Kelma mid-Delegat, Rev. Prof. Carl-Mario Sultana
Għeżież Għalliema tar-Reliġjon fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex,
Ftit tal-ġranet ilu erġajna komplejna bil-ħidma tagħna fl-iskejjel wara l-waqfa tas-sajf. Dan ma jfissirx li fis-sajf ma ppreparajniex ruħna għal dan il-mument, imma hu żgur li bis-sajf u s-sħana li kienet l-inqas ħaġa li jkollna fuq moħħna hija l-ħidma tat-tagħlim tar-Reliġjon fl-iskejjel. Dan għaliex ċertu bidliet li aħna nagħmlu ma niddeċiduhomx mil-lum għall-għada imma jieħdu ħafna żmien jinħmew f’moħħna biex fl-aħħar ikollna prodott ferm aħjar.

Issa li erġajna bdejna fir-rutina ta’ kuljum, wasal iż-żmien biex dak li nkunu ħsibna tant fuqu nwettquh, jew inkella nippruvawh u naraw jekk jiġix aċċettat b’mod aħjar mill-istudenti. Jiena nemmen li bil-bżuljia u bil-professjonalità tagħkom bħala Għalliema tar-Reliġjon żgur li se jkollkom riżultati pożittivi. Imma aħna wkoll umani u rridu nżommu saqajna mal-art għax ġieli jiġrilna li naħdmu u nistinkaw, imma dak li nkunu ppreparajna ma jolqotx lill-istudenti tagħna. Dan ma għandux jaqtgħalna qalbna, anzi għandna nitlew bil-kuraġġ biex insibu soluzzjoni aħjar, u li tkun tajba u aċċettabbli għall-istudenti tagħna.
Hu b’dan il-mod li aħna wkoll nikbru bħala Għalliema tar-Reliġjon: billi nippruvaw aħna wkoll naqraw is-sinjali taż-żminijiet u l-bżonnijiet tal-istudenti tagħna, u nbiddlu u nakkomodaw kemm jista’ jkun. Meta nkunu qed nagħmlu dan inkunu qed nixbħu lill-akbar Għalliem u mudell tagħna – Ġesù – li tkellem u għamel sinjali skont in-nies li kien ikollu quddiemu, imma fi ħsiebu dejjem kellu li jġib il-ħelsien – is-salvazzjoni.
Nawguralkom li bħala Għalliema tar-Reliġjon, matul din is-sena skolastika, npoġġu lil Ġesù stess bħala l-mudell tagħna ta’ kif nikkomunikaw u nwasslu lilu stess lill-istudenti tagħna. Nawguralkom ukoll li jkollkom sena skolastika tajba mimlija sodisfazzjoni li qed twasslu intom ukoll is-salvazzjoni lill-istudenti bil-mod tagħkom anki jekk hu ċkejken.
Se jsir mument ta’ riflessjoni għall-Għalliema tar-Reliġjon fi żmien l-Avvent. Id-data li fiha se ssir din l-attività hija l-Ġimgħa 11 ta’ Diċembru bejn l-4-pm u s-7pm f’Dar San Ġużepp Santa Venera. Se jkollna magħna lill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma biex jaqsam magħna ftit ħsibijiet.
Din hija attività libera għal min jixtieq. Imma nieħdu pjaċir jekk tkunu magħna. Aktar ’l quddiem se tintbagħat formola b’aktar dettalji u biex min jixtieq li jingħaqad magħna jkun jista’ javżana li ġej. Grazzi bil-quddiem.
Kompli aktar minn din il-ħarġa … https://cre.church.mt/didaskalos-5-26/