LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 16 ta’ Settembru 2026
Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. IV. Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes (GS 1-10). 3. Il-komunità tal-bnedmin (GS, 23-32)
Ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Hija u tiddedika t-tieni kapitlu lill-“komunità umana”, il-Kostituzzjoni Gaudium et spes (GS) tistedinna nqisu “l-għadd li dejjem jikber tar-relazzjonijiet reċiproki bejn il-bnedmin” billi ngħodduh “fost l-aspetti ewlenin tad-dinja tal-lum” (n. 23). Imma din ir-realtà għandha ssib il-milja tagħha “aktar fil-fond, fil-komunità tal-bnedmin”, fejn għalhekk huwa indispensabbli “rispett reċiproku għad-dinjità spiritwali sħiħa tagħhom” (ibid.).
Dawn huma stqarrijiet li, fi żminijietna, qed tikber l-urġenza tagħhom. Fil-fatt, minn naħa, l-iżvilupp teknoloġiku, it-tixrid tal-midja tal-massa u tal-midja soċjali, u l-użu dejjem jikber tal-intelliġenza artifiċjali qed jiftħu possibbiltajiet ġodda, iġarrfu ħitan u distanzi; min-naħa l-oħra, ir-relazzjonijiet għandhom it-tendenza li jsiru dejjem inqas personali, iżjed virtwali, bir-riskju li nidraw niddelegaw lill-algoritmi deċiżjonijiet li suppost għandha tieħu biss il-kuxjenza umana. F’dan ir-rigward, it-tħabrik biex ir-relazzjonijiet soċjali jkollhom spirtu reali u profondità personali, hu s-sehem li l-komunità Nisranija tixtieq toffri.
Il-Konċilju jistedinna nsibu l-kriterji u l-qawwa għal dan kollu fil-proġett tal-ħolqien ta’ Alla, li ried li “l-bnedmin kollha jagħmlu familja waħda u jittrattaw lil xulxin b’qalb ta’ aħwa”; għalhekk “l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu hija l-ewwel u l-akbar kmandament”, li fi Kristu kellha r-rivelazzjoni sħiħa tagħha u t-twettiq tagħha (ara GS, 24).
Il-perfezzjonament tal-persuna umana u l-iżvilupp tas-soċjetà għandhom jitqiesu interdipendenti bejniethom: li npoġġuhom kontra xulxin jew nifirduhom minn xulxin ifisser li nkunu nġibuhom fix-xejn. L-istorja, anki dik l-aktar riċenti, tikkonferma din il-verità b’mod ċar u, għalhekk, ma għandniex nehdew intennu flimkien mal-Padri tal-Konċilju Vatikan II li “l-bidu, is-suġġett u l-fini tal-istituzzjonijiet soċjali kollha hija u għandha tkun il-persuna umana bħala dik li, minnha nnifisha, teħtieġ għalkollox il-ħajja soċjali” (GS, 25).
F’din il-perspettiva, il-Gaudium et spes tistqarr li d-diversità tal-persuni u tal-popli fid-dinja ma għandhiex titqies bħala xi periklu jew theddida, imma bħala potenzjalità ta’ għana u ta’ maturazzjoni. It-tqegħid ta’ wieħed kontra l-ieħor, li xi drabi jispiċċa fi vjolenza, huwa frott tas-setgħa tad-dnub u ta’ kif dan jikkundizzjona l-mentalità u l-azzjonijiet, fuq kull livell, u jikkawża qerda u mewt. Jeħtieġ ninfetħu dejjem aktar għal-loġika tar-reċiproċità, tal-qsim ma’ xulxin u tal-għożża, kif iseħħ ukoll bejn id-diversi membri tal-ġisem uman (ara 1 Kor 12:21-25).
Hawnhekk, il-Kostituzzjoni pastorali toffri wkoll definizzjoni fil-qosor ta’ “ġid komuni”, u tfakkar li dan jikkonsisti fil-“ġabra ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li jippermettu kemm lill-għaqdiet u kemm lill-membri wieħed wieħed li jiksbu l-perfezzjoni tagħhom aktar sħiħa u aktar malajr” (GS, 26). Fl-istess waqt, filwaqt li tagħraf l-interdipendenza bejn il-popli, tistqarr li “kull grupp għandu jqis il-ħtiġijiet u x-xewqat leġittmi tal-gruppi l-oħra, anzi tal-ġid komuni tal-familja kollha tal-bnedmin” (GS, 26).
Ibda minn din l-impostazzjoni, il-Padri konċiljari mbagħad jindikaw xi “konsegwenzi prattiċi u l-aktar urġenti” (GS, 27). Qabelxejn, ir-rispett tal-persuna umana. Tgħid il-Gaudium et spes: “Dak kollu li hu kontra l-istess ħajja, bħal kull xorta ta’ qtil ta’ bnedmin, il-ġenoċidju, l-abort, l-ewtanasja u l-istess suwiċidju volontarju; dak kollu li jikser l-integrità tal-persuna umana, bħal mutilazzjonijiet, torturi tal-ġisem u tal-moħħ, l-istess sforzi biex iġġiegħel ir-rieda; dak kollu li joffendi d-dinjità tal-bniedem, bħal kundizzjonijiet ta’ għajnuna li jbaxxu l-bniedem, il-ħabs bla raġuni, deportazzjonijiet, il-jasar, il-prostituzzjoni, il-kummerċ ta’ nisa u ta’ żgħażagħ; jew kundizzjonijiet ta’ xogħol umiljanti li bihom il-ħaddiema jkunu ttrattati bħal sempliċi għodda ta’ qligħ u mhux bħala persuni ħielsa u responsabbli; dawn il-ħwejjeġ kollha u oħrajn bħalhom huma tassew infami” (ibid.).
It-tieni konsegwenza: ir-rispett u l-imħabba mqar għall-għedewwa u għal dawk li għandhom modi ta’ ħsieb u ta’ aġir differenti minn tagħna (ara GS, 28).
It-tielet: l-ugwaljanza fundamentali tal-bnedmin kollha li tesiġi ġustizzja soċjali. Jgħid id-Dokument: “Għandha tintrebaħ u titneħħa kull xorta ta’ diskriminazzjoni soċjali u kulturali, minħabba s-sess, ir-razza, il-kulur, il-kundizzjoni soċjali, l-ilsien u r-reliġjon, għax hija ħaġa kuntrarja għall-ħsibijiet ta’ Alla” (GS, 29).
Fl-aħħar nett, il-Padri konċiljari jsejħulna biex negħlbu l-mentalità individwalistika u nassumu atteġġjament ta’ responsabbiltà u parteċipazzjoni (ara GS, 30-31).
Għeżież ħuti, din il-viżjoni tal-umanità bħala “komunità ta’ persuni” hija don prezzjuż li ħallielna l-Konċilju Vatikan II. Din tgħin lilna lkoll biex nagħmlu dixxerniment personali u komunitarju, biex niżnu b’responsabbiltà l-proġetti soċjali u politiċi tal-lum, skont il-kriterji tad-dinjità tal-persuna umana, tal-ġustizzja soċjali u tal-parteċipazzjoni ħielsa fil-bini tal-ġid komuni. Għax il-ġejjieni tal-umanità jiddependi mill-impenn ta’ kull persuna li tikkollabora ma’ Alla u mal-aħwa fil-bini ta’ dinja iżjed umana (ara GS, 30).
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
