“Kull ħin inbierek il-Mulej;
Tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
Jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
Minn kull biża’ tiegħi ħelisni.
Ħarsu lejh u wiċċkom jidi bil-ferħ.” (Salm 34) (5 sek pawsa)
Mulej Ġesù Kristu, Int tħares lejna b’imħabba bla qies u tistedinna nieħdu sehem fil-ħajja Divina tiegħek. Waqt li qed inħarsu lejk fis-Sagrament Imqaddes u nadurawk, nitolbuk iftaħ qlubna għall-misteru tal-preżenza tiegħek, u wiċċna jiddi bil-ferħ b’dak li tnissel fi qlubna. U għalhekk ir-ruħ tagħna tifraħ bil-Mulej, is-Salvatur tiegħi.
(3 sek pawsa)
Int, o Maħbub, ħejjejt ikla għalina, mhux bil-merti tagħna, iżda bil-ħniena infinita tiegħek. Agħtina l-grazzja li nneħħu kull distrazzjoni li telifna milli nħallu lilek tkun fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, li twaqqafna milli nadurawk u nħobbuk. Għinna nilbsu l-libsa tal-grazzja, u noqgħodu f’riġlejk, biex b’hekk inħalluk timliena bl-imħabba tiegħek.
Silenzju 3min
Innu: ____________________________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 22, 1-10
F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.
U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.
Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda”. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”. Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
O Ġesù, Int tajtna l-parrabbola tat-tieġ, li għalkemm għidtha lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu, biex tfehemhom xi tfisser tkun fis-Saltna ta’ Alla, imma din tgħodd għalina lkoll, b’mod speċjali llum. Meta kont qed tgħid hekk, kont qed tispjegalhom kif sfortunatament għal diversi raġunijiet, din is-sejħa sabet rifjut. (3 sek pawsa)
Fis-sala tat-tieġ tiegħek, o Sinjur, hemm post għal kulħadd. Int tistieden lil kull wieħed u waħda minna biex nilqgħuk f’ħajjitna; trid li ngħixu ħajja nisranija sabiħa; trid li tkun ċelebrazzjoni ta’ ferħ, li niċċelebraw il-ħbieberija ma’ Alla u ma’ xulxin. Li ngħixu din il-festa sabiħa ta’ mħabba. (3 sek pawsa)
Għalkemm tixtieq li kulħadd ikun parti mill-familja tiegħek, iżda Int, O Ġesù ma tisforza lil ħadd, Int tħallina fil-liberta li nagħżlu aħna, jekk nilqgħukx jew le. Huwa żgur li l-Kelma tiegħek u l-Ewkaristija jimlewlna ħajjitna bil-ferħ li Sinjur Alla biss jista’ jagħtina. Mulej, dawwalna biex ma ndurux għall-junk food jew il-loqom tal-ħobż li toffri d-dinja. Inti toffrilna l-Ħobż tal-ħajja, u faċli nagħżlu l-ġandar tal-ħnieżer.
Mulej, għinna nagħżlu lilek fuq kollox, u nkunu magħqudin miegħek, biex nieħdu sehem mill-grazzji li tagħtina ta’ kuljum; u ħajjitna tkun mimlija mħabba u ferħ li tagħtina Int.
Silenzju 2min
Meta mmorru tieġ, u naraw xi ħadd li ma jkunx liebes adattat għall-okkażjoni, jiġbed l-għajn. Hekk ġara f’din il-parrabbola, wieħed ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ. Dan il-bniedem kien xi ħadd li ried jieħu sehem, imma għamel ta’ rasu, u rrifjuta li jilbes għall-festa. Tant lis-Sid jitfgħu l-barra fid-dlam, fejn ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien.
Ma nistgħux aħna niddeċiedu x’jaqbel u x’ma jaqbilx; x’jogħġobna u x’ma jogħġobniex mill-ħajja nisranija u nagħmlu ta’ rasna. U nippretendu mbagħad li aħna parti minn din il-familja t’Alla, qisu nfittxu biss dak li jogħġobna.
(3 sek pawsa)
Ejjew nilqgħu l-istedina li qed jagħmlilna l-Mulej: biex qatt ma nagħmlu ta’ rasna, imma nagħżlu li nkunu parti mill-familja t’Alla, fejn dak li jmexxina jkun l-ispirtu ta’ mħabba vera lejn Alla u lejn l-oħrajn.
Silenzju 2min
Innu:________________________________________
Talbiet tal-Komunitá
Ejjew issa nressqu t-talbiet tagħna lil Alla, b’fiduċja kbira u fl-imħabba tiegħu għalina.
Kun Mulej mal-Knisja tiegħek, agħtiha li tkompli xxandar l-Aħbar it-Tajba tiegħek lill-bnedmin kollha. Nitolbu.
Agħtina l-grazzja, o Mulej, li aħna dejjem nilqgħu l-istedina tiegħek għall-ħbieberija miegħek, u ngħixu l-ħajja nisranija tassew bħala festa ta’ mħabba. Nitolbu.
Nitolbu Mulej għall-morda kollha biex tagħtihom is-saħħa, l-faraġ u l-għajnuna li tant jeħtieġu. Nitolbu.
Nitolbu għall-paċi fid-dinja, b’mod speċjali għal dawk li huma vittmi tal-vjolenza, tal-mibegħda, tal-qerda, tad-disprezz lejn id-dinjità tal-bniedem. Nitolbu.
Nitolbu, biex aħna dejjem ngħożżu l-ħajja f’kull waqt tagħha: mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, sat-tmiem naturali tagħha. Nitolbu.
Nitolbu għal dawk li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem, speċjalment f’dawn l-aħħar jiem, biex Int Mulej, tilqagħhom fi ħdanek u tagħti l-faraġ lill-familjari tagħhom. Nitolbu.
Ejjew fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna
Kant: Dal Misteru