L-imħabba ta’ Alla għal kulħadd. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi

It-Tnejn, 31 ta’ Awwissu 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-Tnejn tat-tnejn u għoxrin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Hija storja drammatika din li għadna kif smajna meta Ġesù mar Nazaret, “fejn kien trabba” (Lq 4:16). U żgur li jolqotna kif hemm differenza kbira, kuntrast kbir, bejn il-bidu ta’ din il-ġrajja u kif spiċċat, speċjalment fir-reazzjoni tan-nies. L-Evanġelju jgħid li meta n-nies semgħu lil Ġesù jaqra s-silta mill-Ktieb ta’ Isaija l-Profeta, u mbagħad jgħid “din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu” (Lq 4:21) – “ilkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:). Dik meta semgħuh fil-bidu. Imma mbagħad, meta kompla jitkellem, l-Evanġelju jgħid li, meta semgħuh, “kulħadd imtela bil-korla” (Lq 4:28). U nafu x’għamlu. Mhux irrabjaw biss, imma qamu u ħaduh ’il barra, bil-ħsieb li jitfgħuh mix-xifer tal-irdum tal-għolja ’l isfel.

X’ġara? Kif tispjega li fi ftit ħin dawn l-ewwel ilkoll “laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa”, imbagħad “kulħadd imtela bil-korla”. X’ġara? Ġesù qal xi ħaġa li kellha għalfejn toħloq din ir-reazzjoni? Insultahom? Qal xi ħaġa kontra xi ħadd minnhom? Bi kliemu wera li ma japprezzahomx? Xejn minn dan! Imma li ġara kien dan – li meta Ġesù kompla jispjega, indunaw li qed jgħid xi ħaġa li għalihom kienet kbira wisq: li Alla hu Alla għal kulħadd, u li jrid jilqa’ lil kulħadd, mhux biss lill-Poplu Lhudi. U dik għalihom kienet xi ħaġa kbira wisq.

Ara fil-bidu, qalu: dan wieħed minna, speċi qiegħed għalina. Imma meta Ġesù semma lill-armla ta’ Sarefta ta’ Sidon fi żmien il-Profeta Elija, u lil Nagħman tas-Sirja fi żmien il-Profeta Eliżew – dawn it-tnejn ma kinux parti mill-Poplu Lhudi. Qed jikkwotalhom ġrajjiet, li huma kienu jafu, li juru li Alla mhuwiex ristrett għal poplu wieħed, imma hu Alla għal kulħadd. U dik qajmet fihom din ir-reazzjoni vjolenti. Biex tara li huma kienu fehmu biċċa, u mhix l-iktar importanti, dwar min hu Alla. Għalihom, Alla kien qisu tal-pajjiż, tar-razza tagħhom. Mentri li qed jgħid Ġesù hu li Alla hu Alla għal kulħadd. Mhuwiex ta’ xi razza ta’ nies, mhuwiex marbut ma’ xi poplu partikulari, imma hu għal kulħadd. Anzi, Ġesù ġie biex juri li Alla hu Alla li jħobb lil kulħadd u li jrid jgħin – speċjalment kif qal meta jsemmi dik is-silta mill-Profeta Isaija – lil dawk li kienu mjassrin biex iġibilhom il-ħelsien, lill-fqajrin biex iħabbrilhom l-Aħbar it-Tajba, id-dawl lill-għomja, u l-ħelsien lill-maħqurin (ara Lq 4:18).

Din kienet li ħolqot reazzjoni kbira. U hemm tinduna li kien ħafna importanti li Ġesù jagħmilha mill-bidu ċara li hu mhuwiex magħluq sempliċiment f’lokalità, imma li hu Alla preżenti, li ġie fostna, li jħobb lil kulħadd u li jilqa’ lil kulħadd. Din għandha messaġġ importanti ħafna għalina. Fl-istqarrija tal-fidi tagħna, hu importanti li aħna nemmnu tassew li Alla hu għal kulħadd. U anke fil-mod kif nesprimu l-fidi tagħna.

Din tgħid ħafna wkoll lill-komunitajiet tagħna meta aħna kultant jiġrilna li naqbdu qaddis, jew Madonna taħt xi titlu, u nagħmluh jew nagħmluha tagħna u tagħna biss. Kultant ikun hemm fil-komunitajiet tagħna min iqiegħed kontra xulxin, per eżempju, qaddisa u l-Madonna, jew San Ġużepp u l-Madonna, jew Madonna u Madonna. Affarijiet li ma jagħmlux sens! Għaliex il-Madonna, San Ġużepp, il-qaddisin, dawn kollha jiċċelebraw flimkien, dawn qegħdin igawdu lil Alla flimkien. U meta jaraw nies min ma’ naħa u min ma’ oħra u kontra xulxin, dawn jgħidu: dawn x’affarijiet huma? Min jagħmel hekk ikun qed jinsulta lill-qaddis, mhux jagħtih ġieh; jew lill-Madonna, mhux tagħtiha ġieh, tkun qed tinsultaha. Ma tkunx fhimt dak li ried iwassal Ġesù hawn: li Alla hu għal kulħadd, u kull min hu qaddis hu għal kulħadd. Mhux għal xi grupp partikulari, jew għaqda partikulari.

Dan hu messaġġ importanti ħafna għalina. Marbut ma’ dan, hemm messaġġ ieħor li nixtieq li nirriflettu fuqu. Meta Ġesù għadda minn din l-esperjenza kerha, u għamlu attentat ta’ qtil biex jitfgħuh minn hemm fuq għal isfel, x’għamel, wara, Ġesù? Mar jistaħba? Mar fil-kwiet? Ġesù kompla l-missjoni tiegħu, u dan li beda hawn, komplieh sal-aħħar, għax l-iktar importanti kienet il-fedeltà lejn il-missjoni tiegħu, mhux x’jaħsbu n-nies dak il-ħin. Aħna kultant norbtu qalbna ma’ x’jaħsbu n-nies f’mument partikulari, jew ir-reazzjoni tagħhom. Ġesù, l-iktar importanti għalih kienet il-fedeltà lejn Alla. U għalhekk ikompli jwassal dan il-messaġġ: Alla hu Alla għal kulħadd. Nitolbu lill-Mulej biex nilqgħu dan f’qalbna u, bil-mod kif aħna ngħixu u nesprimu l-fidi tagħna, inwasslu din l-imħabba ta’ Alla lejn kulħadd.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading