L-Impatt tal-Knisja fuq il-Letteratura (4)

Il-kontribut tal-Knisja Kattolika fl-istorja

Kitba ta’ Joe Galea

La Divina Commedia

Dante kien familjari max-xogħol tal-ħabib antik tiegħu Tumas t’Akwinu u l-idea li daħlet f’rasu kienet li b’xi mod jaqbad it-Teoloġija Kattolika f’viżjoni allegorika. Hekk għamel fl-opra grandjuża tiegħu ‘La Divina Commedia’. Kollox f’dan ix-xogħol hu fi tlieta. (i) Fiha tliet partijiet. (ii) Il-vers fih innifsu hu tat-tielet rima, fejn l-ewwel u t-tielet linja dejjem għandhom rima mal-linja tan-nofs tal-grupp ta’ qabel, hekk li r-rima qisha minsija t-tul kollu tax-xogħol. Hawn eżempju, li qed inġibu bl-Ingliż minħabba l-aħħar sentenza ta’ dan l-artiklu.

In just about the middle of life’s way

I found myself caught in a forest dream

And could not tell which way the right road lay

Never before did such a wood appear

To me, impenetrable, savage, dense

The very thought of it brings back my fear (u l-bqija…)

Dante ma setax jirreżisti milli jqiegħed uħud mill-għedewwa tiegħu fl-infern u ‘l dawk li ħabb fil-ġenna. Imma l-allegorija tal-ġenna u tal-infern u l-qawmien, id-dawl u s-salvazzjoni espressi fl-istruttura u l-kliem tal-poeżija imorru ‘l fuq minn din il-ħaġa żgħira.

Forsi l-aktar kuraġġuż dwar il-poeżija hi l-lingwa li biha hi miktuba. F’dak iż-żmien id-diskors pulit kien miktub bil-Lati u r-rumanzi tar-Re Arthur kienu bil-Franċiż. Ma kien hemm xejn bit-Taljan; kien hemm biss konfużjoni ta’ dijaletti li ħarġu mil-Latin, b’xi mod jinftiehmu bejniethom imma mhux għal kollox. Dante, li kiteb b’Latin eleganti ħafna, meta ġieh il-ħsieb li jagħmilhom, iddeċieda li jikteb dan l-aqwa xogħol tiegħu bid-dijalett Toscan, il-lingua ta’ kuljum ta’ Firenze.

Dante Allighieri, 1265-1321

Biex tikteb poeżija fuq is-‘Summa Teoloġika’ kienet ħaġa kuraġġuża, imma biex tiktibha f’dijalett li qatt qabel ma kien għodda għal-letteratura ta’ ċertu livell kienet xi ħaġa ta’ ġenn. Madankollu fl-idejn ta’ ħila ta’ Dante, dan id-dijalett f’daqqa waħda sar lingwa ta’ letteratura eleganti. Fil-fatt, Taljani ta’ żmienna jqisu lil Dante bħala l-missier tal-lingwa tagħhom. Id-dijalett Fjorentin tiegħu sar il-lingwa standard għall-peninsula kollha u hu l-lingwa kurrenti fil-ġurnali, rumanzi u liġijiet tar-Repubblika Taljana.

Il-poeżija ta’ Dante hi wirt lid-dinja u mhux lill-Italja biss. Ispirat lil għadd kbir ta’ xogħlijiet ta’ arti fosthom illustrazzjonijiet tassew sbieħ ta’ Gustave Dore’ u l-poeżija ‘Francesca di Rimini’ ta’ Tchaikovsky. Ġiet tradotta ħafna drabi bl-Ingliż, darba mill-awtriċi Dorothy Sayers li żamment fl-Ingliż l-iskema ritmika li fiha l-‘Commedia’.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading