Adorazzjoni. 27 Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Ġesù, int għidtilna: “Ejjew miegħi intom biss waħedkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit” (Mk 6,31). Dan hu li qegħdin nagħmlu bħalissa, Mulej. Tlaqna kollox, u ġejna hawn nistrieħu ftit ħdejk. Aħna nemmnu Mulej, li Int tagħtina dan il-mistrieħ tal-qalb u tal-moħħ li lkoll neħtieġu.         (3 sek pawsa)

Għax kont Int stess li għidtilna: “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma qawwu qalbkom, għax jien irbaħt id-dinja!” (Ġw 16,33). U għalhekk, aħna nersqu quddiemek biex inqawwu qlubna bil-paċi tiegħek. Aħna ċerti, Mulej, li Int qatt ma tidħak bina, u li tagħtina l-kuraġġ biex ngħixu f’dan it-taħbit tad-dinja. Wara kollox, inti stess għidtilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11,28). U min minna mhux mgħobbi bis-slaleb u bil-problemi tal-ħajja?       (3 sek pawsa)

U jekk ma niġux għandek, Mulej, għand min tridna mmorru?     (5 sek pawsa)

Mela għalhekk qegħdin hawn illejla, miġburin f’ismek bħala familja waħda, u qalb waħda, taħt il-ħarsien ta’ Ommok Marija, għax int għidtilna: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi, hemm jien inkun f’nofshom” (Mt 18,20).

Silenzju      
3min.                  

Innu: ___________________________

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                                         Mt 21, 33-43

F’dak iż-żmien Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.

Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu”, qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu”.

Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’?

Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1 min

Jgħidu li l-imħabba titpatta b’imħabba. Iżda mhux dejjem. Mhux kulħadd juri gratitudni.

L-għalqa tad-dwieli tagħmel sens, jekk tagħti l-frott. Jekk ma tagħtix frott, ma tkun tiswa għal xejn. F’din is-silta, qed naraw din l-għalqa tad-dwieli, li hija s-simbolu tal-imħabba u l-għożża li Alla għandu għall-poplu tiegħu, imma li ma tagħtix il-frott. L-infedeltà tal-poplu li ma jweġibx bl-imħabba, għall-istess imħabba tremenda li Alla l-Missier għandu għalina.     (5 sek pawsa)

O Alla, frott l-imħabba tiegħek, tul is-snin Inti bagħat lill-Profeti biex iwiddbu lill-poplu li kien fid-dnub u jħeġġuh għall-konverżjoni, biex idur lejk u jerġa’ jitħabbeb miegħek. Iżda minflok, il-poplu dar kontra n-nies li bagħat Int, saħansittra ħaduha kontra Ibnek l-għażiż, li spiċċa rifjutat u maqtul.   (3 sek pawsa)

U kif għamilt mal-poplu tiegħek, o Sinjur, hekk għadek tagħmel magħna llum: tibgħat nies f’ħajjitna biex jgħinuna ħalli ħajjitna tagħmel il-frott. Kultant nirrealizzaw u nintebħu bihom, kultant le; ġieli jgħaddi ż-żmien u nindunaw kemm nies għenuna u kienu don ta’ Alla f’ħajjitna. Ejjew f’dan il-mument nirringrazzjaw lil Alla, ta’ dawn in-nies li laqqana magħhom, u li kienu ta’ għajnuna għalina kemm fil-ħajja spiritwali kif ukoll dik naturali.

Silenzju
2 min  

Sinjur Alla, Int hekk ħabbejtna, li tajtna lil Ibnek Ġesù, biex permezz tiegħu ħriġtna mill-jasar tad-dnub, u ħawwiltna fil-għalqa l-ġdida tad-dwieli tiegħek, li hi l-Knisja. Aħna tant għeżież għalik, li tajtna kollox. (3 sek pawsa)

Mulej, aħna rċivejna l-grazzja tal-fidi, l-grazzja tat-twemmin, il-grazzja li nagħrfu permezz tiegħek lil Alla veru; l-grazzja li nagħrfu u nirċievu l-imħabba tremenda li għandek għalina. U minħabba din l-imħabba, Int o Alla, tgħożżna daqs li kieku aħna l-għalqa tad-dwieli tiegħek, li hi għażiża għalik.
(5 sek pawsa)

Għax ħallejtna fil-libertà, allura l-għażla hi f’idejna. Int qatt ma timponi ruħek fuqna, imma tgħamlilna proposta mimlija mħabba. F’idejna jekk naċċettaw jew niċħdu din l-imħabba. F’idejna jekk nilqgħux jew le l-grazzja kbira li rċevejna permezz tat-twemmin. Nistgħu alla ħares qatt, nirrifjutaw l-imħabba tiegħek li tidher fi Kristu Ġesù.

Agħtina l-grazzja o Sinjur, li nkunu dejjem marbutin mad-Dielja vera, li huwa Kristu l-Mulej, biex nagħmlu l-frott li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

X’inhu dan il-frott li tixtieq minna?     (5 sek pawsa)

M’huwiex xi ħaġa kbira li tibqa’ tissemma jew li tagħmel ħafna ħoss, u lanqas il-kwantità ta’ affarijiet li nagħmlu. Int tixtieq li l-frott li nagħmlu, jkun il-ħajja ta’ mħabba li tagħtina Int, u li nistgħu ngħixuha fl-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum.  

Silenzju       2 min

Innu: _______________________

Talbiet tal-Komunitá

Inpoġġu l-fiduċja tagħna f’Alla li jista’ kollox, u nressqulu t-talbiet tagħna.

Mulej, kun mal-Knisja tiegħek, u għinnha biex ixxandar l-Aħbar it-Tajba tiegħek lill-bnedmin kollha. Nitolbu.

Mulej Alla, agħti d-dawl lil min imexxi, sabiex jifhmu lir-rwol tagħhom biex isebbħu l-għalqa tiegħek, li hi d-dinja li qed ngħixu fiha llum. Nitolbu.         

Mulej Alla, għinna nwieġbu għas-sejħat tiegħek, niftħu qalbna għalik, u ħajjitna  tkun tista’ tagħmel il-frott. Nitolbu.

Alla tas-sliem, ġib il-għaqda fil-familji mifrudin, u fil-familja tagħna l-bnedmin. Nitolbu.

Mulej, għinna biex f’ħajjitna dejjem napprezzaw il-persuni li tibgħat, li jgħinuna biex il-ħajja tagħna tkun ħajja li tagħmel il-frott. Nitolbu.

Ejjew fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.

Kant: Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading