Il-Ħadd, 20 ta’ Settembru 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi lejlet il-jum tat-300 anniversarju mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja. Bażilka ta’ San Pawl, Rabat.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
Għada hija ġurnata ta’ ferħ kbir u ta’ ringrazzjament għall-komunità tal-Parroċċa tar-Rabat. Tliet mitt sena mill-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja jfissru tliet sekli ta’ talb, ta’ ħidma, ta’ sagrifiċċju; ta’ fidi, tama u mħabba.
Għal tliet mitt sena, nies minn ġenerazzjoni għal oħra daħlu minn dawn il-bibien iġorru magħhom il-ferħ u n-niket tagħhom. Ġenerazzjoni wara oħra ġiet hawn biex tiltaqa’ mal-Mulej, biex tisma’ l-Kelma tiegħu, tiċċelebra s-Sagramenti, u tagħti qima waqt li tinbena bħala komunità madwar l-Ewkaristija.
Illum l-Evanġelju jagħtina dawl sabiħ li bih nistgħu nħarsu lejn dawn it-tliet mitt sena. Ġesù jgħidilna l-parabbola tal-ħaddiema fil-għalqa tad-dwieli. Xi wħud bdew jaħdmu kmieni filgħodu. Oħrajn ġew fit-tielet siegħa, oħrajn fis-sitt siegħa, oħrajn fid-disa’ siegħa, u fl-aħħar saħansitra dawk li ġew fil-ħdax-il siegħa. Meta waslet is-siegħa tal-ħlas, sid il-għalqa tahom kollha l-istess paga. Dawk li kienu ħadmu l-ġurnata kollha stagħġbu. Ħassew li dawk li ġew aktar tard kellhom jirċievu inqas. Imma sid il-għalqa jgħid: “qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?” (Mt 20:15)
Din il-parabbola mhijiex dwar ir-relazzjonijiet industrijali fil-qasam tax-xogħol, imma hija dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Il-kliem tal-Mulej għandu messaġġ qawwi ħafna għalina llum.
Snin ta’ fedeltà
Hekk kif niċċelebraw dan l-anniversarju, l-ewwel reazzjoni tagħna m’għandhiex tkun: “Ara x’għamilna aħna”, u nieqfu hemm. Pjuttost għandha tkun: “Ara x’għamel Alla”. Huma tliet mitt sena tal-fedeltà ta’ Alla.
Kien hemm ġenerazzjonijiet li ħadmu bla heda biex jibnu l-knisja, iżommuha u jsebbħuha. Kien hemm nies li taw flushom, il-ħin tagħhom, il-ħiliet tagħhom u, fuq kollox, ħajjithom għas-servizz tagħha. Kien hemm saċerdoti li qdew hawn; reliġjużi li taw il-kontribut tagħhom; familji li għaddew il-fidi minn ġenerazzjoni għal oħra. Imma f’dawn kollha kien hemm il-ħidma attiva ta’ Alla bil-grazzja tiegħu.
Il-bini tal-knisja huwa importanti, imma mhumiex il-ħitan tal-ġebel jew it-tiżjin li jagħmlu l-Knisja ħajja. Il-Knisja vera hija l-poplu miġbur minn Kristu.
Il-ħaddiema f’sigħat differenti
Il-parabbola tfakkarna wkoll li kull ġenerazzjoni għandha s-“siegħa” tagħha. Xi wħud mill-antenati tagħna ġew imsejħa biex jaqdu lill-Knisja fi żminijiet diffiċli. Oħrajn ġew aktar tard. Xi wħud minnkom ilkom għal ħafna snin. Oħrajn forsi tbiegħdu u mbagħad reġgħu lura. Xi wħud huma involuti ħafna fil-ħajja tal-parroċċa; oħrajn għadhom qed jibdew jiskopru mill-ġdid il-fidi tagħhom.
Imma l-Mulej ma jħarisx lejna skont il-kejl tagħna l-bnedmin. Ma jgħidx: “Int wasalt tard wisq”. L-Evanġelju jgħidilna li anke dawk li ġew fil-ħdax-il siegħa ġew milqugħa fil-għalqa. U din hija aħbar tassew sabiħa.
Ifisser li qatt mhu tard biex twieġeb għas-sejħa ta’ Alla. Forsi hemm xi ħadd fostna llum li jħoss li ma għamilx biżżejjed għal Alla. Forsi hemm min ilu snin ’il bogħod mill-Knisja. Forsi hemm min għadu jġorr il-piż tal-iżbalji tal-passat. L-Evanġelju jgħidilna: Il-Mulej għadu qed isejjaħlek. Għad hemm post għalik fil-għalqa tiegħu.
It-tentazzjoni li nqabblu lilna nfusna
Imma l-parabbola tiftħilna għajnejna għal ħaġa importanti ħafna. Il-ħaddiema li kienu ħadmu l-ġurnata kollha bdew iqabblu lilhom infushom ma’ dawk li ġew aktar tard. U l-paragun jista’ jidħol bil-mod ukoll fil-ħajja Nisranija tagħna.
