“Aqra l-ħajja tal-qaddisin, għax il-kliem iqanqal imma l-eżempju jkaxkar.” B’dan il-kliem San Ġorġ Preca jistedinna biex nieħdu l-ġid mill-ħajjiet tal-qaddisin.
L-Eku tal-Ħbieb
Fil-ktieb L-Eku tal-Ħbieb San Ġorġ Preca jlaqqagħna ma’ 31 qaddisin u f’paragrafi żgħar jurina l-ġid li nistgħu nieħdu minnhom. L-Eku tal-Ħbieb, li ħareġ fl-1932, kien wieħed minn serje ta’ 12-il ktieb maħsubin biex jinqraw wieħed kull xahar matul is-sena. Jistħajjel li dawn il-qaddisin ikellmuna fuq suġġett relatat mal-ħajja jew il-kitbiet tagħħom. Hu ktieb addattat li anke fi żmienna jista’ jinqara paġna kuljum matul Ottubru, ukoll bħala tħejjija għall-festa tal-Qaddisin kollha.
Fil-kreattività tiegħu, San Ġorġ Preca jħajjar lil min qed jaqra jistħajjel li jiġi kuljum mis-sema qaddis iffigurat kif inhuwa mpitter fil-kwadri jew minqux fl-istatwi, u li l-qaddis jew qaddisa jipprietkaw il-valur li f’ħajjithom “deher wisq jiddi”.
Fil-kas ta’ Ġwann l-Battista jfakkarna kif ipprietka fuq il-ħtieġa li ngħixu ħajja tajba, għax Alla se jippremja lil min jgħix kif jixtieq Hu. Ġwanni jgħid lin-nies fid-deżert biex jafdaw f’Ġesù, il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, u jimitawh fl-umiltà, fil-ħniena mal-proxxmu, u fil-maħfra tal-għedewwa. Stedinhom jagħmlu ħniena mal-proxxmu fil- bżonn u b’hekk ipattu għan-nuqqasijiet li jkunu għamlu. Ġwanni pprietka dwar is-saltna, u għalhekk San Ġorġ Preca jagħmel l-osservazzjoni tiegħu: “Issa huwa ż-żmien. Iż-żmien ma jinxtarax, lanqas ma hu f’idejn il-bniedem. Għalhekk attenti i ma jiġrix li tfittxu żmien għal vera penitenza u ma ssibux. U tinsewx li Ġesu’ xxerred id-demm tiegħu għalina.”
Fl-Eku tal-Ħbieb San Ġorġ Preca juri l-qima tiegħu lejn San Ġużepp, li jsejjaħlu ‘l-għarus ta’ Marija’. Iridna li għar-reverenza tad-dinjità tiegħu ninxteħtu għarkubbtejna quddiemu u nistħajlu li qegħdin nisimgħuh ikellimna dwar is-silenzju. Jgħidilna biex ngħożżu s-silenzju tal-fomm u tal-moħħ jekk tassew irridu l-paċi u l-għaqda ta’ bejnietna. Fejn jonqos is-silenzju tonqos ir-riflessjoni, bħalma fin-natura, meta l-ilma f’għadira, b’żiffa ħafifa tar-riħ ma jirriflettix l-oġġetti ta’ fuqu, kif jagħmel meta huwa kalm u seren. Parir utli ta’ San Ġorġ Preca li tant neħtiġuh illum: “Ħsibijiet li jinkwetaw, ħsibijiet inutli, vanitużi, għandhom jitwarrbu bil-qawwa kollha u dejjem.”
Jgħaddi għall-appostlu San Pietru u jfakkarna fi kliemu, li: “Ix-xitan hu veru għadu tagħkom li, bħal iljun aħrax, idur madwarkom, ifittex lil min jibla’. Imma intom tegħilbuh qawwijin fil-fidi ta’ Ġesù Kristu li se jippremjakom għal dan. Kunu qawwijin bit-talb u toħorġu rebbieħa fuq kull għadu tal-vera paċi, billi tagħtu preferenza għall-volontà tas-Sinjur Alla.
Dwar l-appostlu San Pawl jagħżel il-ġid mit-tagħlim. Jistħajjel li jiġi quddiemna, u jsejjaħlu ‘kolonna ferma tal-verità’, u jħeġġiħna biex dak li nafu, ngħallmuh ukoll lill-oħrajn, għax il-ħsad huwa kbir u l-ħaddiema għalih huma ftit. Xerrdu ma’ kullimkien bil-kelma u bl-eżempju d-dawl tad-duttrina tas-saħħa, u intom għad tiddu bħal kwiekeb. U għandu kliem ta’ inkuraġġiment: “Min jista’ jgħid fuq il-glorja li jieħu Alla meta jiġi evitat dnub għal xi mottiv sopranaturali? Meta intom tkunu kawża volontarja li dnub jiġi evitat minħabba t-tagħlim li intom tkun tajtu, Alla jbierek mhux biss lil dak li jkun ġieb rebħa fit-tentazzjoni, iżda wkoll lil dak li jkun għallmu. Anke ’l dawk li jkunu kkooperaw biex isir it-tagħlim.”
Dwar Ġwanni l-appostlu jgħid: “Nistħajlu li għandna quddiemna lil dan il-qaddis, u li qegħdin nisimgħu minn fommu dwar L-IMĦABBA TAL-PROXXMU. Ħobbu lil xulxin għaliex dan huwa l-kmandament tal-Mulej. Min iħobb jifraħ ma’ min huwa ferħan u jibki ma’ min huwa mbikki. L-imħabba tal-grazzja ma teskludi barra ’l ħadd, lanqas tistenna ħlas fuq l-art, u għandha b’xhud l-opri tal-ħniena li, kif qal Kristu Ġesù, jqiegħdu fil-leminija għall-barka eterna fil-jum tal-ġudizzju ’l min jagħmilhom. Mhux veru li jħobb ’l Alla min ma jħobbx il-proxxmu; anzi l-imħabba lejn Alla li wieħed ma jarax bl-għajnejn tiegħu titqies mill-imħabba lejn il-proxxmu li wieħed jara b’għajnejh.”
Bħala devot ta’ San Gejtanu jara fih il-fiduċja fil-providenza ta’ Alla. Jgħid: “Min hu li ħalaq kollox? Forsi mhux dak li jikkonserva dak li ħalaq? X’jiddi hekk ċar fis-sema u fuq l-art, u fil-baħar daqs il-kura li jieħu Alla tal-kreaturi tiegħu? Mnejn tant ikel għal tant ħluq? Mnejn tant ilbies għal tant iġsma? It-tajr ta’ l-ajru u l-ġilju ta’ l-għalqa jċanfru t-tħabrik tal-bnedmin għall-għajxien tagħhom meta dawn huma wisq iżjed prezzjużi minnhom.
Fiduċja f’Alla, Missier kulħadd! Liema bniedem għaqli, xħin jikkonsidra kollox, ħajja, għana, saħħa, unur, glorja, huwa mistrieħ fuq is-sodda ta’ l-inċertezzi, jieħu qalb biex iħabrek għal ħwejjeġ li jitbiddlu kull mument? Liema bniedem tal-fidi jiddubita li Alla jaf x’jenħtieġ għall-kreaturi tiegħu, li huwa jħobbhom tassew bħala opri ta’ idejh? Jistrieħ immela kull bniedem fil-ħdan tal-Providenza!
Forsi qaddis minsi
San Ġorġ Preca jitkellem sabiħ San Diżma, tant li għamel novena ta’ 9 ijiem, kif f’ħalliel kundannat sab kwalitajiet ta’ min jimitahom. Jgħidlu: “Inti jixraqlek verament tifħir, għaliex indħalt minn rajk biex tiddefendi lil Ġesù. Dawk kollha li għamlu xi ħsara lill-proxxmu u li ma jistgħux isewwuha jew jirriparawha, żgur li ma jaqtgħux qalbhom għall-maħfra, xħin Ġesù Kristu stess mis-salib iġġustifikak fuq dnubietek kollha u assiguralek il-ġenna.
Nifraħlek għal din l-grazzja li inti sibt quddiem Alla, illi wara ħajja ħażina kellek fl-aħħar mumenti tkun hekk iġġustifikat li s-salvazzjoni tiegħek eterna ma setgħetx tħalli l-inqas dubju, xħin l-istess Imgħallem Ġust assigurak li f’dak il-jum stess inti kellek tkun il-ġenna miegħu.
U qaddisin ta’ żmienna
Dawn jidhru qaddisin ‘il bogħod minna. Imma naraw kemm Dun Ġorġ iġibhom qrib. Kieku llum, kif kien jitkellem fuq tfal qaddisin, kien jinkludi lil Carlos Acutis. Kif tkellem dwar żgħażagħ li għamlu l-ġid fi żmienhom, jitkellem fuq Pier Giorgio Frassati. Ġew dikjarati qaddisin f’Settembru ta’ sena ilu. Huma lajċi, jiġifieri bħalna, imma l-Papa Franġisku kien itenni li l-qdusija hi għal kulħadd, mhux biss għas-saċerdoti jew reliġjużi. Tifel u żagħżugh, qaddisin tant popolari.
Pier Giorgio Frassati kien ta’ fidi u attiv fil-moviment taż-żgħażagħ Ħaddiema Nsara. Mudell għall-fidi u għall-karità. Kien atleta, jixxabbat mal-muntanji. Ħaddan it-tagħlim tal-Knisja fl-ambjent soċjali, l-aktar fuq ir-Rerum Novarum tal-Papa Ljun XIII: “Il-karita’ mhix biżżejjed, għandna bżonn riforma soċjali.” Isemmi d-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema. Miet ta’ 24 sena.
San Ġorġ Preca jawgura: “Insaħħaħkom fil-mistrieħ tal-fidi tagħkom billi nqegħdilkom quddiem għajnejkom il-qaddisin li għexu u li mietu fiha u li Alla gglorifikahom permezz tal-mirakli wara mewthom.”
Joe Galea







