Messaġġ tal-Papa Ljun XIV fl-Angelus tal-25 Ħadd tas-Sena A

IL-PAPA LJUN XIV

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 20 ta’ Settembru, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Fil-liturġija tal-lum, il-Mulej, permezz ta’ fomm il-profeta Iżaija, itina raġuni kbira għat-tama; jgħidilna li l-fehmiet tiegħu m’humiex il-fehmiet tagħna u li t-triqat tiegħu mhumiex it-triqat tagħna ( 55,8).  Tassew, il-pjanijiet ta’ Alla huma infinitament akbar u, ejja ngħiduha wkoll, aktar “umani” minn dawk li aħna l-bnedmin, imtebbgħin bid-dnub, nistgħu nfasslu u nwettqu. Għaldaqstant dan hu l-appell ċertament attwali tal-profeta: Ħa jħalli triqtu l-midneb, u l-bniedem il-ħażin fehmietu; ħa jerġa’ lura għand il-Mulej għax hu ħanin u jaħfer (vv. 6-7).

Fl-Evanġelju, il-parabboli jiddeskrivu n-novitajiet li Alla għandu mħejjija għalina iżda li ġeneralment jiżvelaw ukoll ir-reżistenza li dejjem lesti li nagħmlu lill-ġustizzja tant ġeneruża u lil imħabba ferm akbar. Illum, partikolarment, nisimgħu ir-rakkont tal-ħaddiema msejħin biex jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli (cfr Mt 20,1-16), min, għal ġurnata sħiħa, min, għal xi ftit siegħat biss u min, kważi fi nżul ix-xemx. Iżda l-qofol tal-parabbola hu l-ħin li fih isir il-ħlas, meta s-sid iżomm kelmtu mal-ħaddiema tal-ewwel siegħa u jtihom dak li kien miftiehem, iżda jridhom jaraw il-qalb tajba tiegħu, u quddiem għajnejhom, lil tal-aħħar jittrattahom bl-istess mod.

Tabilħaqq, hemm dettall li m’għandux jaħarbilna. Is-sid jagħti ordni preċiża lill-prokuratur tiegħu: il-ħaddiema għandhom jitħallsu “ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel” (Mt 20,8). Ir-reazzjoni negattiva ta’ dawk li kienu ħadmu l-ġurnata kollha setgħet tkun evitata faċilment, iżda hi intenzjonata, għax Alla jrid juri t-tjubija tiegħu lil kulħadd, mhux lil xi wħud biss. Alla għandu triqat u ħsibijiet ġodda anki għal dawk li jidhrilhom li huma tal-ewwel u jidhrilhom li dak li huma, kisbuh awtonomament, jidrilhom li r-riżultati li kisbu huma mertu tagħhom. Iżda lkoll kemm aħna niksbu l-ferħ, l-intelliġenza u l-ġejjieni meta l-liġi tal-imħabba tegħleb il-liġi tal-kalkoli, l-esperjenza tal-ħniena twessa’ dik tal-mertu, id-don tal-paċi jwaqqaf ir-rivalitajiet u jqarribna lejn xulxin bil-gratitudni.

Ħuti, hi grazzja li nkunu kollaboraturi ma’ Alla, li naħdmu fl-għalqa tad-dwieli tiegħu, li nkunu qaddejja tas-Saltna tal-ġustizzja u tal-paċi! Fejn tidħol in-novità ta’ Alla, ma hemmx wisa’ għall-għira u l-firda. Għalhekk, ejjew infittxu lill-Mulej sakemm għadu jinstab, u nsejħulu sakemm hu qrib; ejjew inħallu warajna t-triqat mgħawġa u l-ħsibijiet ħżiena (cfr 55, 6-7)!

Inħarsu lejn Marija Santissma: hi ħlejqa bħalna iżda mingħajr ebda tebgħa u għalhekk tgħinna nittamaw f’Alla, nafdaw fil-ħniena tiegħu, biex it-triqat tiegħu isiru triqatna u ħsibjietu jsiru ħsibijietna.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Qed insegwi bi tħassib kbir il-kriżi umanitarja li hemm bħalissa f’diversi nħawi tas-Somalja, fejn episodji ta’ vjolenza u fenomeni meteoroloġiċi estremi qed iħarrxu l-kundizzjonijiet diġà mwiegħra, tal-għajxien tal-popolazzjoni, b’mod partikolari dawk tan-nisa u t-tfal. Nittama fi tweġiba ġeneruża mill-komunità internazzjonali, biex niżguraw li dawn ħutna ma tonqoshomx l-għajnuna meħtieġa.

U issa nsellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini!


Nagħti merħba lill-Isqof u l-fidili mid-djoċesi ta’ Toruń, fil-Polonja, li jinsabu l-Italja biex iżuru l-postijiet ewkaristiċi; kif ukoll lill-familji mid-djoċesi ta’ Spiš, fis-Slovakkja.

Insellem lill-patrijiet Ġiżwiti li qed jibdew kors ġdid ta’ studju hawn f’Ruma; u lill-grupp mill-parroċċa rumana tas-Sagra Famiglia ta’ Nazaret, fimkien mal-Polisportiva Centocelle u l-Oratorju “San Giuseppe Manyanet:.

Nibgħat il-barka tiegħi lill-popolazzjoni ta’ Pesciantina, qrib Verona, li llum inġabru b’ħerqa madwar il-Monument tal-Ex-Internati, biex ifakkru lil dawk kollha li kienu eżiljati jew sfaw priġunieri fit-II Gwerra Dinjija. Qed nagħmel dan biex nisħaq li m’għandniex ninsew, imma għandna nitgħallmu mill-istorja ħalli ma nerġgħux nirrepetu l-iżbalji tal-imgħoddi.

Għeżież, irroddilkom ħajr li ġejtu hawn. Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading