Omelija fil-Katidral Bażilika ta’ Florida, Santwarju Nazzjonali tal-Virgen de los Treinta y Tres (Florida). Vjaġġ Appostoliku Tal-Qdusija Tiegħu Ljun XIV Fl-Urugwaj, L-Arġentina U L-Perù.

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ

6-17 ta’ Novembru 2026

QUDDIESA

FIS-SOLENNITÀ TA’ NUESTRA SEÑORA DE LOS TREINTA Y TRES

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Katidral Bażilika ta’ Florida, Santwarju Nazzjonali tal-Virgen de los Treinta y Tres (Florida)

Il-Ħadd 8 ta’ Novembru 2026

Għeżież ulied ta’ din l-art Urugwajana,

B’entużjażmu kbir ninsab hawn magħkom illum, f’riġlejn Nuestra Señora de los Treinta y Tres. Ġejt bħala pellegrin biex naqsam fil-fidi u fl-imħabba li biha dan il-poplu, sa minn ġenerazzjonijiet imbiegħda, ħares lejn Omm Alla. Ngħannaqkom ilkoll bi mħabba – lil dawk li ġew minn diversi postijiet, dawk li ilhom snin jagħmlu dan il-pellegrinaġġ u dawk li llum ġew għall-ewwel darba – u nafdakom fil-ħarsien ta’ Marija.

Il-Kelma ta’ Alla llum tippreżentalna żewġ nisa li għexu f’epoki differenti ħafna minn xulxin, li fuqhom tidwi kważi l-istess barka. Lil Ġuditta, wara li ħelset lill-poplu tagħha, jingħadilha: “Imbierka int, binti, minn Alla l-Għoli, imbierka fost in-nisa kollha tad-dinja” (Ġdt 13:18). Ħafna sekli wara, Eliżabetta tilqa’ lil Marija fid-dar tagħha u tesklama: “Imbierka inti fost in-nisa” (Lq 1:42).

It-tradizzjoni Nisranija malajr għarfet din ir-rabta. F’Ġuditta lemħet mara li, f’mument diffiċli għall-poplu tagħha, ma ħallietx il-biża’ jirbaħha. Bit-talb u s-sawm, ħadet deċiżjoni li wasslitha biex tpoġġi ħajjitha stess f’riskju (ara Ġdt 8-10) u meta waslet ir-rebħa, ma ħaditx il-mertu tagħha hi. Kienet taf tajjeb min kien salva lil Iżrael u qalet: “Għannu bit-tnabar lil Alla; għannu biċ-ċimbali lill-Mulej; insġulu salmi u innijiet; faħħruh u sejħu ismu” (16:1). Għalhekk huma daqshekk qawwija l-kelmiet li bihom jilqagħha l-poplu: “Bik titkabbar Ġerusalemm! Bik jiftaħar Iżrael! Int il-foħrija tal-poplu tagħna!” (15:9). F’Ġuditta, il-poplu jiċċelebra dak li Alla għamel għall-ġid tiegħu.

Meta llum nisimgħu dawn il-kelmiet quddiem il-Patruna ta’ dan il-pajjiż, inħossuh jidwi b’mod partikulari. Din ix-xbieha ċkejkna hi marbuta ma’ mument deċiżiv tal-istorja tal-Urugwaj. Fl-1825, anki min kien qed jitqabad għal-libertà ta’ din l-art dar lejn Marija, biex jafda fil-ħarsien tagħha l-bidu ġdid, u dak il-ġest ifakkarna li lanqas l-istorja tal-popli ma tista’ tinftiehem b’mod sħiħ jekk inwarrbu lil Alla. Hekk, sa minn wieħed mill-mumenti tat-twaqqif tal-Patrija, l-Urugwaj baqa’ intimament marbut ma’ Omm. Għaddew diversi ġenerazzjonijiet minn dakinhar, inbidlu ċ-ċirkustanzi u saħansitra r-relazzjoni ta’ ħafna Urugwajani mal-fidi. Imma hi baqgħet hawn. U filwaqt li Marija sieħbet l-istorja ta’ dan il-poplu, f’tant familji kienu nisa oħra li żammew il-fidi ħajja u għaddewha lil uliedhom.

Jiġuni f’moħħi l-ommijiet li poġġew fuq fomm uliedhom l-ewwel kliem ta’ talb, li wassluhom għall-Magħmudija, li ħejjewhom biex jirċievu s-Sagramenti u li għallmuhom jgħixu l-karità Nisranija. Jiġuni f’moħħi n-nanniet li kellhom altar id-dar, li talbu għall-ħajjin u għall-mejtin u li għamlu lil Alla preżenti fil-ħwejjeġ ordinarji tal-ħajja. Diġà fl-ewwel żminijiet tal-Knisja nsibu xi ħaġa tixxiebah: wara l-fidi ta’ Timotju kien hemm żewġ ismijiet ta’ nisa. L-Appostlu jfakkar bi mħabba lil nanntu Lojd u lil ommu Ewniki, li fihom kienet għammret l-ewwel dik il-“fidi vera” li Pawlu lemaħ ukoll fih (ara 2 Tim 1:5). L-Iskrittura tgħidilna ftit jew xejn fuq dawn iż-żewġ nisa. Imma nafu li minn dik il-fidi kkultivata fil-familja xorob dak li kellu jsir kollaboratur strett ta’ San Pawl (ara Atti 16:1-3).

Din l-art ukoll għandha ismijiet ta’ nisa minquxa fl-istorja tal-fidi tagħha. Fost dawn hemm Santa Marija Francesca Rubatto, li riedet tibqa’ fostkom u taqdi hawn lil min kien l-aktar fil-bżonn. Hemm ukoll il-Beati Martri Dolores u Consuelo Aguiar-Mella, żewġ aħwa nisa mwielda Montevideo. It-tliet ħajjiet tagħhom huma differenti ħafna minn ta’ xulxin, imma f’kollha nsibu fedeltà mwassla sal-aħħar.

Imma l-parti l-kbira ta’ din l-istorja ma nkitbitx fil-kotba. Għaddiet fis-skiet minn ġenerazzjoni għall-oħra, fi ħdan il-familji. Meta jsaqsuna mnejn ġejja l-fidi li nġorru fina, spiss joħroġ l-isem ta’ mara speċjali: omm, nanna, parrina, soru, katekista. Forsi ma niftakrux kulma qalulna, imma niftakru sew kif kienu jitolbu, kif kienu jitkellmu fuq il-Mulej u b’liema konvinzjoni kienu jgħixu dak li kienu jgħallmuna.

Lil dawn in-nisa kollha nixtieq ngħidilhom grazzi. Grazzi li emmintu u li żammejtu miftuħa, f’tant familji, mixja lejn Alla. Xi wħud irnexxielhom jagħmlu dan billi jserrħu fuq tradizzjoni familjari li kienet ġejja mill-bogħod; oħrajn kellhom iwieżnu l-fidi b’impenn akbar, forsi mingħajr ma jsibu dejjem min jifhimhom jew iweżinhom f’darhom stess. Nafu li ħafna minnhom iġorru f’qalbhom niket partikulari. Għallmu lil uliedhom jitolbu u llum dawk l-ulied ma għadhomx jitolbu. Kienu jmorru l-quddiesa flimkien u issa dawn ilhom snin ma jirfsu l-għatba tal-knisja. Kellmu lin-neputijiet tagħhom dwar Alla u issa ma jafux jekk dawk il-kelmiet ħallewx xi marka jew le. Xi drabi jistaqsu jekk għamlux xi ħaġa b’mod żbaljat jew jekk intilifx kollox. Ippermettuli nfakkar hawn lil Santa Monika. Hi kienet taf tajjeb xi tkun dik it-tbatija. Talbet għal snin sħaħ għal binha li kien jidher dejjem qed jitbiegħed iżjed minn Alla, u ma waqfitx tafda fil-grazzja. Għalhekk tiħdux b’mitluf dak li żrajtu. Il-Mulej għallimna li ż-żerriegħa tista’ tikber bla ma l-bidwi nnifsu jkun jaf kif (ara Mk 4:27).

Ommijiet u nanniet: la tegħjew qatt tgħaddu l-fidi! Ippritkaw bil-ħajja u bil-kliem. Insistu fit-talb, fl-imħabba u fit-tama: insistu f’waqtu u barra minn waqtu (ara 2 Tim 4:2). Agħmlu dan bis-sabar, bla ebusija u bla ma taqtgħu qalbkom. Imqar jekk l-għeżież tagħkom jidhru mbiegħda minn Alla, komplu ppreżentawhom lilu. Qatt la tieqfu tberkuhom, takkumpanjawhom, tfakkruhom b’sempliċità dak li darba huma rċevew. Hemm bibien li intom ma tistgħux tiftħu, imma Alla iva.

Nixtieq indur ukoll fuq l-irġiel, il-missirijiet u n-nanniet. Uliedkom u n-neputijiet tagħkom għandhom bżonn jaraw li l-fidi għandha post konkret fil-ħajja tal-irġiel tal-familja tagħkom. Ħudu eżempju minn San Ġużepp, li ħa fuqu l-ħidma li jeduka lil Ġesù, jieħdu t-Tempju, jgħallmu jaħdem b’mod onest u jurih li Alla għandu jkollu l-ewwel post fil-ħajja ta’ persuna. Għeżież ġenituri u nanniet, iż-żgħażagħ għandhom bżonn jarawkom titolbu, tersqu lejn is-Sagramenti, tittrattaw b’rispett lil martkom, titolbu maħfra u tgħixu b’onestà anki meta dan jitlob sagrifiċċju. Iben jista’ jitgħallem ħafna meta jara li missieru jaf jinżel għarkupptejh quddiem Alla bla ma b’daqhekk iħossu inqas raġel.

L-Iskrittura titlob mill-poplu li l-kliem li hu rċieva mingħand Alla jibqa’ msammar f’qalbu u li jgħallmuhom lil uliedhom, u jkellmuhom dwaru “meta tkun f’darek […], meta timtedd, u meta tqum” (Dewt 6:6-7). Alla fil-fatt kellu post fil-konverżazzjonijiet, fid-deċiżjonijiet u fil-ħajja ta’ kuljum tal-familja. Hekk l-ulied kienu jitgħallmu li l-fidi li rċivew mingħand il-ġenituri kienet dak li għalih huma stess kienu jgħixu. Anki l-Isqfijiet, is-saċerdoti u l-persuni kkonsagrati huma msejħin iwieżnu l-familji f’din il-missjoni, billi jħaddmu b’ġenerożità l-paternità u maternità spiritwali tagħhom, isieħbu lil min qed jitlajja, u jgħinu lil ħafna jerġgħu jsibu t-triq ta’ Alla.

Ngħaddu l-fidi jfisser inwasslu lill-oħrajn għand Kristu, li aħna stess ilqajna, u Marija turina eżattament kif nagħmlu dan. Fil-Vanġelu, Eliżabetta tilqagħha billi tgħidilha: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (Lq 1:42). Imma hi ma żżommx għaliha dak it-tifħir. Eliżabetta tgħidilha li hi hienja u hi twieġeb billi tgħanni l-kobor tal-Mulej (ara Lq 1:46-55). F’Kana, meta xi wħud imorru għandha, tibgħathom għand Binha: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

San Pawl, fit-Tieni Qari, jifformula b’mod espliċitu verità li l-ħajja kollha ta’ Marija xxandar: “Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù” (1 Tim 2:5). Il-kobor kollu ta’ Marija ġej mir-relazzjoni tagħha ma’ Kristu: tilqgħu, tgħix bih u twassal lill-oħrajn għandu. Dik il-laqgħa mal-Imgħallem hija d-destinazzjoni ta’ kull evanġelizzazzjoni u ta’ kull devozzjoni Marjana awtentika. L-Iben ta’ Alla ingħata għal kulħadd, u ħadd ma jista’ jibqa’ eskluż mit-talba tal-Knisja. Għalhekk San Pawl jitlobna biex nitolbu “għas-slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità” (1 Tim 2:2), u għall-bnedmin kollha, għax Alla “jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw” (1 Tim 2:4).

F’din il-Festa tal-Patruna tal-Urugwaj, ejjew nieħdu quddiem il-Mulej lil dan il-Poplu kollu. Nitolbu għal dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jmexxuh, biex ifittxu b’rettitudni l-ġid ta’ kulħadd; għall-familji, għaż-żgħażagħ, għal dawk li qed ibatu, għal dawk li jħossuhom imbiegħda minn Alla u għal dawk li għandhom bżonn li jerġgħu lura għandu u jibdlu ħajjithom.

San Luqa jurina kif tibda din il-missjoni. Wara li tnissel fiha l-Iben ta’ Alla, Marija “qamet u marret tħaffef” (Lq 1:39). Ma tistenniex lil Eliżabetta tiġi tfittixha: tmur hi tiltaqa’ magħha u tidħol f’darha u magħha tieħu lill-Mulej. Hemm, it-tarbija taqbeż bil-ferħ u Eliżabetta timtela bl-Ispirtu s-Santu (ara Lq 1:41-44). Iċ-ċaqliq ta’ Marija juri t-triq lilna wkoll. Ma nistgħux nistennew dejjem li min tbiegħed jiġi lura minn jeddu. L-Urugwaj: hemm bżonn nibdew mexjin aħna! Hem bżonn nidħlu lura fid-djar, noqorbu lejn il-persuni, nisimgħu l-mistoqsijiet tagħhom u nwasslulhom lil Kristu! Kull wieħed jaf lejn min għandu jagħmlu dan il-pass: forsi iben, ħabib, qarib, xi ħadd li waqaf jemmen żmien twil ilu jew li qatt ma kellu biswitu persuna li tkellmu fuq Alla.

Ħa tkun is-Sultana tas-Smewwiet li twieżen lil dawk li komplew jiżirgħu l-fidi u tgħallimna nagħrfu lil Kristu fil-fqir, fil-marid u f’min hu waħdu, biex inwassluh hemm fejn għadu mhux magħruf.

Minn hawn u ftit tal-ħin ieħor se nqiegħed il-Warda tad-Deheb quddiem din ix-xbieha. B’dan il-ġest nixtieq nagħti ġieħ lil Dik li hi tassew il-“foħrija tal-poplu tagħna” (Ġdt 15:9) u nuri t-twettiq ta’ dawk il-kelmiet li hi stess lissnet: “Kull nisel jibda jsejjaħli hienja” (Lq 1:48).

Lil Marija, Kaptana u Gwida tal-poplu, nixtieq nikkonsagra mill-ġdid dan in-nazzjon, nafda fil-ħarsien tagħha din l-art u lil dawk kollha li jgħixu fiha, u nitlob lil Alla biex, għall-interċessjoni qawwija tagħha, ixejjen l-opri tad-demonju u jħares lill-maħbub Urugwaj minn dak kollu li jrid ibiegħdu minn Kristu. Jalla din il-Warda tad-Deheb, offruta lil Marija b’sinjal ta’ qima u ta’ mħabba ta’ wlied, tfakkar anki lil uliedha li huma msejħin jixbhuha: biex iħobbu lil Kristu bħalma ħabbitu hu, u jwassluh lill-oħrajn kif wasslitu hi. Hekk ikun.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?