Nistgħu nqabblu l-parroċċa tagħna ma’ parroċċa oħra – din Kolleġġjata u Bażilka, u dik għadha ħafna inqas. Nistgħu nqabblu ġenerazzjoni ma’ oħra. Nistgħu nqabblu lil dawk li huma attivi fil-Knisja ma’ dawk li huma inqas involuti. Saħansitra nistgħu nqabblu lilna nfusna ma’ nies oħra u nistaqsu: “Għaliex huma għandhom jirċievu l-istess bħali?” Imma s-Saltna ta’ Alla ma taħdimx skont il-kalkoli tagħna. Il-mistoqsija mhix: “X’irċieva l-ieħor?” Il-mistoqsija hija: “Alla x’qed jitlob minni?”
Wara tliet mitt sena, din hija lezzjoni importanti ħafna għall-parroċċa. M’għandniex inħarsu lejn il-passat u nistaqsu min għamel aktar, min ta aktar, jew min jixraqlu aktar rikonoxximent, u nieqfu hemm. Minflok, bi gratitudni lejn dawk li ħadmu fil-passat, għandna nistaqsu: “Alla, illum, għal xiex qed issejħilna?”
Mit-tifkira għall-impenn
Għalhekk, l-anniversarju mhuwiex biss ċelebrazzjoni tal-passat. Huwa wkoll responsabbiltà għall-futur. Aħna rċevejna wirt prezzjuż. Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna għaddew lilna din il-knisja imma, aktar importanti minn hekk, għaddew lilna l-fidi. Issa r-responsabbiltà hija f’idejna. X’se ngħaddu lil dawk li jiġu warajna?
It-tfal u ż-żgħażagħ se jkunu jafu lil din il-knisja biss bħala bini sabiħ u storiku? Jew se jkunu jafuha bħala l-post fejn in-nies jiltaqgħu ma’ Ġesù Kristu? Se jaraw fina komunità li sempliċement iżżomm it-tradizzjonijiet, jew se jaraw komunità li tgħix l-Evanġelju? Se jaraw li l-fidi hija dik li tagħti sens lill-ħajja, li tagħti tama u direzzjoni, u li ta’ min jagħti qalbu għaliha? Din huma l-mistoqsijiet l-aktar importanti ta’ dan l-anniversarju. Għalhekk kienet inizjattiva tassew tajba f’din il-parroċċa li bi tħejjija għal dan l-anniversarju importanti jkun hemm diversi laqgħat ta’ formazzjoni.
Il-knisja bħala l-għalqa ta’ Alla
Irridu niftakru li fl-Evanġelju, l-għalqa tad-dwieli hija ta’ sidha. Mhijiex tagħna. U lanqas il-Knisja mhi tagħna. Il-Knisja hija ta’ Kristu. Aħna lkoll ħaddiema fil-għalqa tiegħu. Għal tliet mitt sena, nies differenti ġew imsejħa, f’mumenti differenti, biex jaqdu lil din il-komunità. Xi ismijiet għadna niftakruhom; ħafna oħrajn intesew mill-istorja. Imma mhumiex minsija minn Alla.
Kull talba li ntqalet fis-skiet f’din il-knisja hija magħrufa minn Alla. Kull quddiesa ċċelebrata hawn hija parti mill-qima offerta lilu. Kull sagrifiċċju magħmul għall-parroċċa, kull att ta’ karità, kull tifel jew tifla mgħallma titlob, kull marid li aħna nżuru, xejn minn dan ma jintilef.
Alla jara kollox. U dan huwa wieħed mill-isbaħ messaġġi tal-Evanġelju tal-lum: Alla hu ġeneruż lil hinn mill-kalkoli tagħna. Hu ma jkejjilx ħajjitna biss skont kemm għamilna jew kemm ksibna. Hu jħares lejn il-qalb.
Knisja għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin
Għalhekk, hekk kif niċċelebraw it-tliet mitt anniversarju, ejjew nirringrazzjaw lil Alla – imma ejjew ukoll inġeddu l-impenn tagħna. Ma nħallux dan l-anniversarju jkun biss ċelebrazzjoni ta’ dak li kien. Ħa jkun bidu ġdid.
Jalla din il-knisja tkun dejjem dar tat-talb, post fejn iż-żgħar jiskopru l-imħabba ta’ Alla, fejn iż-żgħażagħ isibu t-tama u sens fil-ħajja, Jalla tilqa’ l-familji, l-anzjani, il-morda, dawk li jinsabu weħidhom u dawk li jħossuhom minsija. Jalla dawk li tbiegħdu mill-fidi jkunu jafu li l-bibien tal-knisja huma dejjem miftuħin. U fuq kollox, jalla kull min jidħol minn dawn il-bibien ma jiltaqax biss ma’ bini sabiħ, imma mal-preżenza ħajja ta’ Kristu.
Tliet mitt sena ilu, din il-knisja ġiet ikkonsagrata lil Alla. Illum, aħna msejħin biex nerġgħu nikkonsagraw lilna nfusna għas-servizz tiegħu. Illum ngħidu lill-Mulej: “Hawn aħna. Ibgħatna fil-għalqa tiegħek”. Jalla dawk li jiġu warajna, meta jiċċelebraw l-400 anniversarju, ikunu jistgħu jgħidu bi gratitudni: Irċevejna minn ta’ qabilna knisja sabiħa, imma fuq kollox, irċevejna fidi ħajja.
✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju
