O Ġesù Ewkaristija, kun int il-ferħ u l-hena ta’ ħajjitna kollha. Mulej Ġesù, ġejna għandek, ġejna niltaqgħu miegħek. Bierek Mulej Ġesù, bierek lilna lkoll miġbura hawn quddiemek. Ixħet l-grazzji tiegħek fuq kull wieħed u kull waħda minna. (3 sek pawsa)
Int is-Salvatur tad-dinja. Int qiegħed hawn ħaj, preżenti fl-Ewkaristija Mqaddsa. Aħna nagħrfuk bħala l-Imgħallem tagħna. Iva, O Sinjur, inti t-Triq, il-Verità, u l-Ħajja. Aħna noffru lilna nfusna lilek biex tibdilna u tagħmilna nixbħu lilek. (3 sek pawsa)
Ejja O Spirtu Qaddis, qaddisna u agħtina l-grazzji, żejjinna bid-doni tiegħek. F’dan il-ħin ta’ talb, ta’ adorazzjoni, nitolbuk O Spirtu Qaddis, biex tiftħilna moħħna, iddawwal il-qlub tagħna u tgħinna nfasslu ħajjitna fuq il-Kelma ta’ Alla. Kun inti il-gwida tagħna biex nifhmu l-Iskrittura, u napplikawha għal-ħajja tagħna ta’ kuljum
Silenzju 2min
Innu:
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 20, 1-16
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies għax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru.
Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”.
Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!”.
Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.
Il-Kelma tal-Mulej Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
F’din il-parabbola li għadna kemm smajna, naraw lil Sid il-għalqa joħroġ kemm-il darba matul il-ġurnata, f’ħinijiet differenti, u jistieden lil dawk li kienu qegħda biex jaħdmu fil-għalqa tiegħu. Sid il-għalqa tad-dwieli ma jaqtax qalbu.
Ġesù wkoll, Sid il-ħajja, qatt ma jaqta’ qalbu minna. Jibqa’ jemmen fina sal-aħħar. Huwa jieħu l-inizjattiva u jistedinna; jekk niċħdu l-offerta fl-ewwel siegħa, jerġa’ jsejħilna, u jibqa’ joffriha sal-aħħar siegħa. (3 sek pawsa)
X’imħabba kbira għandek għalina O Sinjur, li ma tieqaf qatt tistedinna għal konverżjoni kontinwa. Il-ħin kollu b’idejk miftuħa għalina biex tħabbibna miegħek, biex taħfrilna ħtijietna. Ma tieqaf qatt tħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna, biex tiġi u tgħammar fina. Grazzi Ġesù, tal-ġenerożità tiegħek, tal-grazzji li titfa’ fuqna kontinwament.
F’liema siegħa ta’ ħajti ninsab? (5 sek pawsa)
Mewt u xita, Alla jaf meta. Bħalissa wkoll qiegħed isejħilna biex niftħu qalbna għalik. Ejjew inżommu quddiem għajnejna l-kliem ta’ David: “Kemm hi kbira l-ħniena tiegħek Mulej, li int erfajt għal dawk li jibżgħu minnek”. Imma ejjew ma nabbużawx mill-ħniena tiegħu.
Silenzju 2min
Alla fit-tjubija tiegħu, jagħtina talenti u opportunitajiet biex naħdmu għas-Saltna tas-Smewwiet. L-istedina hija għal dawk kollha li huma lesti li jħobbu u jaqdu lilu, u lill-poplu tiegħu f’kull siegħa tal-ġurnata. Kemm ser naqdu m’hux aħna niddeċiedu; li jgħodd hu li jiena nagħmel ir-rieda ta’ Alla b’imħabba u mpenn sinċiera, anke jekk ikun għal żmien qasir biss.
Ħafna drabi nilmentaw dwar il-ġenerożità ta’ Alla lejn l-oħrajn, b’konsegwenza li nonqsu milli ngawdu l-ġenerożità li Alla jagħtina.
Mulej, aħfrilna, għax mhux l-ewwel darba kemmixna xufftejna meta rajna lil xi ħadd jersaq lejn il-Knisja, wara snin twal il-bogħod. Minflok fraħna bih, ġerġirna. Aħfrilna O Sinjur, ta’ dawk id-drabi li minflok fraħna bit-talenti u l-kisbiet ta’ ħaddieħor, għirna għalihom. (3 sek pawsa)
Mulej l-aktar ħanin, il-ġenerożità tiegħek hi nfinità, għallimna nkunu ġenerużi. Għallimna naqduk, nagħtu mingħajr ma nistennew xejn lura; li nħobbu mingħajr ma nistennew li jħobbuna lura; li naħdmu fis-Saltna tiegħek mingħajr ma nitolbu xi premju, imma li dak li nagħmlu jkun biex nagħmlu biss ir-rieda mqaddsa tiegħek.
Silenzju 2min
Innu:
Talbiet tal-Komunità
Kristu ġietu ħasra mill-poplu bil-ġuħ, u għamel l-għeġubijiet ta’ mħabbtu għalihom. Bit-tifkira ta’ dan quddiem għajnejna, nitolbuh bil-qalb u ngħidulu:
Mulej, uri l-imħabba tiegħek għalina.
Nistqarru b’radd ta’ ħajr, Mulej, li l-ġid kollu li llum irċivejna, tajthulna int fit-tjieba tiegħek: agħmel li dan il-ġid ma jerġax lura għandek b’xejn, imma jibqa’ f’qalbna qisu f’art tajba biex jagħmel il-frott.
Mulej, uri l-imħabba tiegħek għalina.
Kristu, inti d-dawl u s-salvazzjoni tal-ġnus: ħares ix-xhieda tiegħek li bgħatt fid-dinja u żomm in-nar tal-Ispirtu mixgħul fihom.
Mulej, uri l-imħabba tiegħek għalina.
Agħmel li l-bnedmin kollha jħabirku biex id-dinja tilbes dejjem is-sura li tixraq id-dinjità għolja tagħha: mexxihom int biex iwieġbu bil-ġenerożità għall-bżonnijiet urġenti ta’ żminijietna.
Mulej, uri l-imħabba tiegħek għalina.
Int, it-tabib tar-ruħ u tal-ġisem, agħti s-saħħa lil ħutna l-morda u ieqaf mal-moribondi: żur u ġedded lilna wkoll bit-tjieba tiegħek.
Mulej, uri l-imħabba tiegħek għalina.
Dawl tal-ġnus, ftakar f’dawk li għadhom fid-dlamijiet, f’dawk li għadhom ma laqgħux l-istedina tiegħek: iftħilhom għajnejhom, biex jagħrfu lilek, Alla waħdek u veru, u jħalluk tidħol fil-qalb tagħhom.
Mulej, uri l-imħabba tiegħek għalina.
Kant: Dal Misteru