Aħna l-bnedmin meta niżbaljaw kapaċi ħafna niskużaw lilna nfusna, iżda meta jiżbalja ħaddieħor inkunu pronti ngħaddu ġudizzji ħorox u saħansitra xi drabi nżidu u nxerdu l-iżball ta’ ħaddieħor. Fil-ħajja kulħadd jiżbalja, iżda meta nibdew niżbaljaw b’għajnejna miftuħa, l-żball ma jibqax żball iżda jsir viżżju jew drawwa ħażina li tintrabat magħna. Meta jiġri hekk, aħna nkunu kapaċi ħafna niġġustifikaw lilna nfusna, u allura ħafna drabi nkunu neħtieġu l-għajnuna biex nagħrfu mill-ġdid l-żball tagħna u nerġgħu lura fit-triq it-tajba.
Il-qari tal-lum qed ikellemna fuq xi ħaġa importanti u diffiċli ħafna, jiġifieri l-arti tat-twissija. Qed insejħilha arti għaliex hija xi ħaġa diffiċli u delikata ħafna: faċli li wieħed, quddiem l-żball ta’ għajru jaqa f’żewġ eċċessi; jew jagħlaq ħalqu għax jgħid li ma jimpurtaħx jew jispiċċa b’manija li jikkoreġi bl-addoċċ u hekk mhux biss ħadd ma jagħti każu aktar iżda wkoll idejjaq lil min ikun qrib tiegħu. Dan għandhom joqgħdu attenti minnu b’mod partikulari l-miżżewġin lejn xulxin, jew il-ġenituri ma’ wliedhom, u anke dawk kollha li jgħixu taħt l-istess saqaf ma’ persuna oħra. Ovvjament min hu f’pożizzjoni ta’ awtorità u b’mod speċjali l-ġenituri, għandhom dover li jikkoreġu lil uliedhom, però importanti joqgħdu attenti kif jagħmlu dan għax jispiċċaw jagħmlu aktar ħsara milli ġid.
Il-qari tal-lum ikellemna fuq dan: Alla jgħid lil Eżekjel il-profeta, ‘Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta’ dar Iżrael. Meta tisma’ minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f’ismi.’ U jkompli jgħidlu li jekk ma jwiddibx il-midneb u dan imut fi dnubu, Huwa (Alla) jfittex ħajjet il-midneb minn idejh. X’responsabiltà iebsa din għal min għandu xi awtorità fil-Knisja! Fil-Vanġelu smajna ‘Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu.’
Kif għandha ssir t-twissija biex ma tagħmilx ħsara? Faċli li meta nwissu fit-twissija ma jkunx hemm imħabba iżda egoiżmu: konxjament jew inkonxjament, wieħed jagħti l-messaġġ moħbi ‘jien aħjar minnek’, jew ‘jien nikkmandak x’tagħmel’ u hekk min iwissi jkun b’xi mod qiegħed iħossu superjuri għal min żbalja. Messaġġ li jumilja qatt ma jagħmel ġid, anzi dejjem jagħmel ħsara. X’għandu jagħmel wieħed biex ikun ċert li meta jwissi ma hux qiegħed jagħmel dan b’egoiżmu? Il-pariri l-aktar siewja tagħtihomlna l-Kelma t’Alla llum.
‘Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom.’ L-ewwel ħaġa importanti hija li wieħed jevita l-manija li jwissi l-ħin kollu, u dan jagħmlu billi dejjem qabel ma jwissi jitlob kemm għall-persuna li ser iwissi biex tifhem li hu jridilha l-ġid, u anke għalih stess biex jagħmel it-twissija tiegħu bi mħabba u juża kliem adattat. L-istess twissija tista’ tkun magħmula tajjeb u bi kliem meqjus u allura tagħmel bosta ġid, u tista’ tkun magħmula ħażin bi kliem li jweġġgħa u tagħmel ħafna ħsara. It-tieni parir jagħtihulna San Pawl fit-tieni qari tal-lum: ‘Ħuti, tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin… “Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.’ Twissija magħmula bi mħabba tiswa mitqlu deheb u twissija magħmula mingħajr imħabba ssir velenu.
Nistaqsu lilna nfusna: jien marid bil-manija li nwissi jew forsi nippreferi naħsel idejja u ngħid ma jimpurtanix anke fejn jien għandi responsabiltà li nwissi? Meta nwissi nitlob qabel biex inkun ċert li dak li ser nagħmel ser nagħmlu bi mħabba u mhux biex inweġġgħa?
Mulej, int għax tħobbna twissina u tiftħilna għajnejna permezz tal-Kelma tiegħek mimlija mħabba. Għinna ħalli nħobbu verament lil xulxin hekk li nkunu kapaċi ngħinu lil xulxin inqumu mill-waqgħat tagħna b’kelma ta’ mħabba u ta’ kuraġġ. Ammen.