja mill-Mulej” (ibid.).  Hekk inħobb inħares lejn il-ħidma mwettqa mill-Fundaturi tagħkom, ħidma li hija riflessa tajjeb fid-diliġenza u l-għaqal tal-poplu u ta’ din l-art.

Libertas, għalikom tisser ukoll impenn, li qatt ma ġie nieqes, ta’ sehem attiv u pożittiv fil-bini tal-paċi.  Rigward dan l-aspett, nesprimi apprezzament kbir u nara konsonanza partikolari mal-atteġġjament tas-Santa Sede.  Għal dir-raġuni aħna naqblu dwar il-valur li nagħtu lid-diplomazija u l-multilateraliżmu bħala toroq privileġġajti għat-trawwim tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-promozzjoni tal-ftehim fost in-nazzjonijiet.  “Kontra l-komunikazzjonijiet impulsivi, ir-retorika aggressiva u l-loġika ta’ poter li jimmarkaw iż-żminijiet tagħna, “il-vokazzjoni tad-diplomazija hi dik li taħdem b’risq id-djalogu ma’ kulħadd, inkluż l-interlokuturi meqjusa l-aktar ‘skomdi’ jew li mhux meqjusa li għandhom jedd leġittimu li jinnegozjaw”,  aħna u nużaw sal-aħħar nett l-umiltà u l-paċenzja biex inħitu mill-ġdid flimkien imqar l-aktar sinjali dgħajfa ta’ rieda tajba tal-partijiet f’kunflitt, biex hekk tibda l-paċifikazzjoni” (Magnifica humanitas, 224).

Sinjuri, diż-żjara – l-istess kif ġara fil-Prinċipat ta’ Monaco – għalija hi okkażjoni li tħeġġiġni biex nenfasizza valur partikolari ta’ Stat żgħir, “li fiċ-ċentru tiegħu jqiegħed lill-bniedem”, fejn ikun possibbli li bniedem iġarrab il-qrubija tal-politika lejn il-ħtiġijiet taċ-ċittadini, demokrazija aktar effettiva, speċjalment meta tkun imnebbħa mill-ispirazzjoni Nisranija.  Għaldaqstant, ir-Repubblika ta’ San Marino tista’ tkun “laboratorju” ta’ politika tajba fejn, mingħajr ma tkun kompromessa n-natura sekulari tal-Istat, id-deċiżjonijiet ikunu mnebbħa mill-prinċipji tad-duttrina soċjali Kattolika: it-tiftix tal-ġid komuni, id-destinazzjoni universali tal-ġid, l-armonija tas-sussidjarjetà u s-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali (cfr ivi., 59-81).  Saħansitra, dan l-impenn jidher aktar siewi llum, hekk kif il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea wasal biex jidħol fis-seħħ u r-Repubblika tagħkom qed titħejja biex timpenja ruħha fuq bażi stabbli, għalkemm b’mod uniku, ma’ entità kumplessa li għandha ħafna x’tikseb mill-kontribut tagħkom.

Jekk nidħlu aktar fil-fond, l-għan prinċipali li jorjenta dan “il-laboratorju” hu l-kura tal-bniedem.  Komunità bħalma hi din tagħkom, infatti, li hi għanja bil-valuri tradizzjonali u fl-istess ħin aġġornata fit-tekonoloġija, tista’ ssegwi dan l-għan b’mod effettiv permezz ta’ forma ta’ kura li tissarraf fil-ħarsien ta’ kull ħajja f’kull stadju tagħha, mill-konċepiment sal-mewt naturali.

 Il-kwalità ta’ ċiviltà titkejjel mhux mis-saħħa tal-mezzi tagħha, imma mill-għożża li taf toffri, mill-ħila li tagħraf lill-ieħor bħala wiċċ u mhux bħala funzjoni. Il-ħila li nagħrfu nieħdu ħsieb xulxin hija dimensjoni importanti tal-umanità tagħna. (…) It-teknoloġija tista’ twieżen ukoll l-għożża reċiproka bejn il-persuni, ngħidu aħna jekk toffri strumenti li jgħinu biex wieħed jipprevedi u jorganizza, imma mingħajr ma tneżża’ mil-libertà u l-ġudizzju lill-bniedem, suġġett tar-relazzjonijiet u responsabbli għad-deċiżjonijiet (ivi. 114).

Din il-kura għall-oħrajn kienet karatteristika distintiva tal-istorja ta’ San Marino sa mill-bidu nett tagħha. Kif ġie nnutat, din immanifestat ruħha fi tradizzjoni ta’ ospitalità, li qatt ma naqset matul is-sekli, lejn min qed ibati u jiffaċċja diffikultajiet.  Reċentement dan intwera bl-għajnuna u l-ospitalità mogħtija lill-poplu Ukren, speċalment fil-bidu tal-kunflitt, kif ukoll bl-impenn favur id-dritt internazzjonali umanitarju f’mument storiku li fih ta’ kuljum naraw li qed jisfa injorat jekk mhux ukoll ikkalpestat.

Din is-sensibbiltà hi wkoll frott tat-tradizzjoni nisranija ta’ dal-pajjiż u tal-kollaborazzjoni kontinwa u pożittiva favur il-ġid komuni, bejn l-Awtoritajiet politiċi u l-Isqof. Għalhekk, jien partikolarment grat lejkom għal dan l-impenn  u għal dix-xhieda u nħeġġiġkom biex ilkoll flimkien, governanti, ċittadini u komunità ekkleżjali, tibqgħu mexjin f’dit-triq kuraġġuża, li tħares fil-bogħod, favur id-dinjità umana u l-ġid komuni. Inġedded il-ferħ tiegħi lil kull wieħed u waħda minnkom għal diż-żjara fir-Repubblika ta’ San Marino u ninvoka fuq kulħadd il-barka tal-Mulej.

Mill-gallarija l-Papa jsellem lill-folla miġbura fil-pjazza

Il-ġurnata t-tajba!  Il-ġurnata t-tajba lil kulħadd.  Irroddilkom ħajr sinċerament għall-akkoljenza f’dil-ġrunata mill-isbaħ!  Jien verament hieni li ninsab hawn magħkom, insellmilkom, ingawdi s-sbuħija, l-istorja, it-tradizzjoni, il-fidi ta’ dal-kbir poplu ta’ San Marino.

Awguri: jalla tibqgħu dejjem tgħixu f’libertà awtentika, bil-libertà awtentika fi Kristu Ġesù, bil-verità, u jalla tibqgħu dejjem magħqudin b’dan l-ispirtu akkoljenti.  Awguri lil kulħadd !

Miġjub għall-Maltiminn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading