13.09.2026
Il-Papa, Piju XII, li fi żmien il-pontifikat tiegħu ġie inkurunat il-kwadru tal-Madonna tal-Grazzja hawnhekk ġewwa Ħaż-Żabbar, fl-1954, kiteb Enċiklika bit-titlu, Ad Caeli Regina, fi tmiem is-sena Marjana, li kienet qed tiġi ċċelebrata dik is-sena. F’din l-Enċiklika kiteb li inkurunazzjoni sseħħ biss ‘minħabba qima pubblika eċċezzjonali’ li xi xbieha tal-Madonna tkun tgawdi.[1] Jekk inħarsu mbagħad lejn in-noti tar-Rit tal-Inkurunazzjoni nsibu miktub hekk, ‘B’dan ir-rit (i.e. ir-rit tal-inkurunazzjoni) il-Knisja tistqarr li l-Verġni Marija jistħoqqilha li tiġi meqjusa u invokata bħala Sultana.’[2] Huwa ċar mela li l-att tal-inkurunazzjoni huwa sew att pubbliku kif ukoll proklamazzjoni kollettiva tal-Knisja f’isem il-poplu.
75 sena ilu, sewwasew fl-għodwa tat-2 ta’ Settembru tal-1951, propju nhar jum l-inkurunazzjoni filgħodu, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Ġorġ Borg Olivier, ippreżenta f’isem il-poplu Malti, f’ċerimonja apposta f’dan il-maqdes, il-kuruni tad-deheb lill-Kappillan ħabrieki ta’ dak iż-żmien, Dun Ġużepp Zarb, li aktar tard dakinhar kellhom jitqiegħdu fuq ras ix-xbieha tal-Madonna. Din iċ-ċerimonja hija ferm simbolika għaliex minn naħa waħda turi l-inkurunazzjoni bħala att pubbliku. Mhux biss imma, huwa kważi att pubbliku nazzjonali: huwa kważi l-Istat Malti li joffri l-kuruna. Dan jikkonferma dak li l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien kiteb nhar l-24 t’Awwissu 1951, f’ċirkolari li ħabbret kif il-Kapitlu tal-Vatikan b’mod unanimu kien approva l-inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja u qal li t-tqegħid tal-kuruna juri kif ‘il-Maltin … minn dejjem ħabbew lill-Madonna u fittxew li jagħtu xhieda tal-imħabba tagħhom lejha.’
Min-naħa l-oħra, dan il-ġest tal-għotja tal-kuruni, huwa wkoll simboliku għaliex hija l-Knisja li tilqa’ l-offerta tal-poplu u tinkuruna lill-Madonna tal-Grazzja f’isem il-poplu. F’dan is-sens, hija l-Knisja li tiġbor, tippreżenta u tfisser il-fehma kollettiva tal-poplu Malti fil-kuruna dehbiena fuq ras il-Madonna tal-Grazzja. Dan is-simboliżmu rajnieh imġedded din is-sena stess fit-tqegħid tal-warda f’riġlejn il-kwadru inkurunat li jagħni l-kor ta’ dan is-Santwarju. Il-President tar-Repubblika tellgħet il-warda li mbagħad l-Arċisqof ippreżentaha lill-Arċipriet biex iqiegħda f’postha.
Imma llum, jeħtieġ li nistaqsu xi jfissru dawn il-ġesti simboliċi. 75 sena ilu l-offerta tal-kuruna mill-Istat f’isem il-poplu, imfissra b’mod kollettiv mill-Knisja, kellha sens aktar ovvju għaliex it-tessut tas-soċjetà aktar omoġeneu, b’karattru Nisrani komuni aktar b’saħħtu. Imma llum din il-ħila tal-Knisja li tirrappreżenta b’mod kollettiv is-sentetiment tal-poplu Malti kollu hija inqas ovvja għaliex illum insibu lilna nfusna f’kuntest kulturali u soċjali li huwa ferm differenti. Dak il-monokulturaliżmu u dik l-omoġeneità soċjali ta’ Malta ta’ dari, insibuhom mibdulin fi żminijietna f’multikulturaliżmu, fi pluraliżmu soċjali, fejn is-sentiment kollettiv tal-poplu tagħna mhux faċli jiġi mfisser minn entità waħda. U allura jkollna nammettu illi l-Knisja m’għadhiex rappreżentant singulari ta’ dak li l-poplu Malti jħoss u jgħożż.
U allura f’dan is-sens, jekk ma noqogħdux attenti, malajr il-kuruna taf issir simbolu nostalġiku tal-passat. Relikwa ta’ Malta li m’għadhiex iżjed teżisti. Trofew tal-bżulija ta’ missirijietna iżda li ftit li xejn għandu tifsira relevanti llum. U allura jeħtieġ li nirriflettu dwar x’inhu l-irwol, jekk tabilħaqq fadal, tal-Knisja f’Malta llum?
F’kuntest fejn il-Knisja tidher, f’għajnejn ħafna nies, moralment skreditata; f’kuntest fejn il-messaġġ tal-Knisja huwa milqugħ b’indifferenza u bosta darbi b’ħafna ostilità: x’tista’ ġġib il-Knisja għal Malta tagħna llum? U rrid nagħmel dan propju llum f’din fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja għaliex il-Verġni Marija taħt dan it-titlu għażiż toffrilna opportunità unika biex inwettqu r-riflessjoni tagħna dwar il-Knisja fid-dawl tal-Verġni Marija, hija li, kif tgħidilna l-Lumen Gentium, tal-Konċilju Vatikan II, fiha l-Knisja tara l-mudell perfett ta’ dak li tittama li tkun.
Eċċellenza Reverendissima u ħija fl-Ordni Dumnikan, Mons. Ġorġ Frendo. Wisq Reverendu Arċipriet, Dun Roderick Camilleri, ħuti saċerdoti, għażiż poplu ta’ Ħaż-Żabbar, il-poplu tal-Madonna tal-Grazzja.
Il-Papa Pawlu VI, fl-Eżortazzjoni Appostolika, Evangelii Nuntiandi tal-1975, tkellem dwar qasma li tinfetaħ bejn l-Evanġelju u l-kultura. Isimgħu x’jikteb,
Il-qasma bejn il-Vanġelu u l-kultura hi bla dubju ta’ xejn id-drama ta’ żmienna, sewwasew kif kienet fi żminijiet oħra.[3]
X’ried ifisser biha din il-frażi l-Papa, ‘id-drama ta’ żmienna? Id-drama taż-żmienna tirreferi għall-kriżi tal-modernità li dawret is-sekularità tad-dinja f’kultura ta’ sekulariżmu. Meta nitkellmu dwar ‘is-sekularità tad-dinja’ ma nkunux qed infissru xi ħaġa negattiva. Inkunu qed infissru sempliċiment stat ta’ fatt: jiġifieri il-fatt li d-dinja hija ħolqien li mhuwiex divin, li mhuwiex etern imma fiż-żmien (saeculum). Meta nitkellmu dwar is-sekularità allura nitkellmu dwar l-assimterija li hemm bejn Alla u l-ħolqien: Alla huwa ’l hinn mill-ħolqien, mhux magħmul, omnipotenti, infinit, għal dejjem u ’l fuq minn kull żmien u d-dinja li hija limitata, finita, maħluqa u fiż-żmien. Allura s-sekularità hija stat naturali tad-dinja li hija dissimili għall-istat divin ta’ Alla. Min-naħa l-oħra, is-sekluariżmu huwa viżjoni, ideoloġija, li tipproponi illi l-ħolqien jista’ jeżisti mingħajr Alla.
L-għeruq tas-sekulariżmu modern insibuh jixxettel sewwasew mis-seklu 16 ’il quddiem, ċioè mal-qawmien tax-xjenzi moderni. Ix-xjenzi moderni bl-esperimentazzjoni u l-istrumenti avvanzati tagħhom bdew jifhmu b’mod mill-aktar profond l-istrutturi materjali tal-ħolqien tant li spiċċaw iqisuh daqslikieku kien magna kbira, b’diversi ħoloq naturali li flimkien jagħmlu mekkaniżmu, ekoloġija sħiħa, perfetta, fiha nfsiha u kompletament spjegabbli biha nfisha. F’dan is-sens kull intervent li ma joriġinax minn l-ordni naturali, minn dan il-mekkaniżmu naturali, tal-ħolqien isir inkompatibbli mal-ħolqien innifsu. Araw kif, il-ħolqien ingħalaq għal kull possibiltà ta’ intervent li ma toriġinax mill-ordni naturali. U għalhekk, il-viżjoni tax-xjenza moderna spiss dawret id-dissimilarità bejn Alla u l-ħolqien f’inkompatibbiltà essenzjali. L-ateiżmu ta’ Rosenberg u Dawkins fost l-oħrajn huwa mibni fuq din il-viżjoni ta’ xjentiżmu.
Din l-inkompatibbiltà essenzjali bejn l-ordni naturali tal-ħolqien u kull intervent tal-grazzja ta’ Alla fil-ħolqien, ħalla impatt profond fuq il-viżjoni tal-bniedem fil-modernità. Il-bniedem ukoll beda jiġi meqjus bħala mekkaniżmu jew ekoloġija umana kompluta u perfetta fiha nfisha. Fil-fatt fil-qalba tal-umaneżimu modern insibu viżjoni tal-bniedem bħala awtonomija assoluta li tibni lilha nfsiha biss bit-tħaddim tal-libertà tagħha. U f’dan is-sens, il-bniedem ukoll ma jifdallux spazju għal intervent ta’ Alla fil-ħajja tiegħu. L-umaneżimu modern ipoġġi l-bniedem f’kompetizzjoni ma’ Alla; jintroduċi din l-inkompatibbiltà bejn il-libertà ta’ Alla u l-libertà tal-bniedem. Biex il-bniedem ikun tabilħaqq ħieles u sħiħ jeħtieġ li Alla jieħu pass lura. Il-ħassieb ateu Ġermaniż, Ludwig Feuerbach, pereżempju darba kiteb, ‘biex jistgħana Alla, il-bniedem jeħtieġ li jitfaqar; biex Alla jkun kollox, il-bniedem jeħtieġ li jsir xejn.’[4]
Din l-inkopatibbiltà intrinsika bejn Alla u l-ekoloġija mekkanizzata tal-ordni naturali tal-ħolqien u tal-bniedem, lejn tmiem is-seklu 18, mar-Rivoluzzjoni Franċiża nbidlet f’antagoniżmu. Dik l-assimetrija bejn Alla u l-bniedem mhux biss bdiet tiġi meqjusa bħala inkompatibbiltà essenzjali imma issa saret ukoll xi ħaġa li jeħtieġ illi tiġi attivament miġġielda u opponuta. Fil-fatt ir-Rivoluzzjoni Franċiża introduċiet l-idea ta’ sekulariżmu li jtella’ ħajt bejn l-istrutturi soċjali u politiċi, fuq naħa, u Alla, l-Evanġelju u l-Knisja, fuq in-naħa l-oħra. Is-sekulariżmu soċjali modern inbena fuq il-konvinzjoni li ma jista’ jkun hemm ebda forma ta’ progress li m’għandux l-oriġini tiegħu fl-ordni materjali tal-istrutturi u l-istituzzjonijiet soċjo-politiċi. Anzi, kull influwenza li mhijiex mill-ordni naturali, kull influwenza ta’ dak li hu sopranaturali u divin tmur kontra l-progress soċjali, issir xkiel u jeħtieġ li tiġi attivamet eliminata. Dan kien propju dak li Karl Marx ried ifisser meta fid-dawl tal-Filosfija tal-materjaliżmu storiku, kien qal li ‘l-aboluzzjoni tar-reliġjon bħala ferħ illużorju tal-poplu hija l-prerekwiżit għall-ferħ veru tiegħu.’[5]
Id-darma taż-żminijiet li, tkellem dwarha Pawlu VI, ċioè dak is-sekulariżmu modern li bidel l-assimetrija bejn Alla u l-ħolqien f’inkompatibiltà essenzjali u f’antagoniżmu, offra sfidi mhux ċkejkna lill-Knisja għaliex fittex li jelimina l-irwol tagħha mid-dimensjoni tal-ordni naturali tal-ħolqien, mid-dimensjonijiet antropoloġiċi u mid-dimensjonijiet soċjali.
Il-Knisja, wara sekli sħaħ ta’ suċċess fl-Evanġelizzazzjoni tal-kulturi, f’salt wieħed tisfa’ miċħuda mill-kulturi l-aktar qodma li ssawru fi ħdanha. F’salt wieħed issib ruħha teżisti f’kuntesti kulturali indifferenti, aljeni u ostili għall-Evanġelju. Il-Knisja tibda tiġi meqjusa bħala, mhux biss irrelevanti għal soċjetà moderna, iżda ostaklu inkompatibbli ma’ kull forma ta’ progress u maturità għall-bniedem. Għaldaqstant, nistgħu ngħidu li dan il-moviment tas-sekluariżmu modern spiss ħalla lill-Knisja f’sens ta’ diżillużjoni.
U hawn, quddiem din il-paraliżi appostolika u missjunarja li l-Knisja donnha tidħol fiha meta tiġi wiċċ imb wiċċ mar-realtà tas-sekulariżmu, toħroġ sbejħa l-figura tal-Verġni Marija l-Omm tal-Grazzja. Din il-viżjoni tas-sekulariżmu modern, li ddawwar is-sekularità tad-dinja f’inkompatibbiltà mal-ordni naturali, soċjali u antropoloġiku ssib sfida fil-figura tal-Verġni Marija.
L-ewwel nett għaliex fil-Verġni Marija l-assimetrija bejn Alla u l-ħolqien mhux talli mhijiex inkompatibbiltà iżda talli hija prerekwiżit, kundizzjoni sine qua non għall-irwol tagħha ta’ medjatriċi tal-grazzja. Għaliex? Għax, kif jgħid Sant Anselmu,
Il-Missier ma riedx li jsalva l-ġeneru uman, jekk ma jkunx bniedem li jwettaq xi ħaġa daqstant kbira, daqs il-mewt ta’ Kristu.[6]
Alla ried li jkun bniedem li jwettaq l-opra tas-salvazzjoni. U f’din l-opra Marija tieħu sehem sewwasew għaliex mhijiex Alla imma għaliex hija bniedem. Marija tieħu sehem fl-opra tas-salvazzjoni għaliex hija propju dik li tagħti l-umanità lil Alla, dik li fiha Alla jsir bniedem. Hi l-Omm tal-Grazzja għax hija bniedem li minnha Alla jitwieled fl-ordni naturali tal-ħolqien bħala bniedem. Is-sekularità umana, dik id-dissimilarità li kienet tagħmilha essenzjalment differenti minn Alla hija l-bażi tal-irwol medjatiku tal-Verġni Marija. Imkien daqs fl-umanità tagħha ma toħroġ fiċ-ċar dik l-assimetrija kumplimentari tal-ħolqien mal-qdusija u d-divinità ta’ Alla. Alla jidħol fl-ordni tal-ħolqien mhux bħal ħalliel imma jidħol bl-aktar mod uman, bl-aktar mod naturali permezz tal-Verġni Marija. U allura huma għalkollox żgwidati l-ħassieba taż-Żminijiet tad-Dawl li jagħlqu l-ħolqien għall-possibbiltà ta’ intervent divin. Alla huwa ’l fuq mill-ħolqien u jidħol fil-ħolqien skont l-ordni tal-ħolqien.
Imma fil-Verġni Marija, il-Medjatriċi tal-Grazzja, insibu wkoll sfida għall-antagoniżmu li introduċa s-sekulariżmu modern. Marija tisfida dik il-viżjoni li tpoġġi lill-bniedem u s-soċjetà tiegħu f’kompetizzjoni ma’ Alla. Il-grazzja t’Alla mhux talli ma tkissirx il-bniedem iżda talli tagħmlu aktar bniedem sħiħ. Hija l-grazzja, dik il-ħajja t’Alla fil-bniedem, li tumanizzza lill-bniedem u tagħmlu bniedem sħiħ għax kif kiteb, id-Duttur Anġeliku, San Tumas t’Akwinu, gratia aedificit natura non tollat (il-grazzja tibni n-natura tal-bniedem mhux tkissirha).
Dan huwa tabilħaqq dak li nsibu fir-rakkont mitiko-simboliku tal-ħolqien fil-Ġenesi. Il-bniedem, fl-istat oriġinali tiegħu, fis-sħuħija oriġinali tiegħu, kien jgħammar fil-grazzja ta’ Alla. Din hija dik li nsejħulha l-grazzja oriġinali. Dan l-istat tal-grazzja oriġinali jintilef għaliex? Għax is-serp jintroduċi appuntu antagoniżmu bejnu u bejn Alla,
Imma Alla jaf li dakinhar li tieklu [mill-frott tas-siġra] jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin (Ġen:3:5).
L-ewwel dnub kien propju dan: il-qerq li biex il-bniedem isir aktar bniedem jeħtieġ li jeskludi lil Alla. L-ewwel dnub huwa ċ-ċaħda tal-kumplimentarità oriġinali bejn dak li hu ta’ Alla u dak li hu tal-bniedem. U xi nsibu wara l-waqa’? Insibu bniedem aktar uman? Le, insibu fil-fatt tinfetaħ quddiemna d-drama taż-żminijiet, it-traġedja kożmika tad-diżumanizzazzjoni tal-bniedem; il-bniedem li huwa inqas ħieles għax huwa lsir tal-mewt, tal-għira, tal-vjolenza, tal-qerq, tar-rgħiba, taż-żina, tal-inġustizzja. Il-bniedem li jidħol f’diżunità interjuri, f’kunflitt interjuri bejn dak li hu tal-ispirtu u dak li hu tal-ġisem. San Pawl fissru tajjeb dan meta kiteb fl-Ittra lir-Rumani, ‘M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx’ (Rum 7:19).
X’kuntrast bejn din l-esperjenza ta’ San Pawl u tal-esperjenza tal-Verġni Marija li, quddiem it-Tħabbira tal-Anġlu, hija, minkejja li ma tifhimx x’jgħidilha, turi lilha nfisha l-aktar ħielsa, l-aktar umana, l-aktar libera: ‘Ara ħa jsir minni skont kelmtek.’ Hawn hi l-opra tal-grazzja fil-bniedem. Bl-intervent tiegħu fil-ħajja tal-Verġni Marija Alla ma jkissirx il-libertà tagħha. Anzi l-Verġni Marija hija l-ħolqien li fih l-aktar li nilmħu l-grazzja bħala prinċipju li jumanizza l-bniedem u mhux ikissru. Hija l-mimlija bil-grazzja, hija li fit-Tnissil tagħha rċeviet umanità fis-sħuħija tagħha, fil-grazzja oriġinali. Hija l-aktar bniedem ħieles. Kemm kellha raġun Santa Katerina ta’ Siena meta f’waħda mit-talbiet tagħha kitbet, ‘Fik, o Marija, il-qawwa umana u l-libertà tagħna llum huma murija.’[7]
U allura fl-aħħar fil-Verġni Marija, f’din l-Omm tal-Grazzja, naraw iżżernaq quddiemna l-vokazzjoni tal-Knisja quddiem l-isfidi tas-sekulariżmu tal-seklu 21. Fil-Verġni Marija fl-aħħar naraw id-drama taż-żmienna jinbidlu fid-drama tal-grazzja. Is-sekulariżmu modern mhuwiex is-sejħa għall-irtirata tal-Knisja iżda huwa l-opportunità l-ġdida għall-missjoni Evanġelika. Id-drama tal-grazzja hija l-laqgħa tal-qdusija intrinsika tal-Knisja, indipendentament mill-qdusija morali tal-ministru jew tal-membri tagħha, mas-sekularità tad-dinja. Il-Knisja, kif tgħidilna l-Lumen Gentium, ‘diġà fid-dinja hija mmarkata minn qdusija li hija reali għalkemm imperfetta.’[8]U għalhekk il-Knisja, bħal Verġni Marija, l-Omma tal-Grazzja, jeħtieġ li tinżel fid-drama ta’ żmienna, fil-qasma miftuħa beraħ bejn il-kultura u l-Evanġelju biex hemm, propju hemm fid-drama ta’ żmienna twelled il-grazzja, iġġib it-trasformazzjoni tad-dinja, tal-bniedem u tas-soċjetà tiegħu. Il-Knisja ssib fis-sekularità tad-dinja kumplimentarità għall-qdusija tagħha. Il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Christifideles laici kellu raġuni jgħid,
L-oqsma kollha tal-ħajja sekulari jidħlu fil-pjan ta’ Alla, li jridhom ikunu ‘postijiet fil-ġrajja tad-dinja’ li fihom tidher u sseħħ l-imħabba ta’ Kristu għall-glorja tal-Missier u għall-qadi tal-aħwa.[9]
Iva, hija l-Knisja li, anke jekk kultant miġrugħa mid-dnubiet tal-membri tagħha stess, għandha tkun il-vuċi profetika li tumanizza l-bniedem fis-seklu tagħna għaliex kif tgħidilna l-Gaudium et Spes, tal-Konċilju Vatikan II, hija biss il-Knisja li
[F]id-dawl tat-tagħlim tar-rivelazzjoni ta’ Alla, tista’ [twieġeb għad-diffikultajiet ta’ x’inhu l-bniedem] u tagħti tweġiba li turi tassew il-kondizzjoni tal-bniedem, tagħti raġuni għall-miżerji tiegħu, u fl-istess ħin tgħinu jagħraf sewwa d-dinjità u s-sejħa tiegħu.[10]
Hija l-Knisja li fid-dawl tal-misteru ta’ Alla Trinità ta’ Mħabba ħallieqa tikxef li fil-qalba tal-ħolqien mhemmx mekkaniżmu materjali kiesaħ li għandu jiġi immanipulat u sfruttat iżda hemm ekoloġija ta’ mħabba li titlob rispett u amministrazzjoni għaqlija tar-riżorsi tiegħu. Hija l-Knisja li fid-dawl tal-misteru tal-Inkarnazzjoni tagħraf lill-bniedem bħala l-uniku ħolqien li huwa skop fih innifsu b’dinjità inaljenabbli li toħroġ mill-istess ħajja organika li tibda mit-tnissil u tintemm mal-mewt. Huwa f’dan is-sens li l-Knisja bil-vuċi profetika tagħha waqqaf id-diżumanizzazzjoni tal-persuna umana fil-ġuf, li ma ssirx oġġett tal-esperimentazzjoni ġenetika jew ċelloli li jistgħu jiġu abortiti f’isem il-jedd suprem tal-rieda tal-omm. Huwa f’dan is-sens li l-Knisja ma tqisx id-dinjità tal-pazjent, il-marid, il-muġugħ skont il-vijabbiltà mediċinali u klinika. Hija l-Knisja li fid-dawl tal-misteru tagħha bħala l-ġisem mistiku ta’ Kristu, fejn kull membru jikkontribwixxi għall-perfezzjoni tal-ġisem kull wieħed skont il-ġmiel u d-doni tiegħu, iżżomm quddiem għajnejn il-gvernijiet u l-mexxejja tal-popli li s-soċjetà u l-istituzzjonijiet tagħna huma mibnija għall-ħarsien tal-ġid komuni u mhux biex dawk l-aktar vulnerabbli, l-emarġinati, l-anzjani, it-tfal, il-familji tagħna jispiċċaw oġġett strumentalizzat għall-affluwenza tas-suq, għas-sopravivenza politika, għall-ħażna tad-data mibjugħa fis-swieq diġitali u sfruttata għall-profitt ta’ kumpaniji multinternazzjonali.
Mhux talli l-Knisja ma fadlilhiex post fis-sekulariżmu ta’ żminijietna iżda talli l-vuċi tagħha hija indispensabbli għad-drama ta’ żmienna, kif fakkarna riċentament il-Papa Ljun fl-Enċiklika Magnifica Humanitas.
B’hekk biss dik il-kuruna dehbiena fuq ras il-Madonna tal-Grazzja, dik il-warda f’riġlejha fl-aħħar tista’ ssir tabilħaqq sinjal awtentiku tal-imħabba tal-poplu tagħna, imfisser mill-Knisja. U jekk dan it-tiġdid tal-Knisja jibda minn hawn, minn qalb dan il-poplu tal-Madonna tal-Grazzja, din il-Belt ikun jistħoqqilha tabilħaqq li tissejjaħ Gratiosa Citta, kif mar isemmiha l-Gran Mastru Ferdinand de Hompesch fl-14 ta’ Settembru 1797. Jekk it-tiġdid tal-Knisja jibda minn hawn, kemm ikollhom raġun missirijietna li fuq il-bieb ta’ dan it-tempju sbejjaħ, tal-arikitett ċelebri Malti Tumas Dingli, iddedikat lill-Omm Fawwara tal-Grazzja, marru jnaqqxu l-kliem Dabo gratiam populi huic (Nagħti l-grazzja lil dan il-Poplu). Jalla l-Verġni Marija s-Sultana Inkurunata ta’ din il-Belt Hompesch minn hawn ixxerred il-grazzja lill-Poplu tagħna.
Għalhekk il-kwadru titulari mirakoluż, ta’ Alessio Erardi ġie inkurunat 75 sena ilu. Għalhekk dan il-poplu Marjana poġġa dik il-warda f’riġlejn il-Verġni Marija din is-sena. U għalhekk li darbtejn matul mixjietek ja sena dan il-poplu joħroġ bi ħġaru biex iġedded imħabbtu lejn il-Madonna tal-Grazzja, kull meta x-xbieha tant għażiża li Marjanu Gerada ħalla f’din il-parroċċa fl-1797, toħroġ itterraq fit-toroq ta’ dan l-imkejjen tal-Madonna; torħoġ ixxerred il-fwieħa tal-grazzja fuq l-għetiebi ta’ djarna, f’kull rokna ta’ din il-Belt, f’kull dar fejn hemm il-paċi, fejn hemm is-saram, f’kull dar fejn hemm in-niket tal-mard, fejn hemm id-diqa tal-mewt, fejn hemm l-uġigħ tat-tradiment jew tal-vizzji.
Hija u tterraq fit-toroq tagħna, din ix-xbieha, nerġgħu niftakru kif il-Madonna tal-Grazzja qatt ma ħalliet il-poplu tagħna waħdu. Sal-ġebel ta’ djarna jixhdu kif il-Madonna tal-Grazzja kienet ma’ missirijietna fiż-żminijiet iebsa tal-Imblokk tal-Franċiżi, f’dik it-taqbida ħarsa tal-5 t’Ottubru 1798, meta l-poplu ta’ Ħaż-Żabbar wera ħila kbira kontra l-Franċiżi. Għalhekk iż-Żabbarin, b’tifkira ta’ dik ir-rebħa straordinarja fuq l-aktar setgħa qawwija fl-Ewropa ta’ dak iż-żmien, ħallew xbieha sbejħa ta’ Marjanu Gerada li timmarka l-post fejn niesna ssieltu sider ma’ sider mal-għadu. Hija u tterraq fit-toroq tagħna, din ix-xbieha, nerġgħu niftakru kif il-Madonna tal-Grazzja kienet mal-poplu tagħna fiż-żmienijiet imwiegħra tal-Gwerra, fir-traġedja tal-ajru tal-1975.
U għalhekk minn qalbna Madonna, Ave iva Ave gratia plena:
Is-Sliem għalik Bint l-Etern Missier Alla
Is-Sliem għalik, Omm Ġesù fix-Xbubija
Is-Sliem għalik, Għarus ruħ il-qdusija
Fik il-qawwa ta’ driegħ il-Ħallieq.
Agħti o Fawwara tal-Grazzja l-għajnuna lit-tfal, iż-żgħażagħ, il-familji, l-anzjani, dawk li huma waħidhom u lil dawk kollha li jgħammru għad-dell ta’ dan il-maqdes tiegħek. Agħti o Fwieħ tal-Grazzja l-faraġ lil kull min jiġi hawn f’riġlek jitolbok bil-ħrara. Agħti o Nixxiegħa għammiqa tal-Grazzja l-għajnuna tat-talb tiegħek lil dawk iż-Żabbarin li tant ħabbewk f’ħajjithom, li rrikorrew f’riġlejk, li ħadmu għall-ġieħ u s-sebħ tat-tempju tiegħek, dawk iż-Żabbarin li mhumiex iżjed f’dan il-wied tad-dmugħ, newlilhom int kollok ħlewwa driegħ setgħan, wassalhom għand Kristu bl-għajnuna tiegħek.
U aħna npoġġulek, o Żina ta’ qalbna, dan is-seklu tagħna. Inpoġġulek dawn in-nies tagħna, inpoġġulek lil Malta tagħna sabiex id-drama ta’ żmienna tittrasformaha int fis-saltna tal-grazzja b’ħalibek frisk.
O oħroġ Madonna sbejħa. O tfaċċa bħas-Sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir, ħierġa minn kamartha għas-Sultan tagħha. Aħna nilqgħuk sakemm l-aħħar nifs jitliegħeb f’sidirna, sakemm l-aħħar sħana ta’ demmna tiġri f’ġisimna, sakemm l-aħħar demgħa tixtered sħuna tfawwar minn għajnejna.
U int ja poplu ta’ Ħaż-Żabbar, waslet s-siegħa tiegħek sabiex quddiem il-Knisja kollha ġġedded imħabbtek lejn din l-Omm tal-Grazzja. Waslet is-siegħa tiegħek ja poplu ta’ Ħaż-Żabbar sabiex quddiem Malta ġġedded tamitek fl-Għamara ta’ kull grazzja. Walset is-siegħa tiegħek ja poplu ta’ Ħaż-Żabbar biex tqum quddiem id-dinja kollha, tqum bilwieqfa u minn qalbek tistqarr b’fommok il-kebsa li tfissret f’kuruna u tgħid:
Sliema għalik Marija bil-grazzja mimlija l-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesù. Qaddisa Marija Omma Alla, itlob għalina midinbin issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ammen. Hallelujah.
Viva l-Omm Inkurunata!
Viva x-Xemx ta’ Settembru!
Viva l-Madonna tal-Grazzja!
[1] Pius XII, Ad Caeli Regina (1954), 33.
[2] ‘Praenotanda’ f’Ordo coronandi imaginem Beatae Mariae Virginis (Typis Vaticanis, 2005), 5.
[3] Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 20.
[4] Ludwig Feuerbach, The Essence of Christianity, I § 2 [25].
[5] Karl Marx, A Contribution to the Critique of Hegel’s Philosophy of Right.
[6] San Anselmu, Cur Deus Homo, I.9.
[7] St. Catherine of Siena, Prayer 18, Prayers, 192-193.
[8] Lumen Gentium, 48.
[9] Christifideles Laici, 59.
[10] Gaudium et Spes, 12.
