Laqgħa Mar-Realtà Soċjali Ta’ Casavalle – Tislima Tal-Qdusija Tiegħu Ljun XIV, Parroċċa ‘Nostra Signora di Guadalupe’ (Montevideo)

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ
6-17 ta’ Novembru, 2026

LAQGĦA MAR-REALTÀ SOĊJALI TA’ CASAVALLE
TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Parroċċa ‘Nostra Signora di Guadalupe’ (Montevideo)
Il-Sibt, 7 ta’ Novembru, 2026

Tislima spontanja tal-Qdusija Tiegħu lill-familji residenti f’Casavalle

Il-barka t’Alla tiġi f’ħafna forom. Illum nitolbu l-barka tiegħu fuq kull familja li hawn rappreżentata, fuq l-għeżież tagħhom, fuq il-famiji kollha li jgħixu f’dawn l-inħawi. Il-barka titkattar meta nkunu miġburin f’komunità, meta nitgħallmu naħdmu flimkien, nikkollaboraw fi proġett komuni, meta ngħidu li l-ħajja hi importanti, li l-fidi tweżinna. U għandna nkunu fidili lejn Ġesù, l-akbar ħabib tagħna.

Il-Mulej magħkom. Il-barka t’Alla li jista’ kollox, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu tinżel fuqkom. Ammen.


Diskors tal-Qdusija Tiegħu

Għeżiż ħuti, il-lejla t-tajba!

Hu ta’ pjaċir kbir għalija li nżur dil-parroċċa u dal-kwatier, indur it-triqat tiegħu u niskopri l-opri li twettqu b’tant impenn. Jien u nħares lejhom inħossni qiesni d-dar, jien u niftakar fiż-żjarat lil diversi komunitajiet meta kont ngħix fil-Perù. Irrodd ħajr lill-Karsdinal Daniel Sturla, Arċisqof ta’ Montevideo, lill-Padre Pablo Coimbra, kappillan ta’ dil-komunità, lis-Sinjura Carmen Albana Sanz, għall-kliem ta’ merħba li indirizzawli; u lilkom ilkoll għall-preżenza tagħkom hawn illum u talli ħejjejtu dil-laqgħa b’tant entużjażmu. Nixtieq irrodd ħajr b’mod partikolari lil dawk li tawna t-testimonajnzi tagħhom, billi fetħu qalbhom biex jaqsmu magħna t-trijonf tal-ħajja, tal-fidi u tat-tama. Grazzi Angelica, Alan u Kathrine.

Dil-parroċċa hi dedikata lil Ommna ta’ Guadalupe, li l-Predeċessuri tiegħi ipproklamawha “Patruna tal-Ameika Latina” u “Imperatriċi tal-kontinet Amerikan”. Din il-preżenza mimlija mħabba tal-Omm ċelesti tagħna f’dal-kontinet, tistedinna nħarsu lil hinn mir-realtà li aħna mdawrin biha, inħarsu lil hinn mill-konfini, nerfgħu ħarsitna ‘l fuq, niftħu qlubna għar-realtajiet eterni. Bl-istess mod, Marija tgħallimna nagħmlu dak li jgħidilna Binha Ġesù (cfr Ġw 2,5). Din hi l-missjoni tal-parroċċi: li jkunu fanal li juri l-preżenza ta’ Ġesù Kristu, joffru lil kulħadd id-dawl tal-Kelma t’Alla, is-sostenn bis-Sagramenti, l-għajnuna bit-talb u l-balzmu tal-karità fraterna. F’dil-komunità parrokkjali twettaq proġett ta’ bini ta’ diversi djar destinati għall-familji li jinsabu f’diffikultajiet ekonomiċi. Jien hieni li stajt nagħti kontribut għal din l-inizjattiva mill-isbaħ grazzi għall-benefatturi tal-Papal Foundation, u rroddihom ħajr sinċerament għall-ġenerożità tagħhom. Jalla dawn id-djar ikunu ferm aktar minn sempliċi saqaf għal dawn il-familji: dar vera fejn jistgħu jisseqqdu bid-dinjità, fil-paċi u t-tama, huma u jħossu dejjem il-qrubija tal-imħabba t’Alla.

Nixtieq naqsam magħkom storja li Ġesù rrakkonta lid-dixxipli tiegħu – żgur li tafuha -; qed nirreferi għal dik tas-Sammaritan it-tajjeb (cfr Lq 1,29-37). Tgħidilna li wieħed raġel “waqa’ f’idejn il-ħallelin li neżżgħuh minn kollox, darbuh u telqu ‘l hinn, u ħallewh nofsu mejjet: (v 30. Dan kien fatt verament kundannabbli u inġust. Mal-aggressjoni terribbli li sofra dar-raġel hu u miexi mat-triq, żdiedet ukoll l-indifferenza ta‘ dawk li, minkejja li rawh f’diffikultà, baqgħu sejrin (cfr vv.31-32). Iżda l-istorja ma‘ tintemmx hemmhekk; fir-rakkont jixgħel dawl ta‘ tama: Sammaritan iħossu mqanqal meta jarah, jersaq qribu, idewwilu l-ġrieħi, jieħdu fil-lukanda u joffri l-mezzi meħtieġa għall-kura tiegħu u biex jerġa‘ jikseb saħħtu (cfr vv. 33-35).

Għeżież ħuti, illum din l-istorja narawha tittenna spiss fil-bosta każi ta‘ insikurezza u vjolenza li sfortunatament jheddu l-paċi tal-kwartieri tagħna, u saħansitra l-ħajja tal-għeżież tagħna, u li t-tweġiba tas-soċjetà għal dawn is-sitwazzjonijiet hi l-indifferenza. Fl-istess ħin, nistgħu naraw il-wiċċ l-ieħor tal-midalja, jew aħjar l-għadd kbir ta‘ istituzzjonijiet u persuni ta‘ qalb tajba li jagħtu kontribut biex jippromwovu l-paċi u jgħinu n-nies jiffaċċjaw il-problemi tagħhom b’mod konkret. Eżempju mdawwal ta‘ dan hu Padre Cacho, li għaraf jibni pontijiet, iwaqqa‘ l-ħitan u jiffavorixxi d-djalogu, kif irrakkuntatilna Angelica bit-testimonjanza tagħha.

Dmirna hu li nkomplu nimitaw il-qrubija karitatevoli tas-Sammaritan it-tajjeb illi kif ra l-kundizzjoni mwiegħra ta’ ħaddieħor, ma baqax indifferenti, imma ħa ħsieb il-ħajja ta’ ħuh. Ma nistgħux nibqgħu sejrin għal triqtna meta nafu li fl-Urugwaj hemm tfal li ma jmorrux l-iskola għax jibżgħu li qatt ma jerġgħu lura lejn id-dar. Ma nistgħux irraqqdu l-kuxejnza meta nafu li hemm omm li m’għandhiex il-mezzi biex titma’ ‘l uliedha. Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li madwarna hawn nies li qed isofru, li jinsabu waħedhom u huma dgħajfa. Ħassejna dan personalment fil-kliem kommoventi ta’ Kathrine. Iben dal-pajjiż, għani b’tant riżorsi, m’għandux imur jorqod bla ma jkun kiel, u lanqas għandu jiċċaħħad milli jirċievi edukazzjoni u jkollu futur dinjituż minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà li tirrenja fit-toroq. Anqas u anqas m’għandu jisfa vittma tal-vjolenza sal-punt li jista’ jitlef ħajtu.

Hemm bżonn naħdmu flimkien: il-Knisja, is-soċjetà u l-Istat. Hemm bżonn niċċaqalqu u nimpenjaw ruħna għall-ġid komuni. Hija l-esperjenza li rrakkuntalna Alan, li llum joffri grawtitament dak li hu stess kien irċieva. Jiddependi minna jekk irridux nibnu belt ġdida li fiha ħadd ma jkun imwarrab, jew inkomplux ngħoddsu fil-kumdità tal-affarijiet personali. Il-Papa Franġisku kien jgħidilna illi “l-inklużjoni jew l-esklużjoni ta’ min mat-triq ikun qed ibati tiddefinixxi l-proġetti kollha ekonomiċi, politiċi, soċjali u reliġjużi. Kuljum insibu ruħna quddiem l-għażla li nkunu Samaritani tajba jew vjaġġaturi indifferenti li jgħaddu mill-bogħod” (Fratelli tutti, 69).

Il-ħidma tal-Knisja tibda mill-karità evanġelika, “li tħeġġiġha biex tersaq qrib tal-ġrieħi tal-umanità fil-mumenti li fihom dawn jidhru l-aktar gravi. Meta tintervjeni, dan tagħmlu billi timita lis-Samaritan it-tajjeb, b’diskrezzjoni u qrubija, fl-għarfien li dak li jinbet minn ħtieġa immedjata ma jistax jinbidel f’norma, lanqas jieħu post ir-responsabbiltajiet istituzzjonali proprji tal-komunità ċivili”(Magnifica humanitas, 21). Ngħaqqdu għalhekk l-isforzi tagħna u nwieġbu bil-ġenerożità għas-sejħa li flimkien nibnu patrija ta’ aħwa.

Għeżież ħbieb, il-parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb tintemm bl-inkarigu li jtina Ġesù: “Mur u agħmel l-istess” (Lq 10,37). Hu kmandament li kull nisrani għandu jħoss jidwi f’qalbu kuljum (cfr Dilexi te, 107). Inħallu dal-kliem iġeddidna u jixprunana nkomplu nibnu flimkien belt ġdida li fiha jsaltnu l-imħabba u l-paċi. Il-Mulej iberikkom u jalla Ommna Marija ta’ Guadalupe, li jien għandi għożża u qima partikolari lejha għax fil-jum tal-festa tagħha rċevejt l-ordinazzjoni episkopali, tħariskom u żżomkom taħt il-mant ċelesti tagħha. Grazzi ħafna.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?