Lectio Divina tas-26 Ħadd. Sena “A”

Vanġelu (Matt: 21. 28-32):  Xi wħud minna forsi ġieli saqsew did-domanda: “In-nies li laħqu ċerta popolarita’ u suċċess fil-films, fuq il-palk, fil-politika, fl-isports, eċċ, x’jiġrilhom meta jkunu waħedhom ‘il bogħod mill-fotografi tal-gazzetti?  Tgħid isaqsu x’sens fiha l-ħajja li qed jgħixu u l-għażliet li qed jagħmlu?  Jekk hux qed jibnu ħajja umana, jew qed jaħlu ħajjithom fil-frugħat?”  Il-vanġelu tal-lum ukoll jibda b’mistoqsija li Ġesu` jagħmel mhux biss lin-nies ta’ suċċess imma lilna lkoll.  Forsi xi wħud minna ngħaddu jum wara l-ieħor mehdijin fuq ix-xogħol u d-divertiment tal-ġurnata, u rari nieqfu ftit biex naħsbu fuq l-għażliet li qed nagħmlu.  Dawn qed nagħmluhom skont l-Ispirtu t’Alla jew xi spirtu ta’ qerq, egoiżmu, u inklinat lejn rgħiba kattiva?  Għandna mnejn inwaħħlu fiċ-ċirkustanzi u hekk niġġustifikaw dan l-għemil.

  1. Fis-silta tal-lum Ġesu` qed isaqsina: “Inthom x’jidhrilkom?  Mhux ta’ min jieqaf ftit fil-kwiet,  jeżamina u jiddixerni dan l-għemil?”  Anki San Franġisk, quddiem il-Papa Innoċenz III, saqsieh:  “Int x’jidhirlek mill-Knisja li waslet biex tiġġarraf?  X’hemm bżonn isir biex dan ma jseħħx?”  Per eżempju, xi wħud imorru l-Quddies u jieħdu pjaċir bl-organizzazzjoni tal-Liturġija.  Imma jieqfu hemm, u qajla jirrispondu għall-għajta ta’ tant ħutna fil-bżonn ta’ ikel, ilma nadif, mediċini, eċċ, jew dawk itturufnati għax pajjiżhom maħkum mit-terroristi.  Jew x’jidhirlek int meta xi ħadd jiġbidlek l-attenzjoni li mhux qed tgħix skond kif qed tippriedka?  Jew kif qed tħares lejn min jiżbalja?  U għaliex Ġesu` kien iħossu aktar komdu ma’ dawk ikkunsidrati ‘il bogħod minn Alla minn dawk li kienu jqisu lilhom infushom viċin t’Alla?  Jew għaliex xi wħud jagħmlu ċerti stqarrijiet ambigwi  fuq il-fidi?  Dawn għandhom l-għan li jmexxu ‘l quddiem il-fidi f’Alla jew f’xi alla idolu?  Biex taċċetta lil Kristu f’ħajtek jirrikjedi li ta’ spiss tieqaf ftit u ssaqsi dawn id-domandi.  Inkella tikkuntenta bil-fatt li twelidt Nisrani, tidħol f’rutina u tieħu l-bqija ‘for granted’.  Il-fidi hi ħaġa ħajja.  Bħal kull ħaġa oħra ħajja, jekk ma tikbirx, timrad u tmut.  Għalhekk illum Ġesu` qed jgħidilna biex niċċalenġjaw il-fidi tagħna billi nsaqsu domandi bħal dawn.  B’hekk insiru konxji li l-fidi tagħna qed nibbażawha fuq għażla friska ta’ kuljum. 
  2. “Wieħed raġel kellu żewġ ulied.”  Ir-Rabbini wkoll kienu jgħidu xi storja biex jgħallmu n-nies.  Meta din kienet tibda “Wieħed missier…”  kulħadd kien jifhem li qed jgħidu għal Alla.  Imma r-Rabbini kienu jkomplu li dal-missier kellu tifel wieħed: Israel (il-poplu magħżul).  Għalhekk, meta semgħu lil Ġesu` li dal-missier kellu żewġ ulied, aktar waqqfu widnejhom biex jaraw biex kien ħiereġ.  Ġesu` juża l-parabbola tal-lum biex jgħinna nsaqsu aktar domandi.  Iressaq quddiemna żewġ ulied li ma jġibux ruħhom l-istess mal-missier.  It-tnejn huma uliedu u f’għajnejh, jagħmlu x’jagħmlu, xorta se jibqgħu uliedu.  “Resaq lejn il-kbir u qallu: Ibni, illum mur aħdem fl-għalqa tad-dwieli.”  Il-kliem “resaq” u “Ibni” jindikaw li l-missier kellmu bil-ħlewwa.  Aktarx l-għalqa ma kinitx kbira.  Biżżejjed biex jaħdmuha tal-familja. “Ibni, mur aħdem fl-għalqa tagħna, ħalli jkollna biżżejjed għeneb biex nagħmlu l-inbid li jferraħ il-familja kollha.”  Ġesu` jistieden lilek ukoll biex ILLUM taħdem fil-Knisja Tiegħu, biex ixxerred il-Vanġelu li jġib imħabba u ferħ fil-familja Nisranija.  Dan hu xogħol impenjattiv ħafna u forsi ta’ min jaqta’ qalbu minnu.  Għalhekk ir-rejazzjoni istintiva tal-ewwel għandu mnejn tkun: “Ma rridx!”  Din hi tweġiba spontanja li toħroġ minna mweldin fid-dnub tan-nisel u nklinati lejn l-għażż u l-egoiżmu.  “Ħafna drabi nsibu ruħna nagħmlu dak li ma rridux nagħmlu” (San Pawl).  Imma ftit ftit, wieħed jibda jirrejalizza li din mhix il-ħajja vera li jixtieq minna Ġesu`.  U allura nagħmlu bħat-tifel il-kbir tal-parabbola: inbiddlu l-fehma u ninpenjaw ruħna kemm nistgħu.  Din hi l-vera liberta’. Mhux dik li nagħmel li rrid, imma li b’għajnejja miftuħin beraħ u naf x’biħsiebni nagħmel, nikkommetti ruħi għall-proposta tal-Missier Etern, biex inxerred il-ferħ madwari.  Mhux it-taparsi ferħ li jista’ jtuk ix-xorb, droga, suċċess, logħob, eċċ, imma l-veru ferħ, sinċier u li jibqa’. 
  3. “Resaq fuq l-ieħor  u qallu l-istess.”  Dan bil-kemm ħallih jispiċċa, u wieġeb fil-pront: “Arani sejjer.”  U ma mar xejn.  Dan juri li dan l-iben ma qgħadx jaħseb ftit x’jinvolvi li taħdem fl-għalqa, x’impenn jirrikjedi u x’se jkun ir-riżultat tal-ħidma tiegħu.  Ma fehem xejn minn dan kollu.  Bħal Pietru meta stqarr li Ġesu` hu l-Messija.  Kif Ġesu` qallu xi tfisser tkun il-Messija, u kemm kellu jbati, Pietru lumu u qallu: “Dan ma jkun qatt.  Il-Messija mhux kif qed tgħid int imma kif għallmuni r-Rabbini.”
  4. Ġesu` jkompli b’domanda oħra (li qed jagħmel lilna wkoll):  “Min minnhom it-tnejn għamel ir-rieda tal-missier?”  Hawn min jisħaq: “Ara tneħħu l-kurċifiss mill-klassijiet!” Imma mbagħad faċli jqasqsu. jigdbu u jkunu nfidili lejn żwieġhom.  Oħrajn imorru wara d-duluri imma mhux il-Quddiesa tal-Ħadd; jew kuntenti li tgħammdu, żżewġu bil-Knisja, għammdu l-uliedhom u daqshekk.  It-tieni iben tal-parabbola jirrapreżenta dawn it-tipi ta’ nies li jużaw ir-reliġjożita biex isikktu l-kuxjenza u jsalvaw l-apparenza. Dan l-iben jiftħilna għajnejna li mhux biżżejjed ngħidu “Iva”  bil-kliem biss imma li din l-“iva” nsarrfuha fil-fatti.  Hawn min jaqsam l-Insara fi tnejn: dawk bħall-ewwel iben, u dawk bħat-tieni.  Huma mbagħad iqisu lilhom infushom bħat-“tielet iben”, i.e dak li jgħid iva u jmur jaħdem fl-għalqa.  Ġesu` lil dawn qed jgħid: “Int x’jidhirlek? Mhux aħjar issaqsi lilek innifsek dawn il-mistoqsijiet  biex tara f’hiex int, bl-umilta’ kollha?”   
  5. “…il-pubblikani u n-nisa tat-triq jaslu qabilkom fis-Saltna t’Alla.”  Mhux qed jgħid għall-Ġenna.  Dawn in-nies m’għandhomx it-tagħlim u l-prużunzjoni tax-xjuħ tal-poplu u l-qassisin il-kbar.  Allura fis-sempliċita’ tagħhom Ġesu` qed jgħid li se jaslu qabel l-oħrajn biex jifhmu l-proposta ta’ Kristu għall-bniedem il-ġdid, u se jibdew jgħixuha issa,  minn did-dinja, qabel il-kbarat tal-Lhud. 

Sors:  laciesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellinil

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading