Lourdes: Il-post tat-talb u t-tama (9)

150,000 persuna rreġistraw biex jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Papa f’Lourdes

Michael Caruana

Xahar qabel iż-żjara tal-Papa Ljun XIV f’Lourdes, is-Santwarju kellu jagħlaq ir-reġistrazzjoni biex gruppi u individwi jkunu jistgħu jipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjonijet preseduti mill-Papa f’Lourdes is-Sibt, 26 u l-Ħadd, 27 ta’ Settembru. Dan tħabbar mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tas-Santwarju kmieni wara nofsinhar tal-Ġimgħa, 28 ta’ Awwissu.

F’komunikat intqal li “minħabba l-folla kbira ħafna mistennija u biex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-merħba tal-viżitaturi lill-Papa, is-sigurtà u l-organizzazzjoni, is-Santwarju laħaq il-kapaċità massima tiegħu.

“150,000 persuna se jinġabru biex jitolbu mal-Papa fis-Santwarju. Miljuni oħra se jingħaqdu magħhom permezz tat-televiżjoni u r-radju”, qal l-Uffiċċju Komunikazzjoni.

Dawk l-individwi jew gruppi li rreġistraw qabel dik id-data għadhom ir-reġistrazzjoni tagħhom assigurata u ma jistgħux jimmodifikawha aktar. Dawn l-indivdwi u gruppi qed jirċievu email mis-Santwarju bil-permess tad-dħul li jrid jiġi ppreżentat f’waħda mill-entraturi tas-Santwarju minn fejn imbagħad isibu posthom fil-Prairie jew fl-Esplanade.

Sejħa biex individwi, familji u gruppi jirreġistraw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Papa fis-Santwarju nħarġet fl-10 ta’ Awwissu. Dakinhar is-Santwarju rrakkomanda lil kulħadd biex jirreġistra l-parteċipazzjoni tiegħu għax dan jagħmilha possibbli lilu li jiffaċilità s-sehem ta’ kulħadd għall-Quddiesa u t-talba tar-Rużarju.

Il-programm tal-Papa Ljun f’Lourdes              

Aktar qabel l-Uffiċċju Komunikazzjoni tas-Santwarju ħabbar il-programm tal-Papa f’Lourdes fejn hu mistenni jasal is-Sibt 26 ta’ Settembru ftit wara s-sebgħa ta’ filgħaxija. Qabel il-Papa se jkun żar il-kapitali Franċiża, Pariġi.

Mill-ajruport ta’ Tarbes-Lourdes-Pirinej il-Papa jibqa’ sejjer is-Santwarju fejn se jattendi għat-talba tar-Rużarju fl-Għar fejn dehret il-Madonna.

L-għada l-Ħadd il-Papa Ljun XIV jibda bl-ewwel appuntament tiegħu b’laqgħa mal-Konferenza tal-Isqfijiet Franċiżi fl-Awditorju Santa Bernadette fid-9am u sagħtejn wara jikkonċlebra l-Quddiesa tal-Ħadd fil-Prairie li tintemm bit-talba tal-Angelus f’nofsinhar.

Fit-3.30pm il-Papa se jkollu laqgħa mal-voluntiera, l-opitalieri u l-morda f’Accueil Notre-Dame. Fid-9pm il-Papa Ljun XIV se jieħu sehem fit-talba tar-Rużarju u l-purċissjoni bix-xemgħa fl-Esplanade li jintemmu b’diskors tal-aħħar minnu.

Minn Lourdes il-Papa sejjer f’Metz fi Franza stess.

Għar-raġunijiet familjari marbuta ma’ saħħa ma aċċettajtx stedina li saritli minn aġenzija ewlenija biex immexxi l-grupp li qed torganizza. Kont mexxejt grupp kbir għaż-żjara kollha tal-Papa Benedittu XVI u ieħor iżgħar għall-aħħar parti tat-tieni żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II.  

Is-Santwarju jipprepara biex jilqa’ lill-Papa

Il-Papa Ljun XIV se jidħol mill-bibien tas-Santwarju ta’ Lourdes 18-il sena wara l-Papa Benedittu XVI. L-eċċitament fis-Santwarju qed jidher u jinħass sewwa u ħafna huma ħerqana biex jingħaqdu mas-suċċessur ta’ Pietru fil-Quddiesa u fit-talba tar-Rużarju.

Mill-kamra tal-ħjata fejn Sour Martha qed tagħmel b’mod kwiet il-libsa liturġika li se jilbes il-Papa  (ritratt 1), sal-workshop fejn salib kbir għall-podju qed jieħu l-forma gradwalment (ritratt 2) u l-ispazju madwar is-Santwarju li qed jiġi mgħammar għall-avveniment… kulħadd hu ħerqana mhux biss biex jilqa’ lill-Papa, iżda wkoll 150,000 persuna li rreġistraw li se jattendu fiżikament għall-attivitajiet.

Parteċipazzjoni akbar mis-soltu għall-festa ta’ Santa Marija

 ll-pellegrini li kienu Lourdes għall-Festa ta’ Santa Marija, fil-15 ta’ Awwissu li għadda, kienu ferm u ferm akbar mill-pellegrini preżenti fis-snin li għaddew kif jixhed ir-ritratt tal-folla (ritratt 3) li attendiet għat-talba tar-Rużarju u l-purċissjoni bix-xemgħa dakinhar stess filgħaxija.

Din is-sena, il-festa ta’ Santa Marija kellha sinifikat speċjali għax ftit ġimgħat wara l-Papa Ljun XIV se jkun qed iżur Lourdes. “Iż-żjara tiegħu hi barka għas-Santwarju tagħna, iżda wkoll sfida kbira”, ġie kkwotat jgħid ir-Rettur tas-Santwarju. Hu żied li “hekk kif qed nippreparaw biex nilqgħu lis-Suċċessur ta’ Pietru, fost l-istennija u x-xogħol ta’ preparazzjoni li qed isir, il-ħajja ta’ kuljum fis-Santwarju trid tkompli. Il-festa ta’ Santa Marija wriet dan.

“Eluf ta’ pellegrini se jkomplu jiġu fl-Għar jitolbu u jirriflettu. L-istess se jkompli jagħmlu ħafna wara ż-żjara tal-Papa u l-isfida tagħna hi li nżommu din l-attività ta’ kuljum għaddejja – dak li jagħmel lil Lourdes daqshekk speċjali – billi niżguraw li kulħadd iħossu milqugħ minkejja d-domandi loġistiċi u finanzjarji eċċezzjonali li ġġib magħha ż-żjara tal-Papa.

“Kull post miftuħ, kull ċelebrazzjoni, kull ġest ta’ merħba jeħtieġ riżorsi umani u materjali.

Illum, nistedinkom tappoġġjaw din il-missjoni permezz tat-talb tagħkom u, jekk tistgħu, billi tagħmlu donazzjoni li

tippermetti li s-Santwarju jilqa’ lill-aktar nies vulnerabbli speċjalment lil dawk morda; li jiżgura li ċ-chaplains, l-ospitalieri, il-voluntiera u l-istaff jappoġġjaw lill-pellegrini; li jżomm il-postijiet ta’ qima adattati u aċċessibbli għal kulħadd; li jippermetti li l-pellegrini kuljum jesperjenzaw il-ġesti u r-ritwali ta’ Lourdes, jersqu eqreb lejn il-Madonna u jxandru l-messaġġ ta’ Lourdes lil dawk li ma jistgħux imorru Lourdes.

“Grazzi għat-talb u għall-ġenerożità tagħkom”, temm ir-Rettur.

Kandelabru uniku fl-Għar

Il-kandelabrum kbir, karatteristika ikonika tal-Għar, hu ex-voto li ngħata lis-Santwarju wara fejqan attribwit għall-ilma mirakoluż.

Fl-1873, il-ġuvni Pierre Carassus, li kien marid serjament u ma setax jimxi aktar, reġa’ beda juża saqajh bħal qabel wara li xorob mill-ilma mirakoluż u ħasel irkopptu bih. B’ringrazzjament, missieru Vincent, ħadem f’fabbrika f’Tarbes kandelabru kbir u rregalah bħala ringrazzjament lis-Santwarju. Minnufih il-kandelabru sab postu fl-Għar fejn għadhu sal-lum. Pierre kien l-ewwel li xegħel xemgħa fuqu.

Dan il-kandelabru, li għadna naraw wieqaf sal-lum (ritratt 4), imur lura għall-1874 u jista’ jżomm 95 xemgħa.

Il-Familja Ommna ta’ Lourdes iċċelebrat l-għaxar anniversarju

 Fit-22 ta’ Awwissu, il-festa ta’ Marija Reġina tas-Sema, membri tal-Familja Ommna ta’ Lourdes iċċelebraw l-għaxar anniversarju tal-kontinwazzjoni tal-Arċikonfraternità tal-Immakulata Kunċizzjoni li ġiet stabbilita kanonikament fis-Santwarju fit-8 ta’ Diċembru 1872.

Il-komunità f’Lourdes kienet magħquda fit-talb mal-membri tal-Familja Ommna ta’ Lourdes madwar id-dinja. Din iċ-ċelebrazzjoni ħadet sinifikat speċjali bil-preżenza tar-relikwi ta’ Santa Bernadette li ttieħdu minn Lourdes għal pellegrinaġġ fl-Istati Uniti li beda l-Ġimgħa 18 ta’ Settembru.

Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni tas-Santwarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading