Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. IV. Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes. 5. Il-missjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum (GS, 40-45)

LJUN XIV

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 7 ta’ Ottubru 2026

Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. IV. Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes. 5. Il-missjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum (GS, 40-45)

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Nerġgħu naqbdu r-riflessjoni tagħna fuq il-Kostituzzjoni konċiljari Gaudium et spes (GS), u llum inħarsu lejn ir-raba’ kapitlu tal-ewwel parti, iddedikat lill-missjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum. Qabelxejn il-Konċilju jfakkar li l-Knisja mhix “’il fuq” jew “maġenb” id-dinja, imma bħal imlaqqma fiha. “Mundus reconciliatus Ecclesia”, kiteb Santu Wistin (Sermo 96): il-Knisja hi d-dinja rikonċiljata ma’ Alla; aħna pellegrini fuq l-art u ma’ din id-dinja naqsmu fid-dgħufija u l-ġmiel (ara GS, 41).

Bħalma l-Iben ta’ Alla inkarna biex jagħti l-ħajja lid-dinja u jirrikonċiljaha mal-Missier, hekk il-Knisja tgħammar fid-dinja bħala sinjal tal-inkarnazzjoni ta’ Alla biex turi l-pjan tiegħu li jagħmilna lkoll uliedu f’familja kbira waħda umana. Għalhekk, il-Knisja timxi fl-istorja qalb il-ġnus u l-kulturi, u “din in-nisġa ta’ ħajja mal-poplu tgħinha tifhem dejjem aktar li l-missjoni tagħha għandha valur storiku u ġġib magħha responsabbiltà fil-konfront tal-mod kif jintisġu r-relazzjonijiet soċjali” (Ittra enċiklika Magnifica humanitas, 19).

L-ewwel missjoni tal-Knisja hi dik li tgħin lill-persuni jkunu attenti għall-mistoqsijiet profondi tal-ħajja: dawk fuq l-oriġni tagħna u d-destin tagħna, kif ukoll dawk fuq is-sens tal-imħabba u tat-tbatija (ara GS, 41). Il-loġika tal-profitt ikun xi jkun il-prezz u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni qed jirriskjaw li jeżerċitaw pressjoni żejda fuq il-persuni biex joqogħdu għal stil ta’ ħajja ċċentrat fuq il-konsum tal-ġid materjali, imma l-qalb tagħna hi magħmula biex tħares fil-għoli.

Il-Padri konċiljari jfakkruna li l-missjoni tal-Knisja sseħħ ukoll meta hi tikkontribwixxi fil-bini tal-belt ta’ din l-art. Madankollu, il-metodi tagħha u l-finalitajiet tagħha mhumiex primarjament ta’ ordni politiku, imma jikkonsistu fix-xhieda tal-fidi u tal-karità, flimkien mal-impenn b’risq il-ġustizzja, il-paċi, il-fraternità. Fil-qima lil Kristu, il-Ġust li miet għall-ħżiena, min jemmen ma jistax jaċċetta li ċ-ċkejknin u l-foqra jisfaw mgħaffġa, u lanqas dawk l-istrutturi inġusti li jipperpetwaw kundizzjonijiet ta’ dipendenza u ta’ inġustizzja. Id-Duttrina soċjali tal-Knisja torjenta l-azzjoni tal-Insara, li jikkollaboraw mal-persuni kollha ta’ rieda tajba biex jippromovu l-ġid komuni. Għalhekk, il-Knisja, “xejn ma tixtieq aktar milli sservi għall-ġid ta’ kulħadd u li tkun tista’ tiżviluppa ruħha liberament tkun xi tkun l-għamla ta’ gvern li jirrispetta l-jeddijiet fundamentali tal-persuna u tal-familja u jagħraf l-esiġenzi tal-ġid komuni” (GS, 42).

Biex twettaq b’mod effikaċi l-missjoni evanġelika tagħha hu meħtieġ li kull imgħammed iħabrek biex jikkopera mal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, biex il-fidi tiegħu tkun ħajja u tesprimi ruħha fi mġibiet koerenti. Fil-fatt, kif ifakkruna l-Padri konċiljari, id-distakk bejn fidi mistqarra u ħajja ta’ kuljum “jingħadd fost l-iżbalji l-aktar kbar ta’ żmienna” (GS, 43).

Il-Gaudium et spes issemmi b’mod partikulari (ara ibid.) il-missjoni tal-fidili lajċi, li, bil-qawwa tal-Magħmudija, huma msejħin jagħtu l-ħajja lid-dinja bl-ispirtu Nisrani u l-viżjoni tal-Vanġelu. Postijiet ewlenin ta’ din l-azzjoni, li tista’ tissejjaħ saċerdotali, huma bla dubju ta’ xejn il-familja u x-xogħol, imma din titwessa’ wkoll għal kull ambjent ta’ ħajja.

Fl-aħħar nett, il-Knisja hi dejjem attenta għal dak li jseħħ u jiżviluppa fis-soċjetà (ara GS, 44). Hi ħidma tal-Poplu kollu ta’ Alla, fuq kollox tar-ragħajja u tat-teologi, li jiddixxernu dak li fil-kulturi ta’ żmienna jixraqlu kunsiderazzjoni, waqt li jżommu dejjem bħala l-ogħla kriterju ta’ dixxerniment il-Kelma ta’ Alla u t-Tradizzjoni tal-Knisja. Dan jitlob ħsieb bilanċjat u ħieles mill-modi tal-kulturi, li jkun kapaċi jħares lejn id-dinja b’mod pożittiv u, fl-istess waqt, sod fil-ħarsien u jippreżenta l-messaġġ evanġeliku b’mod sħiħ. Fil-fatt, “żgur li mhux billi nġibu fix-xejn il-kontenuti u nnaqqsu mis-serjetà tal-esiġenzi li se nagħmlu l-Kristjaneżmu iktar attraenti” (Diskors fil-Laqgħa Plenarja tad-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni – Taqsima għall-kwistjonijiet fundamentali tal-evanġelizzazzjoni tad-dinja, 28 ta’ Mejju 2026).

Għeżież, il-Knisja, hija u timxi fl-istorja, “tfittex dan biss: li tiġi s-saltna ta’ Alla u sseħħ is-salvazzjoni tal-bnedmin kollha” (GS, 45). Dan il-għan hija tfittex fuq kollox permezz tal-qdusija personali u l-imħabba fraterna. Kiteb San Pawlu VI: “Mingħajr din il-marka ta’ qdusija, kelmitna diffiċilment tmiss qalb il-bniedem modern. Tirriskja anzi li tibqa fiergħa u bla frott” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, 76). Għalhekk, ejjew inkunu doċli għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, biex jgħinna ngħixu fil-qdusija u l-imħabba, hekk li d-dinja tista’ temmen u tittama.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading